L-ilsir li ma jaħsibx huwa lsir kuntent – Kevin Cassar

You can read this article in English here

“M’hemmx ilsir iktar skjav minn dak li minn għalih ħieles,” kiteb Goethe. Ħafna jaħsbu li aħna liberi sempliċement għax kważi b’miraklu ħlisna mill-oppressjoni vjolenti u infernali tal-Labour fis-snin tmenin.

Il-maġġoranza tan-nies jaħsbu li ħlisna mid-dittatura għax min jipprotesta m’għadhomx jattakkawh il-manigoldi tal-Labour; il-pulizija m’għadhiex tispara fuq is-supporters tal-PN; l-armi tad-delitti, il-pulizija m’għadhomx jaħbuhom fl-irziezet ta’ nies innoċenti; l-Oppożizzjoni m’għadx għandha bżonn il-messaġġi tagħha tittrażmettihom minn Sqallija; id-dar tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-marmalja Laburista m’għadhiex tissakkeġġaha, ftit metri ‘il bogħod biss mill-għassa tal-pulizija; martu m’għadhomx jattakkawha f’darha stess, jitfgħuha mal-art, ituha bis-sieq u l-imsielet, il-kapurjuni tal-Labour iċarrtuhomlha minn widnejha.

Jew għax ulied il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għadx għandhom bżonn jaħarbu mill-bullies Laburisti, jaqbżu l-ħitan u jistkennu fi djar il-ġirien; u fl-istess ħin il-kotba u l-bagalji tal-iskola jitfgħuhomlhom mill-gallarija għal isfel u jaħarquhom quddiem kulħadd. Jew għax tat-Times m’għadhomx jaħarqulhom il-binja waqt li l-impjegati tagħhom kienu għadhom ġewwa. Għax min jivvota għal PN, il-canvassers ta’ Wistin Abela m’għadhomx isawtuhom fil-post tal-votazzjoni stess. Jew għax il-Kurja, “l-aristokrazija tal-ħaddiema” immexxija mill-prim ministru stess, m’għadhomx jagħmluha trietaq. Jew għax is-supporters ta’ Lorry Sant, il-Qrati m’għadhomx jissakkeġġawhom u l-ħwienet jisirquhom.

Imma b’daqshekk ma jfissirx li qed ingawdu l-libertà. Qed ngħixu f’soċjetà li tixbah il-‘Brave New World’ ta’ Aldous Huxley.

L-aljenazzjoni li tagħtik gost, id-divertiment imħallas mill-istat, il-kumdità ssussidjata mill-gvern, il-legalizzazzjoni tal-abbuż tad-droga “rikreattiva”: dawn kollha iwasslu għal ċittadin aljenat wisq biex jinkwieta dwar l-abbuż sfaċċat tal-Labour, jew anki biss biex jinduna bih.

Fl-1961, Huxley kien bassar li “n-nies jittieħdulhom il-libertajiet tagħhom, imma xorta jieħdu gost, għax bil-propaganda u bil-ħasil tal-moħħ, kull ħajra biex jirribellaw, jispiċċaw aljenati minnha.”

Tal-Labour, il-lezzjoni tgħallmuha. Il-vjolenza taħdem biss għall-futur qarib. Fuq medda ta’ żmien itwal, il-vjolenza trawwem ir-rabja u l-korla. Dik ir-rabja, lil-Labour ikkundannatu jgħaddi s-snin fil-baħħ politiku. U allura il-Labour biddel il-mod kif jaħdem. U issa juża metodu ġdid, iktar mistur, biex il-massa tal-poplu jgħarraqha f’provvista ma tispiċċa qatt ta’ aljenazzjonijiet – uħud li jagħtuk gost, oħrajn erotiċi, u l-parti l-kbira minnhom ma jgħidu xejn u trivjali.

Fit-tmeninijiet ta’ żmien Mintoff, il-kilba għall-poter kienu jissodisfawha billi jweġġgħu lin-nies u joħolqu t-tbatija. Fid-dinja l-ġdida ta’ Abela din il-kilba jissodisfawha billi jwikkulna pjaċir li huwa ftit inqas biss umiljanti.

Fil-ħamsinijiet tas-seklu l-ieħor, il-psikologu minn Harvard, B F Skinner għamel serje ta’ esperimenti biex juri l-qawwa tal-kondizzjonament operanti – metodu biex l-imġiba wieħed jimmodifikaha. Skinner sab li l-imġieba mhux mixtieqa tal-ġrieden wieħed seta’ jeliminaha għal xi żmien billi jikkawżalhom l-uġigħ. Imma l-motivazzjoni tal-ġurdien biex jerġa’ jaqbad dak il-mod ta’ kif iġib ruħu ladarba jispiċċa l-uġigħ, dik ma rnexxilux ineħħiha. Mill-banda l-oħra, meta kien jippremja aġir mixtieq, dan kien iwassal għal bidla fit-tul, anki meta l-premju ma kienx jingħata iżjed. Tal-Labour fehmuhom l-implikazzjonijiet soċjali tar-riċerka ta’ Skinner.

Għall-konvenjenza, tal-Labour, l-intimidazzjoni vjolenti abbandunawha. U issa tgħannqu ma’ metodu ilellex u affaxxinanti. Issa favur l-Ewropa, moħħhom fir-rikonċiljazzjoni u f’attitudni miftuħa. M’għadhomx partit. Issa saru moviment. Imma b’xorti ħażina l-bidla qiegħda biss fil-wiċċ.

Il-Labour tiddominah oligarkija li tikkontrollah u tgħallmet kif toħloq il-ħlewwa, tixtri l-appoġġ u timminimizza il-protesti u r-ribelljoni. Bi ħsieb preċiż, il-Labour mhux l-imġiba aħħarija jikkontrolla, imma l-motivi, ix-xewqat u t-tamiet tan-nies. U biex jasal s’hawn, lest juża kwalunkwe mezz.

Bħal fil-kas ta’ ‘Brave New World’, id-drogar sistematiku tan-nies, il-Labour jinkoraġġih għall-ġid tal-Partit. Il-leġiżlazzjoni dwar il-cannabis li għadda il-Labour huwa l-ewwel pass biex l-abbuż tad-droga jsir aċċettabbli, rispettabbli u anki tal-moda. Inkiss inkiss, ir-realtà traġika li d-droga teqred il-ħajja, il-Labour bidilha fl-illużjoni li l-użu tad-droga kulħadd għandu dritt għalih biex jirrikrea ruħu.

Il-Labour, l-użu tad-droga jinkoraġġih bħala “vaganza mir-realtà” – preċiż preċiż dak li għandu bżonn il-Labour biex il-poter jikkonsolidah. Il-leġiżlazzjoni, il-Labour użaha bħala arma politika – biex lil dawk li diġà għandhom il-vizzju, jirbaħhom, u lill-oħrajn li m’għandhomx, iħajjarhom: użaha bħala polza tal-assigurazzjoni kontra d-dissidenti.

Biex lin-nies jaljenahom, il-Labour uża mezzi oħra wkoll. Il-Kumitat Tekniku għar-Riforma tal-Prostituzzjoni mmexxi minn Rosianne Cutajar fassal abbozz ta’ qafas biex ix-xogħol sesswali jillegalizzah. U meta lil Cutajar saqsewha jekk dawk li jkunu qed jixtru s-sess hux se jkunu ttrattati ta’ kriminali, wieġbet xott xott: “Li tixtri s-sess, din hija tranżazzjoni bejn l-adulti”.

Il-Labour għalaq għajnejh huma u jiżdiedu l-‘massage parlours’ madwar pajjiżna, fenomenu li għandu rabtiet mill-viċin mat-traffikar tal-persuni u mal-isfruttament tagħhom. Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan lil Malta wissiha ripetutament biex “il-kontroll tal-liċenzja għal massage parlour ittejbu”. Imma minflok, il-ħtieġa tal-liċenzja, il-Labour neħħiha kwiet kwiet. U issa ma nistgħux inkunu nafu kemm hawn minn dawn il-parlours. Sal-2016 kien hemm 196 wieħed. Għaxra fil-mija tal-pazjenti li żaru l-klinika GU ammettew li fil-massage parlour għamlu s-sess bla protezzjoni. Li tinkoraġġixxi l-promiskwità huwa mezz ieħor kif tiżgura li kulħadd ikun kuntent bil-qagħda servili tiegħu.

Fost mezzi oħra, hemm ukoll id-divertiment. Anki waqt il-pandemija, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qassmet iktar minn mitejn sponsorship għall-avvenimenti ta’ divertiment li swew il-miljuni ta’ Ewro. U Festivals Malta taħraq il-flus biex tipprovdi iktar aljenazzjoni. Fuq il-Malta Film Awards intefqu l-eluf ta’ Ewro. U l-Labour tajjar 650,000 Ewro għall-Eurovision.

Imma l-aljenazzjoni kontinwa u l-iktar effettiva, il-Labour jipprovdiha bis-saħħa tal-mezzi soċjali. Biex jippromovi l-posts fuq Facebook biss, il-gvern nefaq il-miljuni. Mill-informazzjoni mogħtija fil-parlament, jidher li biss biss, bejn l-2013 u l-2017, għar-riklami fuq il-media soċjali, il-gvern nefaq 2 miljun Ewro punt 62. U b’mod l-iktar sfaċċat, il-Labour jabbuża mill-fondi pubbliċi biex l-iktar droga b’saħħitha jiddominaha hu – is-smartphone – li bih moħħ iċ-ċittadin jegħrqu f’baħar ta’ irrilevanza.

Pubbliku aljenat u mbikkem m’għandux ir-riżorsi f’idejh biex dan l-abbuż sfaċċat u korrott tal-fondi pubbliċi, kif ukoll it-tnaqqir tal-libertà personali mill-partit fil-gvern, jagħrafhom ta’ li huma u jirreżistihom. U b’hekk l-attakk fuq l-istandards demokratiċi u l-ħabi tal-informazzjoni jkomplu għaddejjin bla ma jisfidahom ħadd.

Il-Labour għandu aċċess bla limitu għad-data personali kif ukoll għall-fondi pubbliċi, u dan itih vantaġġ insormontabbli biex lill-elettorat jikkontrollah. Fuq livell individwali, il-Labour għandu l-għodda biex lill-votant jimmanipulah u b’hekk jiżgura l-poter f’idejh.

Ma tistax tirreżisti l-maġġoranza. Dawk li l-iskjavitù pjaċevoli tagħhom jieħdu gost biha, dejjem se jkunu fil-maġġoranza. U dawk li, biex jippreservaw il-libertà u l-umanità tagħhom, jirreżistu, dejjem se jkunu f’minoranza dejjem titnaqqar.

                           
                               
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo