Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni lill-assessuri tiegħu ma bagħathomx jeżaminaw il-propjetà ODZ tal-PM li fuqha ddikjara prezz imnaqqas ħafna

Read in English

Jista’ jagħti l-każ li l-Kummissarju huwa kompliċi biex Abela evada t-taxxa – sorsi mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni

The Shift saret taf li fl-2017 l-ex Kummissarju tat-Taxxi Interni, Marvin Gaerty, lill-periti tad-Dipartiment tiegħu ma bagħathomx jassessjaw il-propjetà li kien għadu kemm xtara Robert Abela u li fuqha ddikjara prezz imnaqqas. U dan minkejja li l-uffiċjali tad-Dipartiment kienu ġibdulu l-attenzjoni għall-fatt li skont il-liġi, dan l-eżerċizzju kellu jsir.

F’dan l-aħħar żvilupp li sirna nafu bih, Gaerty qed jirrifjuta li jgħid għaliex ma ħax azzjoni dwar dan il-kuntratt li bih Abela jista’ jkun li kkommetta frodi fit-taxxa meta ddikjara li l-propjetà ta’ tomnejn ODZ fiż-Żejtun xtraha għal 600,000 Ewro.

The Shift saqsietu l-għala d-Dipartiment ma bagħatx lill-assessuri tiegħu biex jistmaw il-villa ta’ Abela, propjetà li esperti fil-qasam jinsistu li Abela iddikjara prezz baxx wisq għaliha. Imma Gaerty nħeba wara l-liġi u qed jinsisti li “ma tista’ tingħata l-ebda informazzjoni dwar il-persuni minħabba s-segretezza u l-kunfidenzjalità”.

Għalkemm  l-esperti li kkonsultat The Shift igħidu li l-Kummisarju veru huwa marbut li ma jikxifx ċerta informazzjoni, b’dan kollu l-istess liġi tagħtih ċerta diskrezzjoni, speċjalment jekk ikun hemm każ li jinvolvi l-interess pubbliku, bħalma hi l-possibbiltà li l-kap tal-gvern ikun evada t-taxxa.

Gaerty tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu fl-aħħar tas-sena l-oħra, u minflok tawh pożizzjoni ġdida fil-Ministeru tal-Finanzi bħala l-kap ta’ grupp li jissorvelja t-taxxa.

Bis-saħħa ta’ kuntratt li ppubblikat in-nutar Dorianne Arapa fl-Lulju tal-2017, Abela u martu ddikjaraw li kienu akkwistaw propjetà massiċċa ODZ fiż-Żeltun għal 600,000 Ewro. L-aġenti tal-propjetà qalu li dak iż-żmien il-valur tal-propjetà kien iktar viċin iż-żewġ miljun Ewro. U biex ħallsu, il-koppja Abela ma ħadu ebda self mill-bank.

Il-kuntratt iffirmawh ħamest ijiem biss wara li l-PA ssanzjonat kważi nofs il-propjetà, billi parti kbira minnha nbniet illegalment. U l-bejjiegħa, Joseph u Alfrida Camilleri, weħlu multa ta’ 45,000 Ewro. Il-PA rrifjutat li tgħid jekk din il-multa fil-fatt tħallsitx.

Skont il-liġi, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni huwa obbligat jibgħat il-periti tad-dipartiment meta jkun hemm suspett li l-propjetà setgħet ġiet stmata inqas milli suppost. B’dan kollu għal xi raġuni, l-assessuri, Gaerty iddeċieda li ma jibgħathomx jassessjawha l-propjetà, għalkemm mill-ewwel kien tqajjem is-suspett internament fid-dipartiment.

Lil The Shift wieħed mill-periti tad-dipartiment qalilha li normalment kuntratt bħal dak li ppreżenta Abela mill-ewwel kienu jitolbu lill-periti jassessjawh.

Kif qal l-uffiċjal: “Huwa ovvju, anki mal-ewwel daqqa t’għajn, li l-kuntratt li ppreżenta Abela kellu għallinqas jiġi assessjat. Tidher stramba ħafna din id-deċiżjoni tad-dipartiment, u jista’ jkun li hemm każ ta’ kompliċità fl-evażjoni tat-taxxa. F’dan l-istadju, id-dipartiment għandu għal xiex iwieġeb bil-kbir, u jwieġeb b’mod konvinċenti. Jista’ jkun ukoll li dan il-każ, l-ombudsman ikollu jinvestigah.”

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Auditor General ignored as tourism agency persists in breaching rules
A tourism-related government agency persists in breaching public procurement
Buried cave in Gozo: Watchdog still awaiting explanation from architect
Almost a month after an emergency stop notice was

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo