‘Sospiżi’ l-proċeduri kriminali kontra Ali Sadr

Dak li kien is-sid tal-Pilatus Bank juża kumpannija minn Hong Kong biex jiftaħ kawża internazzjonali kontra Malta, u għallinqas għalissa, jirnexxilu jwaqqaf kull azzjoni kontrih.

 

This article is also available in English

Hekk kif f’Malta qed tikber il-pressjoni biex il-pulizija jipproċedu kontra l-persuni msemmija fil-konklużjoni tal-inkjesta Pilatus Bank, sidha, l-Iranjan Ali Sadr Hashemi Nejad għamel kontro attakk fuq skala internazzjonali biex ibiegħed minnu l-awtoritajiet li qed imexxu kontrih.

Lil International Centre for Settlement of Investment Disputes (l-ICSID) tal-Bank Dinji, saritlu talba urġenti minn kumpannija bbażata Hong Kong, l-Alpene Ltd, li sidha huwa Ali Sadr.

Fost affarijiet oħra, Malta ntalbet tissospendi immedjatament il-proċeduri kontra Ali Sadr u partijiet oħra interessati.

L-Erbgħa li għadda, l-ICSID laqa’ it-talbiet tal-Alpene kważi kollha, u b’hekk fil-fatt ordna li jitwaqqfu l-proċeduri kriminali kollha sakemm il-każ tal-Alpene kontra Malta jiddeċidih l-ICSID.

Din it-talba straordinarja hija parti minn każ ikbar li għaddej bil-magħluq, u li l-kumpannija Alpene ta’ Ali Sadr fetħet kontra Malta, waqt li qed titlob il-miljuni ta’ dollari Amerikani f’danni.

It-talba saret 13-il jum wara li Angelo Gafà, il-Kummissarju tal-Pulizija, kien ħabbar, kmieni f’Awwissu tal-2020, li l-pulizija kienu għoddhom “solvew każ kbir … li kulħadd ħaseb li ma konna qed nagħmlu xejn dwaru”.

L-istampa kienet fehmet li kien qed jirreferi għall-każ tal-Pilatus Bank u jidher li Ali Sadr hekk fehem ukoll.

Fl-20 t’Awwissu tal-2020, l-Alpene kienet bagħtet ittra bis-saħħa tal-kumpannija legali Amerikana Steptoe &Johnson biex lil Malta tinnotifikaha b’ ‘tilwima’, u bl-intenzjoni li kellha, li tipproċedi kontriha bis-saħħa tat-trattat bilaterali ta’ investiment bejn Malta u ċ-Ċina.

Estratt mill-ittra li ntbagħtet lill-awtoritajiet Maltin fl-20 t’Awwissu, 2020.

Jidher li Malta din l-ittra, la kkontestatha u lanqas ma weġbitha. Sena wara, f’Ġunju tal-2021, l-Alpene għamlet talba formali għall-arbitraġġ kontra Malta quddiem l-ICSID waqt li nnutat li l-ittra tagħha, Malta kienet injoratha.

L-ICSID huwa istituzzjoni internazzjonali tal-arbitraġġ, stabbilit fl-1966 biex jirriżolvi t-tilwim legali u jasal għall-konċiljazzjoni bejn l-investituri internazzjonali u l-istati, proċess magħruf bħala “investor-state dispute settlement” jew ISDS.

Kienet saret investigazzjoni innominata għall-Pulitzer Prize mill-istampa internazzjonali. Din l-investigazzjoni kienet ikkonċentrata fuq l-ISDS, bħal dik li qed imexxi l-ICSID. L-investigazzjoni kienet ddeskrivietha bħala “qorti superjuri globali u privata li lill-pajjiżi ġġegħlhom jagħmlu kif trid hi”.

X’għandu x’jaqsam mal-Pilatus Bank it-trattat li Malta għandha maċ-Ċina?

Xi avukati li tkellmet magħhom The Shift stqarrew kemm kienet makakka l-mossa li għamel Ali Sadr meta irrikorra lill-ICSID.

Meta għażel il-kumpannija tiegħu Alpene rreġistrata Hong Kong, lil Malta żeffnilha fin-nofs it-Trattat Bilaterali ta’ Investiment (BIT) li Malta ffirmat maċ-Ċina fl-2009. B’hekk mhux biss japprofitta ruħu minn mekkaniżmu protettiv qawwi ħafna, imma lil Malta potenzjalment iqiegħdha f’kunflitt maċ-Ċina fl-istess ħin li lil dan il-pajjiż, Malta qed tistiednu jinvesti fiha bil-kbir.

Jekk il-BIT li għandha maċ-Ċina, Malta xxellfu, dan l-investiment tkun qed tipperikolah.

L-Alpene qed tgħid li effettivament il-Pilatus Bank, Malta esproprijatu u li “kienet qed tkiddu billi tmexxi investigazzjoni malizzjuża kontrih”.

L-Alpene qed tgħid ukoll li Malta qed tkompli tkiddha bit-theddida ta’ prosekuzzjoni kriminali kontra Ali Sadr u bil-fatt li l-konklużjonijiet tal-inkjesti kriminali qed isir jaf bihom il-pubbliku. U dan bi tpattija talli l-Alpene rrikorriet għall-arbitraġġ tal-ICSID kontra Malta.

Fl-14 ta’ Settembru, l-argumenti tal-Alpene, l-ICSID aċċettahom u ‘rrakkomanda’ li l-proċeduri kollha li qed tagħmel Malta tissospendihom. Dawn jinkludu l-proċeduri kriminali li d-drittijiet tal-Alpene jistgħu jaffettwawhom skont it-trattat relevanti, inkluż id-dritt li jissejħu xhieda bħal Ali Sadr. Dis-sospensjoni għandha tibqa’ sa ma t-tribunal, il-każ ikun iddeċidieh b’mod konklussiv.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICSID jitqiesu li jorbtu lil dak li jkun.

Ali Sadr qed jippretendi l-miljuni tad-dollari f’danni

L-Alpene qed tgħid li l-azzjoni ta’ Malta kontra l-Pilatus Bank, li issa huwa magħluq, meta (b’deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew) neħħietlu l-liċenzja, effettivament tissarraf f’att ta’ esproprijazzjoni minn Malta.

U qed titlob miljuni ta’ dollari Amerikani f’danni.

L-Alpene Ltd qed tgħid li Ali Sadr “qed ikidduh”.

Skont l-Alpene, l-azzjoni ta’ Malta kontra l-Pilatus Bank hija mmotivata biss mill-akkużi li l-Amerika għamlet kontra Ali Sadr. Iktar tard, il-prosekuturi Amerikani, dawn il-proċeduri ħarbtuhom, u nħeles minkejja li l-ġurija sabitu ħati li kien kiser is-sanzjonijiet. Il-kumpannija bbażata Hong Kong qed tgħid ukoll li l-Pilatus Bank, Malta mexxiet kontrih biex tpatti għall-greylisting tagħha mill-FATF. Il-Pilatus Bank flimkien mal-uffiċjal tagħha li suppost jirrapporta l-ħasil tal-flus kif ukoll l-avukat tagħha, ilkoll xlewhom f’Malta bil-ħasil tal-flus.

U fl-aħħarnett imma forsi b’mod mill-iktar qarrieqi, l-Alpene qed tgħid li l-awtoritajiet Maltin, lill-Alpene heddewha biss bil-proċeduri kriminali wara li waslitilha l-ittra tagħha tal-20 t’Awwissu tal-2020, u allegat li din hija ‘xhieda’ li l-awtoritajiet qed ikomplu jkidduha biex ipattuhielha talli qajmet tilwima.

It-talba għal ‘miżuri proviżorji’  li għamlet l-Alpene fl-20 ta’ Lulju kienet ibbażata fuq din il-biċċa tat-“tpattija” u effettivament lill-prosekuturi Maltin, il-biċċa kollha taqlibhielhom ta’ taħt fuq.

L-isfida li qed tiffaċċja Malta mhix waħda faċli. Iktar kmieni din is-sena, l-isforzi tal-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat Malti  qala’ daqqa ta’ ħarta meta l-ICSID irrifjuta t-talba ta’ Malta biex ma jilqax it-talba tal-Alpene għall-arbitraġġ, għax ikkonkluda li Malta għandha twieġeb għal dawn l-akkużi. Għadna ma wasalna mkien fl-isforzi tagħna biex nikkuntattjaw lill-Avukat tal-Istat.

Issa l-Erbgħa li għadda, l-ICSID iddeċieda li sakemm jikkonkludi l-arbitraġġ, il-proċeduri kriminali lokali għandhom jiġu sospiżi, u din hija daqqa ta’ ħarta oħra verament kbira.

F’idejn ‘qorti superjuri globali u privata’

Fl-2017, il-ġurnalist Chris Hamby investiga it-tribunali ‘investor-state dispute settlement’, inkluż l-ICSID. Ta’ din l-investigzzjoni kien innominat għall-Pulitzer Prize.

Dawn it-tribunali iddeskrivihom bħala “univers legali parallel, aċċessibbli biss għall-korporazzjonijiet, u prattikament inviżibbli għall-bqija. Bis-saħħa tagħhom l-uffiċjali esekuttivi ikkundannati ta’ xi reat, il-kastig jiffrankawh.”

“Qorti superjuri globali u privata li bis-saħħa tagħha il-korporazzjonijiet, lill-pajjiż iġiegħluh jagħmel dak li jridu huma.”

Ir-rapport ta’ Hamby jgħid: “Tant hi b’saħħitha din il-qorti li l-pajjiż spiss ikollu joqgħod għad-deċiżjoni tagħha daqslikieku kienet ġejja mill-Qorti Suprema tiegħu stess, u triq biex jappella m’hemmx b’mod li jagħmel sens.”

“L-operat tagħha la m’huwa mxekkel mill-preċedent u lanqas mill-iskrutinju pubbliku: spiss mhux biss il-proċeduri, imma anki d-deċiżjonijiet tagħha, iżżommhom sigrieti”.

Din il-possibbiltà ta’ litigazzjoni investor-state dispute tirriżulta minn firxa ta’ iktar minn 2,800 ftehim bejn il-pajjiżi, magħrufa bħala trattati bilaterali ta’ investiment (BIT). Bis-saħħa ta’ ftehim bħal dan il-pajjiżi parteċipanti iwiegħdu lil xulxin li lilll-investitur mill-pajjiż l-ieħor jagħtuh ċertu drittijiet u protezzjoni.

Dan it-tip ta’ trattat, il-pajjiż jipprova jżomm miegħu skrupolożament mhux biss biex jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu imma anki għaliex jekk jinkiser trattat ta’ investiment, jitgerrex ‘l hemm l-investiment barrani.

Skont ir-raport ta’ Hamby, in-nies li jiddeċiedu dawn il-każijiet ta’ investor-state dispute, “fil-parti l-kbira tagħhom ikunu avukati magħżula b’esperjenza ta’ korporazzjonijiet, ġejjin mill-Punent: dawn ikollhom interess li l-awtorità ta’ din il-qorti jkomplu jkabbruha għax japprofittaw minnha direttament. Filli jkunu qed imexxu każ u filli jkunu qed jaqtgħu kawża.”

U jżid jgħid li b’laqta ċajtiera uħud minnhom jissejħu “Il-Klabb” jew anki “Il-Mafja”.

U forsi hawn se jiltaqgħu flimkien għal darb’oħra l-interess tal-gvern Laburista ma’ dak ta’ Ali Sadr.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Il-PBS jostor informazzjoni dwar in-nefqa għall-Eurovision
Read in English. Ix-xandir nazzjonali qed jirrifjuta li jipprovdi
Il-bdoti tal-Air Malta jilħqu ftehim, u jwaqqgħu l-kawża kontra l-Prim Ministru
Read in English. Bosta bdoti tal-Air Malta għadhom kif

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo