Effetti tal-Inkjesta Vitals: l-avukati tad-DF jirreżenjaw mill-bordijiet tax-Shoreline u l-Convenience Shop

Read in English.

Issa li ġew żvelati l-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali li sabet attività kriminali u serq tal-miljuni mill-fondi pubbliċi, il-kumpaniji elenkati fil-borża The Convenience Shop (Holding) plc u Shoreline Mall plc għadhom kif iddistakkaw ruħhom mill-persuni li huma involuti f’dak il-ftehim frawdulenti tal-isptarijiet.

Fost dawk il-persuni msemmija hemm l-avukati Kevin Deguara u Jean Carl Farrugia, is-sħab fundaturi tad-ditta legali DF Advocates. Dawn kienu pprovdew konsulenza lill-Vitals Global Healthcare u lit-Technoline.

Deguara u Farrugia dehru fil-qorti l-ġimgħa l-oħra u qed jaffaċċjaw akkużi ta’ ħasil tal-flus u li pparteċipaw b’mod attiv f’attività kriminali u f’assoċjazzjoni kriminali.

Permezz ta’ stqarrijiet separati, il-kumpaniji Shoreline Mall u The Convenience Shop (Holding) ħabbru li dawn iż-żewġ avukati m’għadhomx membri tal-bordijiet tad-diretturi rispettivi tagħhom. Shoreline Mall qalet li Deguara u Farrugia xeħtu r-riżenji tagħhom minnufih minn membri tal-bord tagħha.

Shoreline investment, li Deguara u Farrugia huma azzjonisti privati fi proġett tagħha li jiswa bosta miljuni tal-ewro, kienet xtrat medda ta’ art mingħand Smart City biex tiżviluppa proġett massiv tal-proprjetà u kumpless tal-ħwienet. Dak iż-żmien, l-eks chief of staff diżonorat Keith Schembri kien jirrappreżenta lill-gvern fuq il-bord ta’ Smart City, u aktar tard ħadlu postu Kurt Farrugia.

L-istqarrija tal-kumpanija ma tħabbarx għalfejn dawn iż-żewġ persuni rreżenjaw minnufih, iżda din ġiet ippubblikata ftit wara li tressqu l-akkużi kontrihom fil-qrati. Skont l-istess stqarrija tal-kumpanija, jidher li Ryan Edward Otto, ċittadin mill-Afrika t’Isfel li xtara l-passaport Malti u li hu l-akbar azzjonist f’dak il-proġett tal-Kalkara, inħatar iċ-chairman tal-bord.

Anki l-kumpanija The Convenience Shop, li fl-aħħar għaxar snin infirxet f’ħakka t’għajn fl-akbar katina ta’ supermarkets madwar il-pajjiż, ħabbret li Deguara rreżenja minn ħdanha. Skont l-istqarrija tal-kumpanija, Deguara rreżenja mill-bord u minn membru tal-kumitat tal-awditjar “għal raġunijiet personali”.

L-aħħar riżenji ta’ Deguara ġraw wara riżenji oħra li xeħet matul il-ġimgħa l-oħra, meta rreżenja wkoll mill-bordijiet ta’ kumpaniji relatati mal-Grupp DIZZ, ikkontrollat minn Diane Izzo u żewġha Karl Izzo.

Madankollu, Deguara xorta għadu membru fuq xi bordijiet ta’ kumpaniji oħrajn elenkati fil-borża, fosthom ta’ Horizon Finance plc. Hu wkoll il-President tal-klabb tal-futbol Żabbari ta’ St Patrick’s.

Sieħbu fin-negozju, Jean Carl Farrugia, bħalissa hu s-segretarju tal-bord ta’ xi kumpaniji elenkati fil-borża li huma sidien tan-negozju tal-ikel Busy Bee u ta’ Browns Pharmacies, fost l-oħrajn.

Bis-saħħa tar-rabtiet tiegħu ma’ azzjonisti ta’ Browns, Deguara hu wkoll membru tal-kumitat tal-Valletta FC, li l-aġent president ta’ dan il-klabb inzerta wkoll sid il-Browns Alexander Fenech.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Xi jrid ikun biex il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jirreżenja?
Read in English. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina qal fi
Tiżdied il-frustrazzjoni hekk kif jissokta l-qtugħ tad-dawl minkejja l-wegħdi tal-gvern
Read in English. Issa li s-sħana tas-sajf bdiet teqliel

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo