Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument

L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat qal li issa li ntemmet l-inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim tal-isptarijiet, m’għandux dubju li se jkun qed jiffaċċja akkużi kriminali kontrih fil-qorti, u dan minkejja li sal-lum is-sejbiet tal-inkjesta maġisterjali għadhom ma ġewx ippubblikati.

Skont id-digriet iffirmat mill-Imħallef Edwina Grima,  isem Joseph Muscat, isem l-eks ministru Konrad Mizzi, u isem l-eks chief of staff tal-prim ministru Keith Schembri, jinsabu fuq nett fil-lista li tinkludi ammont ġmielu ta’ persuni u kumpaniji li qed jitqiesu bħala suspettati li wettqu l-ħasil tal-flus b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet.

Il-pulizija issa għandhom sitt xhur biex jissekwestraw l-assi ta’ dawn is-suspettati – ħafna minnhom huma ismijiet li diġà smajna bihom matul l-investigazzjonijiet tagħna dwar il-privatizzazzjoni tat-tliet sparijiet pubbliċi tal-Maltin u l-Għawdxin. Ismijiet li l-ewwel stejjer dwarhom kienet żvelathom fl-2015 il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia meta kixfet l-isfond ta’ Ram Tumuluri.

Dan l-iskandlu kien fuq quddiem nett fl-investigazzjonijiet tagħna matul l-aħħar seba’ snin. Infatti, The Shift żvela tagħrif dwar ir-rwol tal-Pakistani Shaukat Ali u ibnu, Asad, fil-ftehim, dwar il-manuvri ta’ Armin Ernst mas-CEO ta’ Steward Healthcare Ralph de la Torre, Technoline, Mtrace, u oħrajn, ilkoll parti minn dan il-ftehim frawdulenti.

Sena ilu, investigazzjoni mill-iżjed dettaljata li wettaq The Shift flimkien mal-OCCRP u t-Times of Malta, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia Foundation, ħarġet fid-dieher kif l-investigaturi kienu xeħtu għajnejhom u qed jiffukaw fuq kuntratt ta’ konsulenza bejn l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat u kumpanija Żvizzera suspettata li kienet qed tgħaddi l-flejjes pubbliċi lura fil-bwiet tal-‘investituri’.

B’dak il-kuntratt, Muscat kellu jaqla’ €15,000 fix-xahar għal tliet snin, jiġifieri €540,000 b’kollox. Dan kellu wkoll jiġi mġedded awtomatikament għal tliet snin oħra, madankollu mhux qabel twaqqaf ħesrem wara erba’ xhur malli l-kumpanija Accutor ma baqgħetx topera.

Is-suspetti tagħhom kienu li l-kuntratt tal-konsulenza li Muscat kien iffirma mal-kumpanija Żvizzera Accutor ftit wara li rreżenja minn prim ministru, kien sempliċiment mezz ta’ tixħim għall-ftehim tal-isptarijiet pubbliċi. Muscat b’mod konsistenti dejjem ċaħad li l-kuntratt kien tixħim għall-ftehim tal-isptarijiet, iżda issa, saħansitra qabel il-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali, diġà qal li ma kellux dubju li kien se jitressaq il-qorti.

L-investigazzjoni mill-aktar dettaljata li wettaq The Shift kienet ħarġet fid-dieher kif dawk involuti fil-ftehim kienu qed jgħixu ħajja axxellerata fl-istess żmien meta kienu qed idaħħlu f’buthom il-flus mingħand il-poplu Malti. Permezz ta’ aktar minn 22,000 tranżazzjoni bejn l-2015 u l-2020, nafu li l-investituri kienu qed iħallsu lil xulxin miljuni tal-ewro f’konsulenzi u spejjeż personali, fosthom għal karozzi lussużi u ivvjaġġar.

Il-fondi kienu qed jgħaddu mill-istess kumpanija Żvizzera li qabbdet lil Joseph Muscat bħala konsulent.

Issa għaddew erba’ snin minn mindu Repubblika talbet li tinfetaħ inkjesta maġisterjali; u fil-frattemp, l-evidenza żdiedet ġmielha bis-saħħa ta’ investigazzjonijiet li wettqu l-ġurnalisti.

Anki l-Awditur Ġenerali (l-NAO) kien ikkundanna dan il-ftehim f’rapport dettaljat li ħejja, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kien fetaħ kawża ċivili fil-qorti permezz tad-Deputat Adrian Delia biex l-isptarijiet jerġgħu lura għand il-Maltin.

Matul dan iż-żmien kollu, minkejja l-messaġġi kontinwi biex “inħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu”, il-pulizija jidher li ma ħadu l-ebda azzjoni b’rabta mal-evidenza li bdiet toħroġ fil-beraħ.

Laħqu ħames kummissarji tal-pulizija minn mindu l-PL kiseb il-poter fl-2013 – ilkoll raqdu fuq l-evidenza jew għawġu l-liġijiet biex jiżguraw li l-persuni fil-kurituri tal-poter u ħbiebhom ma jitressqux il-qorti.

Iżd’issa fl-aħħar jidher li maġistrata inkwerenti wettqet dmirha mingħajr biża’ jew favur, u dan minkejja l-bosta attentati min-naħa ta’ Joseph Muscat u Robert Abela biex ixekklu l-inkjesta u jiskreditawha qabel jirnexxilha tagħlaqha.

Il-maġistrat żammet sod. U dan minkejja li nedew attakk politiku kontriha: tattika tipika tal-Partit Laburista.

Il-liġi Maltija ma tippermettix attakki fuq il-ġudikatura li jkunu maħsuba biex jintimidawha jew jinfluwenzawha illegalment fil-qadi ta’ dmirijietha. Madankollu, mhix l-ewwel darba li persuni fil-gvern għawġu l-liġi biex tkun tista’ tissodisfa l-għanijiet tagħhom.

Għalhekk, issa kollox jinsab f’idejn l-Avukat Ġenerali u l-pulizija biex jiddeċiedu jekk għandhomx iressqu lil xi persuni l-qorti. Ir-rekord twil li għandhom jiddefendu lil dawk fil-poter minkejja evidenza ċara u tonda kontrihom turina li l-affarijiet xorta waħda jistgħu jmorru ħażin, u xorta waħda hemm lok biex isiru ċerti manuvri.

Sta ukoll għall-pubbliku biex jibqa’ viġilanti biex jiżgura li ssir il-ġustizzja.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Emanjel Cilia Debono
Emanjel Cilia Debono
2 months ago

L-ufficjali gholjin tal- Gvern mhumiex ‘il fuq mil-ligi. Huma jaqghu taHt us-saltna tad-dritt u ghandhom iwiegbu ghal- ghemilhom bhal kull cittadin iehor fi Stat demokratku

Related Stories

Xi jrid ikun biex il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jirreżenja?
Read in English. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina qal fi
Tiżdied il-frustrazzjoni hekk kif jissokta l-qtugħ tad-dawl minkejja l-wegħdi tal-gvern
Read in English. Issa li s-sħana tas-sajf bdiet teqliel

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo