ŻVELATI: Ix-xerrejja mistura ta’ portafoll tas-self tal-BOV li jiswa l-miljuni

Jinħolqu bosta dubji ta' revolving doors minħabba l-involviment tal-eks Chairman tal-BOV Deo Scerri f'kumpanija li kisbet portafoll.

 

Fid-19 ta’ Diċembru li għadda, il-bank ħabbar li kien biegħ il-portafoll iżda ma speċifikax liema kumpanija kienet xtratu. Iżda llum, wara investigazzjoni, The Shift jista’ jiżvela li kumpanija bl-isem 3514 Capital SCC xtrat dan il-portafoll.

Il-kumpanija xtrat xi 700 selfa tal-BOV għal €26 miljun, iżda l-valur oriġinali tas-selfiet ma ġiex ippubblikat. Il-BOV, fi tweġiba lil The Shift, qal li din l-informazzjoni ma ġiex ippubblikata minħabba sensittività kummerċjali.

Id-deċiżjoni tal-bank hi bbażata fuq ir-raġunament li tkun aktar kost-effettiva li dawn is-selfiet jinbiegħu lil min lest jiġbor il-flus, minflok ma joqgħod jidħol għal sigħat twal ta’ xogħol u spejjeż tal-litigazzjoni biex iġib lura parti mill-flus, meta wieħed iqis ir-riskji u t-telf.

Scerri jinsab fil-kumitat tal-investiment tal-kumpanija li ddeċidiet li tixtri dawn is-selfiet – 3514 Capital SCC, u naturalment dan l-investiment ta’ €26 miljun qed isir bl-aspettattiva li l-kumpanija tkun tista’ tagħmel qligħ ġmielu minnu.

Scerri kien iċ-chairman tal-BOV bejn l-2016 u l-2020 u kien inħatar mill-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat. Qabel dak iż-żmien, hu kien l-awditur tal-Partit Laburista.

Meta wieġeb il-mistoqsijiet ta’ The Shift, Scerri qalilna li r-rwol tiegħu fil-kumitat konsultattiv tal-investiment tal-kumpanija 3514 kien ristrett għal “sorveljanza u twettiq tal-politiki awtoregolatorji li l-kumpanija imponiet fuqha stess”. Qal li r-rwol tiegħu “m’għandu l-ebda rabta mal-istrateġija tas-sors jew tal-kisba fdata f’idejn il-bord tad-diretturi.”

Qalilna li r-rwol tiegħu fil-BOV ma kienx eżekuttiv u hu “ma kienx involut fl-operat ta’ kuljum tal-BOV”. Qal ukoll li “peress li għaddew aktar minn tliet snin u nofs… u peress li ma kontx involut f’xi negozjati mal-bank dwar il-kisba tal-portafoll tal-NPL, dan ix-xenarju ma jinvolvi l-ebda kwistjoni ta’ revolving doors.”

The Shift staqsa wkoll lill-BOV dwar il-valur oriġinali tal-portafoll, madankollu l-bank irrifjuta li jipprovdi dik l-informazzjoni, għax qalilna li fiha sensittività kummerċjali.

L-investigazzjoni ta’ The Shift dwar dan għadha għaddejja.

Rabtiet antiki, orizzonti ġodda

L-istruttura wara 3514 Capital SCC, li f’Diċembru li għadda xtrat portafoll tal-BOV ta’ self mhux performattiv.

Il-kumpanija tal-investiment 3514 Capital Partners xtrat ġabra ta’ xi 700 selfa għal €26 miljun permezz tal-kumpanija sussidjarja 3514 Capital SCC (securitisation cell company).

It-3514 Capital hija sħubija mmexxija minn Jean Carl Farrugia, sieħeb fundatur ta’ DF Advocates, u Christopher Vella s-CEO tal-kumpanija tal-konsulenza kummerċjali Polymath & Boffin li nfetħet fl-2011 u li hu l-uniku direttur tagħha. L-uffiċini ta’ Polymath & Boffin fil-Floriana huma l-istess bħal ta’ 3514 Capital.

Farrugia u Deguara huma s-sħab fundaturi ta’ DF Advocates – ditta mill-aktar magħrufa li kienet involuta f’bosta ftehimiet kontroversjali nnegozati mill-Partit Laburista fil-gvern, fosthom il-bdil fil-pjanijiet taż-żona ta’ Smart City għal residenzi privati, u fl-iskandlu tal-isptarijiet.

Farrugia u Deguara kienu benefiċjarji diretti ta’ bidliet legali li saru malajr malajr fl-2018 biex fi Smart City jkunu jistgħu jibdew isiru żviluppi residenzjali. Fl-2021, imbagħad, id-dar u l-uffiċċju ta’ Deguara sarulhom tfittxijiet mill-pulizija li qed jinvestigaw il-ftehim ‘frawdulenti’ tal-isptarijiet Vitals-Steward.

Deguara hu involut ukoll f’għadd ta’ negozji oħrajn u qiegħed fuq il-bordijiet ta’ diversi kumpaniji, fosthom D Shopping u Dizz Finance – il-fergħa finanzjarja tad-Dizz Group ta’ Diane u Karl Izzo – u Sadeen Education Investments Ltd – il-kumpanija wara l-American University of Malta.

L-ispjegazzjoni tal-bank

Fi tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ The Shift, il-BOV ikkonferma l-isem tal-kumpanija li xtrat il-ftehim, u żied jgħid li “ix-xerrej tal-portafoll intgħażel wara offerta formali li saret bħala parti minn proċess rigoruż ta’ sejħa għall-offerti li għamel il-bank u li ħadu sehem fih bosta partijiet interessati.” Il-bank qalilna wkoll li, “Għall-NPLs fit-tul, l-irkupru mistenni jimmaterjalizza bil-likwidazzjoni tal-kollateral wara proċess ġudizzjarju li jieħu bosta snin. B’mod realistiku, il-bank irnexxielu jikseb il-minimu bejn (i) l-ammont legali dovut mingħand il-klijenti u (ii) il-valur futur imbassar tal-kollateral, aġġustat biex jirrifletti l-fatturi tar-riskju u l-ispejjeż tal-likwidazzjoni.”

Il-bank qal ukoll li bi qbil ma’ prattiki stabbiliti, peress li l-ammonti miksuba fil-futur ikunu jiswew inqas mill-ammonti ekwivalenti miksuba llum, dawn qed jiġu skontati abbażi tal-valur illum.

“F’dan il-każ, il-valur illum jiddependi fuq ir-rata użata fl-iskontar tal-flejjes miksuba fil-futur (abbażi tal-ispiża tal-kapital), il-perjodi tal-irkupru ta’ kull NPL, ir-rata ta’ akkumulu tal-imgħax fuq il-bilanċi pendenti, il-bidla fil-valur aġġustat skont ir-riskji tal-kollateral matul iż-żmien, u l-ispiża għaż-żamma tal-portafoll tal-NPL sakemm jispiċċa.”

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo