Read in English.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, irdoppja l-paga minn fondi pubbliċi li qed jingħata Luke Dalli, bin l-eks Ministru Laburista u l-eks Kummissarju Ewropea Helena Dalli.
Dan l-avukat żagħżugħ, li għandu impjieg full-time ma’ ditta legali li fetaħ flimkien mal-Viċi President tal-MFA Matthew Paris (imsejħa DalliParis Advocates), dan l-aħħar għandu kif ingħata kuntratt imħallas tajjeb biex ikun l-Uffiċjal Ewlieni tal-Operat (COO) tal-Kunsill tal-Arti li jmexxi Marshall. Għal din il-kariga qed jingħata pakkett finanzjarju ta’ kważi €60,000 fis-sena.
Dalli diġà ħadem għal Marshall meta kien student, u meta Marshall kien imexxi l-istazzjon Laburista ONE TV. Fl-2021, Dalli kien irrefera pubblikament għall-kap tiegħu bħala “life mentor”.
Dalli hu sapporter akkanit mal-eks Prim Ministru diżonorat Joseph Muscat u kien ingħata impjieg mal-gvern minnufih malli l-Labour kiseb il-poter.
Meta Dalli ġab il-warrant tiegħu fl-2014 biex jipprattika bħala avukat, Albert Marshall minnufih tah kuntratt ta’ tliet snin biex jaħdem bħala uffiċjal legali tal-Kunsill għall-Arti, u jagħti pariri legali lill-membri tal-bord. Hu kien tħallas €30,000 b’kollox, inkluż bosta allowances.
Fl-2017, il-kuntratt definit ta’ Dalli sar kuntratt indefinit, u dan kien ifisser li issa kellu impjieg għal ħajtu.
Issa f’Awwissu li għadda, Marshall tah promozzjoni, did-darba għall-kariga ta’ COO li tirdoppjalu l-pakkett finanzjarju. Minbarra s-salarju bażiku ta’ €43,333 fis-sena li jiżdied kull sena, Dalli ngħata wkoll lista ta’ allowances, fosthom l-hekk imsejħa “allowance għar-responsabbiltà”, li żiedet is-salarju tiegħu għal qrib is-€60,000.
Skont il-kuntratt tiegħu, Dalli m’għandux għalfejn ikun preżenti fl-uffiċċju tiegħu bi skeda fissa bħall-bqija tal-impjegati. Minflok, il-kuntratt tiegħu jiddikjara li l-iskeda tiegħu hi flessibbli u titfassal bi ftehim ma’ Albert Marshall. Dalli, infatti, iqatta’ ħafna minn ħinu fuq xogħol għad-ditta legali tiegħu.
Il-kuntratt tiegħu jistipula wkoll li m’għandux bżonn l-approvazzjoni ta’ min jimpjegah biex ikun jista’ jissokta bl-attività kummerċjali personali, inkluż dik fid-ditta legali tiegħu.
Dalli bħalissa hu azzjonist f’diversi kumpaniji mmexxija minn missieru Patrick, ħafna minnhom fl-industrija tal-bini. Dawn jinkludu BJD Ltd, P&D Investments Ltd, PLJ Holdings Ltd, Pada Builders Ltd u PLJ Dalli Ltd.
L-azzjonist l-ieħor hu ħuh Jean Marc, u missierhom Patrick Dalli hu s-segretarju tal-kumpaniji kollha. Dawn il-kumpaniji lkoll iddikjaraw telf fl-aħħar kotba finanzjarji ppubblikati.
L-aħħar promozzjoni li ngħata Luke Dalli ħabtet eżatt mat-tħabbira pubblika li għamel is-sajf li għadda meta waqaf jippreżenta l-programmi fuq ONE TV wara 14-il sena jipproduċi l-programmi politiċi.
Dan l-aġir tiegħu, li jitbiegħed pubblikament mill-Partit Laburista sar fl-istess żmien meta ommu, Helena Dalli, kienet qed tagħmel pressjoni fuq il-Prim Ministru Robert Abela biex jinnominaha għat-tieni terminu tagħha bħala Kummissarju Maltija fl-UE. Madanakollu Abela rrifjuta lil Dalli u minflokha nnomina lill-eks chief of staff tiegħu, Glenn Micallef.
Issa tkellmu wkoll fuq kif il-Kunsill ta’ l-Arti ghad ghandu wkoll lil Charlon Gouder f’impjieg fantazma iehor kif kontu darba kxiftu. Igifieri dawn huma zewg impjiegi fantazma ghal nofs it-team legali tal-King Joseph Muscat – fl-organizzazzjoni li suppost tippromwovi il-liberta` ta’ l-espressjoni.