Biċċa xogħol mhux kompluta: l-għaxra min-nies li s’issa żgiċċaw minn akkuża ta’ qtil

Read this article in English here.

Minkejja l-biżibilju ta’ rapporti istituzzjonali, dak kollu li jinkixef fil-gazzetti u l-investigazzjonijiet kollha li saru, ħafna mill-ħażin li għamlu ċertu individwi fl-ogħla livelli tal-gvern u tal-pulizija f’dawn l-aħħar snin, s’issa għadu ma ġiex ikkastigat. 

L-awtoritajiet li għandhom id-dmir jinfurzaw il-liġi ħabbru li kienu qed isiru xi investigazjonijiet u semmew xi ‘akkużi possibbli’ fil-konfront ta’ uħud minn dawn l-individwi minħabba x-xhieda li ħarġet fil-beraħ, imma s’issa minn dan kollu ma rriżulta xejn. 

Is-snin għaddejjin u ċ-ċittadini jibqgħu ma jsiru jafu xejn dwar kif sejrin l-investigazzjonijiet in konnessjoni mar-reati u l-abbużi li l-ewwel li kixfithom kienet Daphne Caruana Galizia, jew in konnessjoni mal-assassinju tagħha. 

Fl-okkażżjoni tal-erba’ snin u nofs minn mindu nqatlet brutalment b’karozza-bomba, The Shift ġabret lista ta’ individwi li ssemmew fir-reati l-iktar serji, imma li s’issa rnexxielhom jiżgiċċaw mill-ġustizzja. Għallinqas s’issa.

Dawk fil-poter

Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Kurt Farrugia f’Baku, l-Ażerbajġan, f’Diċembru tal-2014

Joseph Muscat: L-ex prim ministru tal-mistħija, implikat fil-parti l-kbira tal-iktar skandli kbar li okkorrew waqt li kien il-kap tal-gvern. Allegatament kellu x’jaqsam mal-kumpannija tal-Panama Egrant; dejjem baqa’ jiddefendi ministri magħrufin li kienu qed jaħmu proġetti korrotti bħalma huma l-power station tal-Electrogas, il-ftehim dwar l-isptarijiet mal-Vitals u Steward u l-‘Università’ Amerikana, biex ma nsemmux il-klima ta’ impunità li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Muscat iffrankaha l-investigazzjoni rigoruża li suppost saret fid-dawl ta’ allegazzjonijiet bħal dawn. Wara li spiċċa minn prim ministru tħallas għexieren ta’ eluf ta’ Ewro miż-żewġ kumpanniji Accutor AG u Spring X Media, it-tnejn li huma għandhom x’jaqsmu ma’ Vitals u Stewadr Healthcare. Dal-fatt li nkixef jikkonferma li Muscat baqa’ wieħed minn tal-ewwel mill-politiċi li s’issa l-ġustizzja ħarbu minnha. 

Keith Schembri: Dan kien iċ-chief of staff ta’ Joseph Muscat. Tħarrek minħabba każ ta’ frodi u ħasil ta’ flus li fih kellu x’jaqsam il-publikatur ta’ The Times of Malta, Allied Newspapers. Ħafna jaħsbu li Schembri kien il-moħħ responsabbli għall-intenzjonijiet kriminali li mexxew il-leġiżlaturi ta’ Muscat. Apparti l-allegazzjonijiet li huwa l-moħħ responsabbli minn uħud mill-iżjed każijiet korrotti fl-istorja ta’ Malta, issemma wkoll kemm-il darba minn diversi xhieda fil-proċess dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Dawn qalu li mhux biss kien involut fil-konġura, imma għadda wkoll l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-pulizija lin-nies li wettqu l-assassinju, u pprova anki jiżvija l-investigazzjoni billi jwaħħal fl-ex ministru Chris Cardona.

Konrad Mizzi: Il-proġett kontroversjali tal-Electrogas ta’ dan l-ex ministru kien ikkundannat mill-Awditur Generali, u fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha Daphne Caruana Galizia kienet qed tiffoka fuqu fl-investigazzjonijiet tagħha. Huwa ppruvat li dan kien il-pern tal-kumplott biex tinqatel u jissikket dak li kienet qed tiżvela dwaru. Is-sehem tiegħu fil-ftehim dwar l-isptarijiet, fil-power station tal-Electrogas u fil-windfarm ta’ Mozura kellu jkun biżżejjed biex jinbdew l-investigazzjonijiet iddettaljati. Il-pulizija interrogawh diversi drabi imma s’issa m’akkużawh ta’ xejn, anki waqt li baqa’ jitmejjel bil-public accounts committee tal-parlament. 

Chris Cardona: Fil-proċess għall-qtil ta’ Caruana Galizia, diversi xhieda semmew li fl-2015 l-ex ministru tal-ekonomija Chris Cardona kien ħema ‘kumplott parallel’ biex tinqatel il-ġurnalista. Caruana Galizia kixfitu li kienu rawh f’burdell Ġermaniż waqt li kien imsiefer fuq xogħol tal-Gvern. Issemma wkoll li kien involut f’attentat ta’ serqa ta’ bank bl-armi. Dwaru (flimkien ma’ Mizzi u Edward Scicluna) hemm ukoll inkjesta maġisterjali li għandha x’taqsam mal-ftehim mal-Vitals, inkjesta li nbdiet iktar minn sentejn ilu imma s’issa għadu ma ħareġ l-ebda riżultat.

Carmelo Abela: Dan l-ex ministru akkużawh li kien il-kuntatt minn ġewwa fl-istess attentat ta’ serqa mill-bank li fiha huwa implikat wkoll Chris Cardona, imma minkejja din l-akkuża, baqa’ membru tal-Kabinett għal diversi snin – skandlu fih innifsu. U l-fatt li Abela, lill-pubbliku żvijjah dwar il-fatt li ssejjaħ il-qorti biex jixhed dwar ir-rwol allegat tiegħu, dil-ħaġa rrendiha ħafna iktar xokkanti. Issa mill-elezzjoni ‘l hawn, m’għadux fil-Kabinett, imma minkejja l-fatt li issa kulħadd jaf bid-dettalji dwar l-involviment allegat tiegħu, xorta għad m’hemm l-ebda sinjal ta’ progress fl-investigazzjonijiet.

Edward Scicluna: L-ex ministru tal-finanzi li bħalissa huwa l-gvernatur tal-Bank Ċentrali. Huwa kien li ta l-liċenzja lil Pilatus Bank, il-magna tal-ħasil tal-flus. Huwa kien li diversi każijiet ta’ ftehim korrott iffaċilitahom u approvahom u wasal biex il-kaxxa ta’ Malta żvojtaha. Minħabba f’hekk ukoll, il-ġurisdizzjoni tagħna tas-servizzi finanzjarji li qabel tant kienet irrispettata, spiċċat imżebbla internazzjonalment. Hu wkoll (flimkien ma’ Mizzi u Cardona) ilu jiġi investigat sa mill-2019 f’inkjesta maġisterjali li qed tinvestiga l-iskandlu tal-isptarijiet, għas-sehem tiegħu f’dan il-ftehim li jiddeskrivuh bħala serq sfaċċat fid-dawl tax-xemx. B’dan kollu, ħaġa tal-iskantament, għadu l-gvernatur tal-Bank Ċentrali, b’salarju ta’ 100,000 Ewro li hu stess, f’waħda mill-aħħar azzjonijiet li ħa bħala ministru tal-finanzi qabel ma leħaq gvernatur, żiedu bi 11,000 Ewro fis-sena.

In-nies li aġevolawhom

Ali Sadr Hashemenijad jinqabad hu u jħalli l-Pilatus Bank, iġorr il-bagalji mimlija daqs bajda fl-20 ta’ April tal-2017. Ir-ritratt: Net News

Lawrence Cutajar: Dan l-ex kummissarju tal-pulizija jistħoqqlu l-fama talli ħareġ jiekol il-fenek meta fl-2017, Ali Sadr, ta’ Pilatus Bank, inqabad mill-kamera ħiereġ mill-uffiċċju tal-bank f’nofs ta’ lejl iġorr bagalji mimlija daqs bajda ftit sigħat biss wara li Daphne Caruana Galizia irrappurtat li sid il-kumpannija Egrant kienet Michelle Muscat, mart l-ex prim ministru tal-mistħija Joseph Muscat. Cutajar għadu qed jiġi investigat mill-pulizija għax tkellem ma’ Edwin Brincat (il-Ġojja), sieħeb Melvyn Theuma, li hu stess ammetta li kien is-sensar fil-qtil ta’ Caruana Galizja, u din l-investigazzjoni  issa ilha sejra mill-inqas sena. 

Ray Aquilina: Is-supretendent Ray Aquilina kien il-kap tat-Taqsima tar-Reati Finanzjarji: sena ilu, f’April tal-2021, arrestawh u interrogawh għaliex allegatament għadda l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Il-pulizija qed jinvestigawh ukoll biex jaraw kienx involut f’reati finanzjarji. Il-pulizija suppost li qed jinvestigawh ukoll dwar ir-rabtiet li kellu mal-iżviluppatur Joseph Portelli. In-negozju li qed jiġi investigat jinvolvi t-trasferiment ta’ propjetà lil min jiġi minn Aquilina, u iktar tard dil-propjetà spiċċat f’idejn l-ex supretendent. S’issa, dwar din l-investigazzjoni li saret minn mindu kien arrestat, għadu ma nstema’ xejn, u ma nħarġu ebda akkużi.

Ian Abdilla: F’Awwissu tal-2021, ġie rrappurtat li l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla seta’ jiffaċċa akkużi kriminali għax ma investigax il-politiċi li nkixfu fil-Panama Papers. Lil Abdilla, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà issospendih b’nofs il-paga u l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ntalbet tinvestiga kellux jitkeċċa mill-pulizija. Iktar kmieni dan ix-xahar, The Shift kixfet il-fatt li mhux biss ma sarulu ebda akkużi, imma anki li l-ex Assistent Kummissarju tal-Pulizija għadu fil-Korp tal-Pulizija u għadu qed jitħallas nofs is-salarju. 

Silvio Valletta: F’Jannar tal-2020, il-pulizija kkonfermaw li l-ex deputat kap tal-pulizija Silvio Valletta kienu qed jinvestigawh wara li dehru rapporti fil-media dwar ir-relazzjoni ta’ ħbiberija li kellu ma’ Yorgen Fenech, akkużat ta’ qtil. Minkejja li kien jaf li Fenech kien sid il-kumpannija 17 Black, kumpannija li kienet isservi biex jinħaslu l-flus, fl-2018 Valletta xorta siefer darbtejn ma’ Fenech: darba mar Kyiv biex jara l-Finali tal-Kampjonat u darb’oħra, f’Settembru ta’ wara, mar Londra biex jara logħba taċ-Chelsea. F’Novembru tal-2019 Fenech ġie arrestat u akkużat li daħal f’konġura biex joqtol lil Caruana Galizja b’karozza-bomba ftit ‘il bogħod minn darha f’Ottubru tal-2017. Waqt li kien qed jinvestiga l-każ. Valletta kien miżżewweġ lil Justyne Caruana li dak iż-żmien kienet Ministru t’Għawdex. Għaddew sentejn u s’issa lil Valletta għadha ma nħarġitlu l-ebda akkuża.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

‘Il-Billi’ proposes more flats instead of Calypso Hotel extension
Gozitan businessman Michael Caruana, known as ‘il-Billi’ and the
Acquisition of €70,000 crib for St John’s Co-Cathedral raises questions on source
A small Neapolitan crib acquired by the St John’s

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo