Wara l-investigazzjoni li saret, għandha tiżżarma t-tmexxija tal-koperattiva tas-sajjieda

Il-kumitat tal-koperattiva kellu individwi fih akkużati bil-kuntrabandu tal-fuel u tal-munizzjon, u kien qed jiġi investigat talli għal dawn l-aħħar seba’ snin ma ppreżentax il-kontijiet ivverifikati.

 

The article is available in English here

Għal dawn l-aħħar tmin xhur, il-Cooperatives Board tal-Gvern kien qed jinvestiga l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd, koperattiva li waqqfuha s-sajjieda, u issa għandha tinbidel it-tmexxija tagħha fil-kumitat esekuttiv.

F’April li għadda The Shift kienet irrappurtat li l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd (GħKS), immexxija minn individwi li ttellgħu l-qorti akkużati bil-kuntrabandu tal-fuel u tal-munizzjon, kienu qed jinvestigawha għax ma ppreżentatx il-kontijiet ivverifikati ta’ dawn l-aħħar seba’ snin.

Oriġinarjament, l-GħKS kienet twaqqfet biex tinnegozja hi direttament il-bejgħ tal-qabdiet tas-sajjieda u tesporta l-prodotti tagħhom. Il-Cooperatives Board huwa l-entità uffiċjali tal-gvern li jservi ta’ regolatur u amministratur tal-koperattivi kollha rreġistrati Malta.

F’Jannar li għadda, il-Cooperatives Board nediet investigazzjoni li kellha teżamina l-finanzi tal-GħKS biex tiżgura li l-koperattiva “timxi skont l-obbligi legali kollha tagħha”.

Din l-investigazzjoni ġiet fi tmiemha dax-xahar. Il-Cooperatives Board ikkonfermat li “kitbet lill-membri kollha tal-koperattiva biex tiltaqa’ magħhom u tara jekk hemmx ix-xewqa li l-koperattiva tkompli b’xogħolha, preferibbilment taħt it-tmexxija ta’ kumitat esekuttiv ġdid”.

Is-segretarju tal-GħKS huwa Paul Piscopo, allegatament kuntrabandist tal-fuel. Il-viċi president tagħha huwa Michael Carabott: f’Jannar tal-2017 kien ikkundannat b’sentenza sospiża għal sena, wara li arrestawh flimkien ma’ tliet Eġizzjani. Skont id-dokumenti tal-qorti, sabulhom 50,000 biċċa munizzjon.

Joseph Demicoli, il-president tal-koperattiva għandu aċċess għal-ogħla mexxejja tal-Partit Laburista, fosthom l-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat, l-ex chief of staff diżonorat tiegħu Keith Schembri u anki l-Prim Ministru attwali Robert Abela.

Fuq ix-xellug: il-president tal-koperattiva tas-sajjieda Joseph Demicoli u l-prim minisru Robert Abela. Fuq il-lemin, fuq: Joseph Demicoli u l-prim ministru diżonorat Joseph Muscat. Fuq il-lemin, taħt: l-ex chief of staff diżonorat tal-OPM Keith Schembri u Joseph Demicoli.

L-awdituri li taw sehemhom fir-rapport annwali li fela l-iktar kontijiet reċenti tal-GħKS, kienu ġa urew it-tħassib tagħhom u kienu qalu li “d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-koperattiva ma jagħtux stampa ġusta u veritiera tal-bilanċ tal-pagamenti”.

Meta komplew jinvestigaw dak li setgħu jsibu, irriżulta li l-valur nett tal-koperattiva kien ta’ -108,326 Ewro (dejn): fil-qofol dan ifisser li anki jekk jirnexxilha tirkupra d-djun li għandha tieħu lura, xorta ma jkunx hemm biżżejjed fondi biex il-koperattiva tħallas lill-kredituri tagħha.

Kelliem għall-Cooperatives Board ikkonfrontawh b’din l-informazzjoni u saqsewh għaliex kienet qed issir sejħa biex ikun hemm bidla fil-kumitat esekuttiv tal-GħKS, imma huwa qal biss, “Il-Bord iħoss li bidla fil-kumitat esekuttiv tkun ta’ benefiċċju biex il-koperattiva jkollha tmexxija aħjar u biex ikun hemm iktar involviment min-naħa tal-membri tagħha.”

Il-kelliem żied jgħid, “Jekk il-membri tal-koperattiva ma jurux interess u jieħdu l-passi neċessarji biex il-problemi u l-isfidi li għandha l-koperattiva jiffaċċawhom, allura f’dak il-każ, il-Bord ikollu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu hu.”

Skont l-Artiklu 13 tal-Kapitlu 442 tal-Liġijiet ta’ Malta, l-Att dwar is-Soċjetajiet Koperattivi, il-Cooperatives Board għandu d-dritt jinvestiga hu stess dak li għandu x’jaqsam mal-koperattiva jekk iħoss li hemm raġunijiet biżżejjed biex jagħmel hekk.

L-Artiklu 14 jistipula ukoll li jekk mill-investigazzjoni tal-bord jirriżulta li jkun hemm in-nuqqasijiet fi ħdan il-koperattiva, allura l-bord ikun jista’ jew jordna li jissewew dawn in-nuqqasijiet jew inkella jista’ addirittura jiddeċiedi li jxolji l-koperattiva. Jekk il-Cooperatives Board flimkien mal-membri tal-koperattiva ma jirnexxilhomx isibu soluzzjoni għall-infrastruttura finanzjarja mmermra tal-GħKS, allura aktarx li l-koperattiva jkollhom ixoljuha.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
MA Caruana
MA Caruana
2 years ago

“Il-Bord iħoss li bidla fil-kumitat esekuttiv tkun ta’ benefiċċju biex il-koperattiva jkollha tmexxija aħjar u biex ikun hemm iktar involviment min-naħa tal-membri tagħha.”

“Jekk il-membri tal-koperattiva ma jurux interess u jieħdu l-passi neċessarji biex il-problemi u l-isfidi li għandha l-koperattiva jiffaċċawhom, allura f’dak il-każ, il-Bord ikollu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu hu.”

X’inhi t-tifsira tad-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Koperattivi? Se jipprovaw jgħaddu qoffa bajd jinten lil xi ‘kumitat eżekuttiv’ ġdid u huma jaħslu jdejhom? It-taħsir fi ħdan l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd (GKTS) mhuwiex sempliċiment in-nuqqas tagħhom illi jissottomettu kontijiet awditjati tal-aħħar seba’ snin’. It-taħsir kien ilu jidher minn snin qabel. Il-Bord tal-Koperattivi kien konxju izda ghazel li jahrab mid-dmirijiet tieghu u fil-fatt m’għamel xejn biex iwaqqaf l-abbuzi. Il-Bord baqa’ jircievi l-kontijiet awditjati sa dawk tas-sena 2016. Kontijiet sena wara l-ohra, jistennew li xi hadd ihares lejhom. Kontijiet li jindikaw b’mod car li kien hemm tahwid kbir.  Imma daqs li kieku ma kien qed jigri xejn hazin. Dinja fejn kollox jghaddi ghax id-diżonesti fit-tmexxija tal-GKTS kienu jgawdu minn impunità assoluta. Kienu jhossuhom protetti.

Fl-2016 kien hemm min mar iħabbat fuq il-bieb tal-Bord tal-Koperattivi. Il-Bord intalab iħares lejn it-tmexxija hazina u l-abbuzi fl-GKTS. Kellhom ħafna evidenza f’idejhom, iżda ghazlu li ma jiehdu l-ebda azzjoni. Li gara biss kien illi l-GKTS waqfet milli tippubblika l-kontijiet verifikati tagħha minn dak iz-zmien l’hawn. Minn naħa l-oħra l-Bord għolla t-tariffa u ghamilha ghalja ħafna għall-pubbliku biex jakkwista kopja tal-kontijiet għas-snin ta’ qabel. Mhux biss naqsu milli jagħmlu xogħolhom, talli abbużaw mill-poteri taghhom biex ifixklu lil min kien qieghed jipprova jaghmlilhom xogholhom.

It-terms of reference tal-inkjesta tal-Bord, li skattat hafna snin tard, jidher li kienu dojoq wisq. Bilfors li hu hekk ghax il-Bord ma jidhirx li qatt kien ħerqan illi jneħħi l-għatu minn fuq il-borma. Riedu biss ibexxquh ftit ma jmurx jinstabtu mal-art bir-riha tinten. Huwa għalhekk li jidhru li qed jaqtghu fil-qasir. Kemm jagħtu l-impressjoni li qed jagħmlu xi haga. Fil-verita’ l-agir tal-Bord iktar jidher li qed iservi biex l-abbuzi jkomplu jitghattew. Dan jikkumplimenta l-agir tal-Gvern illi minn naha tieghu naqas illi jiehu passi, meta huwa l-ikbar kreditur tal-GKTS. Ghandu jigbor aktar minn €100,000.

Kif inhuma l-affarijiet, xejn ma jikkonvincu li hemm intenzjonijiet tajba. Sakemm ma jittiehdux il-passi biex min abbuza ihallas t’ghemilu u sakemm il-flus u l-assi li ghosfru ma jiġux irkuprati, ma jistax wieħed jgħaddi t-tmexxija tal-GKTS f’idejn kumitat eżekuttiv ġdid. Jekk ma jittiehdux il-passi, l-abbuzi tad-dizonesti nispiccaw inhallsu ghalihom ahna mit-taxxi taghna u saltna tad-dritt inhalluha teghreq fil-bahar.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo