Il-kumpannija Ċiniża Shangai Electric tagħmel profitt ta’ 15-il miljun Ewro u l-Enemalta qed tegħreq bid-djun

Read the article in English here.

Il-kumpannija tal-gvern Ċiniż Shangai Electric li fl-2014 xtrat l-impjant l-iktar modern tal-Enemalta, għall-2020 għamlet profitt ta’ 15-il miljun Ewro. Fl-istess ħin, The Shift saret taf li l-Enemalta, id-distributur tal-enerġija elettrika f’Malta, qed tegħreq fi djun li jammontaw għal għaxriet ta’ miljuni f’telf.

Skont il-kontijiet l-iktar reċenti vverifikati fl-2020, il-kumpannija D3 Power Generation għamlet il-miljuni fi qligħ, waqt li l-kumpannija statali Maltija li tipprovdi l-enerġija elettrika kienet qed titħabat biex tkopri l-ispejjeż, u kellha tibda tiddependi mis-sussidji mit-taxxi tagħna. D3 Power Generation hija l-kumpannija li fl-2014 kienet xtrat l-impjant state-of-the art għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika mill-gvern Laburista. 

Il-kontijiet kienu vverifikati mill-RSM u juru li fl-2020, f’nofs il-pandemija, lill-kumpannija Ċiniża, l-Enemalta ħallsitha 95 miljun Ewro tal-enerġija elettrika li pproduċiet bl-LNG. B’hekk għamlet profitt ta’ 15.2 miljun Ewro. Dan il-profitt jiġi xi żewġ miljun Ewro inqas mill-profitt li għamlet din l-istess kumpannija fl-2019: dakinhar lill-Enemalta kienet begħtilha b’madwar 73 miljun Ewro enerġija elettrika. 

Il- kumpannija D3 Power Generation ilha tagħmel profitti ta’ miljuni ta’ Ewro sa mill-2014, meta l-gvern Ċiniż xtraha għal 150 miljun Ewro biss. 90% tal-kumpannija hija tal-gvern Ċiniż waqt li l-10% li fadal huma tal-Enemalta. 

Skont ir-rendikont finanzjarju tagħha, biex joperaw l-impjant, il-kumpannija għandha 18-il impjegat biss, imma meta l-Enemalta kienet tagħmel l-istess xogħol, impjegati kellha bil-mijiet.

Dil-biċċa negozju, l-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat kien sejħilha s-salvazzjoni tal-Enemalta mill-falliment, imma lil The Shift, min jifhem fl-industrija qalilha li dan il-ftehim qablilhom ħafna liċ-Ċiniżi, tant li kull sena għandhom garanzija ta’ miljuni ta’ Ewro fi profitt bis-saħħa tal-ftehim li għandhom mal-Enemalta għax-xiri tal-enerġija.

Kif qalulna dawn il-fonti, “F’temp ta’ ftit snin, iċ-Ċiniżi kważi diġà rkupraw l-ispiża kollha tal-investiment li kienu għamlu”.

“Ironikament, l-iskuża li kien uża l-gvern dak iż-żmien, biex l-impjant il-ġdid ibigħu bi prezz daqshekk redikolu, jiġifieri biex isalva lill-Enemalta, issa jidher ċar li kienet vojta daqs il-ftehim innifsu, għax l-Enemalta reġgħet għandha djun kbar”.

Biex jirrappreżenta l-interessi tal-Enemalta, fil-bord tad-diretturi ta’ D3 Power hemm l-ex membru Parlamentari Salvu Sant, li għandu 86 sena. Qabdu l-Prim Ministru Robert Abela f’Ottubru wara li neħħih mill-bord tad-diretturi tal-Enemalta.

Skont il-kontijiet l-iktar reċenti, bħala ħlas, l-erba’ diretturi ħadu bejniethom 200,000 Ewro fl-2020. Minn barra Sant, hemm tlett diretturi oħra Ċiniżi, li kollha qed joqogħdu Malta.

L-erba’ diretturi ta’ D3 li bejniethom ħadu 200,000 Ewro bi ħlas fl-2020

Waqt li l-kontijiet ivverifikati, D3 Power Generation ippubblikathom, l-Enemalta, il-qagħda finanzjarja tagħha ilha snin sħaħ taħbiha.

L-aħħar kontijiet ivverifikati ppubblikathom fl-2018 imma ħadd ma jaf fiex tinsab il-kumpannija verament.

Iktar kmieni din il-ġimgħa, The Shift irrappurtat kif, mill-2020 ’l hawn, l-Enemalta qed jerġa’ jkollha telf kbir ta’ miljuni ta’ Ewro kull sena.

Il-ġimgħa l-oħra, kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli ma ridux jgħidu kemm miljuni qed iħallas il-gvern kull xahar lill-Enemalta bħala sussidju biex ma tfallix. L-uniku kumment li għamlu kien li din l-għajnuna mill-istat – legalment dubjuża skont ir-regoli tal-UE – hija miżura biex il-prezz għall-konsumatur iżżommu stabbli.

Imma din l-għajnuna mill-istat, ħierġa mit-taxxi tagħna, qed igawdi minnha l-gvern Ċiniż ukoll, għax fl-istess biċċa negozju tal-BWSC, l-istat Malti kien begħlu 33% tal-Enemalta għall-prezz ta’ mitt miljun Ewro biss.

Bil-ħadma tal-2014, l-Enemalta spiċċat biss b’monopolju għad-distribuzzjoni tal-enerġija, u m’għandha l-ebda kapaċità biex tipproduċi l-enerġija hi. 

Bħalissa l-Enemalta tiddependi kompletament minn entitajiet privati biex tipprovdi l-enerġija elettrika skont il-ftehim li għandha mal-Electrogas, sid l-impjant tal-LNG, D3 Power, sid l-ex impjant tal-BWSC u l-interconnector, li jimporta l-elettriku  minn Sqallija.

Jekk tinqala’ emerġenza, f’Delimara, l-Enemalta għad għandha xi impjanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, imma dawn ilhom sa mis-snin 1990 u jużaw il-heavy fuel oil.

Bħalissa Malta tista’ tipproduċi sa 537 MW, u mill-interconnector tista’ tuża sa 200 MW oħra. Ftit xhur ilu tħabbar il-pjan għal interconnector ġdid.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

PL parliamentary group: Backbenchers declare more earnings than ministers
Almost all Labour backbencher MPs are earning incomes far
Opinion: Trapped in a state of lawlessness
On 19 September, the European Court of Justice declared

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo