“Falsehood flies, and truth comes limping after it”, kien kiteb Jonathan Swift f’kitba tas-seklu 17. “When men come to be undeceived, it’s too late; the jest is over, and the tale hath had its effect”. Il-kelmiet ta’ Swift għadhom jidwu ġmielhom f’Malta ta’ żmienna meta l-gvern tal-Labour iqis il-verità bħala l-għadu qattiel tiegħu.
Il-gvern ta’ Robert Abela għaddej b’kumbattiment kontinwu biex jostor il-verità u biex iżomm ċerta arja ta’ segretezza. Qed jifrex l-armamenti kollha li għandu biex jiżgura li n-nies ma jsirux jafu lanqas bl-aktar fatti bażiċi u qed iberbaq għexieren tal-eluf tal-ewro minn flus il-poplu f’ħemel ta’ kawżi frivoli sempliċiment biex jevita li nsiru nafu l-verità. Abela, iżda, tilef kawża wara l-oħra, u jaf li se jitlef il-bqija li għad iridu jinqatgħu.
Il-Kummissarju Ewropea Věra Jourová kkritikat bil-qawwa pubblikament lil Abela talli akkost ta’ kollox irid jiżgura s-segretezza dwar kif qed jonfqu l-flus tan-nies. Barra minn hekk, anki bosta organizzazzjonijiet tal-libertà tal-istampa kkundannaw l-aġir tiegħu talli qed jibqa’ jwebbes rasu u jinsisti li jkompli għaddej b’dawk il-kawżi, iżda dan xorta ma kienx biżżejjed għalih biex iċedi l-armi. Għalfejn Abela għandu msarnu f’saqajh li toħroġ il-verità? Jekk il-Labour qed jibbrilla tant, għalfejn din is-segretezza kollha?
Minkejja l-pressjoni internazzjonali, il-gvern ta’ Abela qed jibqa’ jkaxkar saqajh fejn jidħlu l-bidliet tant meħtieġa fl-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard għadu jirrifjuta li jippubblika r-rapport li kkummissjona biex isaħħaħ u jġedded dan l-Att tal-FOI. Issa għaddew iżjed minn sentejn minn meta ġie konkluż dak ir-rapport li sewa lil poplu €18,000.
Sena ilu, The Shift kien staqsa mistoqsijiet lill-Ministru Attard dwar ir-rapport tal-FOI, madankollu Attard irrifjuta li jwieġeb jew li jippubblika r-rapport.
The Shift imbagħad għamel talba tal-libertà tal-informazzjoni biex jikseb kopja ta’ dak ir-rapport, iżda f’Jannar 2023, Jonathan Attard irrifjuta t-talba, u insista li hemm raġuni biżżejjed biex ma jippubblikax id-dokument. Aħna nafu eżattament x’inhi din ir-raġuni biżżejjed: li l-verità tagħmel ħsara lill-interessi tal-Labour.
Lill-ġurnalisti li tħabtu jew qed jitħabtu għall-verità, il-Labour għamilhom l-għedewwa tiegħu. U dawk il-ġurnalisti li konxji li huma fil-mira tal-Labour jafu sew x’inhuma r-riskji għalihom meta jisfidaw lil-Labour billi jiżvelaw l-aktar informazzjoni dannuża. Wara kollox, ħarsu daqsxejn lejn xi ġralha l-kollega tagħhom Daphne Caruana Galizia.
Il-ksib tal-informazzjoni mingħand il-Labour sar taqtigħa impossibbli. L-evidenza għal dan tinsab fil-lista dejjem itwal ta’ talbiet tal-FOI li ma jintlaqgħux u fir-rifjut minnufih u kontinwu tal-Ministri li jwieġbu bosta mistoqsijiet bażiċi.
F’Mejju 2023, Silvio Schembri rrifjuta li jwieġeb mistoqsija parlamentari sempliċi dwar kif kiseb il-jedd li juża uffiċċju fil-kostitwenza tiegħu ġo blokka ġdida li bena Paul Attard. B’mod mill-aktar kontroversjali, dik il-blokka f’Ħal Luqa, Attard kien nbieha fuq biċċa art miftuħa.
Sussegwentement Attard sar il-benefiċjarju ta’ bejgħ ta’ biċċa art pubblika miftuħa fil-Mellieħa, u dwar dan il-bejgħ mijiet ta’ residenti kienu oġġezzjonaw iżda b’mod konvenjenti l-ministru responsabbli – Silvio Schembri – injorahom. Aktar riċenti, imbagħad, meta ntalab jipprovdi isem il-konsulenti tal-policy li kien ħatar bejn Otttubru 2022 u l-2023, hu sempliċiment irrifjuta li jwieġeb.
Meta martu Deandra fetħet kumpanija privata tal-iżvilupp bi skop ta’ spekulazzjoni, Schembri rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet dwarha u dan minkejja li hu kellu nofs dik il-kumpanija. Il-kunflitt ta’ interess tiegħu bħala l-Ministru tal-Artijiet ma jistax joħroġ fil-beraħ iwerżaq iżjed minn hekk, sakemm wieħed jintebaħ li mart il-ministru hi wkoll l-uffiċjal legali għoli tal-Malta Business Registry, l-istess reġistru fejn kienet irreġistrat il-kumpanija tagħha DZF Ltd u rreġistrata fuq l-indirizz tar-residenza tal-ministru.
B’arroganza, Silvio Schembri ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet dwar dan in-negozju jew dwar il-kunflitt ta’ interess ċar li għandu, u lanqas ma ried jiddikjara jekk kienx iddiskuta din il-kwistjoni mal-prim ministru jew jekk kellux l-approvazzjoni tiegħu.
Madankollu, mhux Silvio Schembri biss jaħbi l-informazzjoni. Byron Camilleri, Clayton Bartolo, Clint Camilleri, Miriam Dalli u Chris Fearne ilkoll ma ridux jipprovdu l-ismijiet tal-konsulenti tagħhom tal-policy.
Anki Clyde Caruana ma riedx jgħid isem il-konsulent mal-MedAir li qed jaqla’ €157,000 fis-sena għal 27 siegħa tax-xogħol fil-ġimgħa. Lanqas ma ried jgħid kif l-eks CEO tal-MFSA Joseph Gavin kien għadu jitħallas €21,000 fix-xahar wara li kien irreżenja.
Il-Ministru Michael Falzon ma riedx jiddikjara kemm-il siegħa fil-ġimgħa se jkun qed jaħdem il-konsulent Robert Musumeci li kien għadu kif ħatar, għas-salarju ta’ €35,000 li tah.
Clayton Bartolo kontinwament irrifjuta li jippubblika n-nefqa fuq il-Malta Film Awards, il-ħlas li ngħata David Walliams, u r-rapport ekonomiku sħiħ tal-industrija tal-films. Irrifjuta wkoll bosta talbiet tal-FOI.
Madankollu Bartolo ma kienx l-agħar wieħed fosthom. L-unur ta’ eċċellenza ħadu l-prim ministru tiegħu li rrifjuta li jippubblika r-rapport Quintano wara l-mewt ta’ Miriam Pace, u mbagħad eventwalment kien kostrett jippubblikah bosta xhur wara u għax saritlu pressjoni qawwija mill-pubbliku.
Anki r-rapport tal-esperti tal-midja kellu suppost jiġi ppubblikat fi żmien għaxart ijiem minn meta jiġi ppreżentat lill-gvern, iżda Abela ppubblikah bosta xhur tard u wara li rrifjuta talba tal-FOI u qala’ bosta theddid mingħand l-Istitut tal-Ġurnalisti li qalulu li kienu se jippubblikawh huma jekk mhux se jippubblikah hu.
B’persistenza, irrifjuta wkoll bosta talbiet għal intervisti u ma riedx iwieġeb diversi mistoqsijiet fundamentali dwar il-jott lussuż tiegħu u għalfejn dan mhuwiex imniżżel fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu. Kien evażiv ukoll dwar il-proprjetà tiegħu fiż-Żejtun miżgħuda illegalitajiet, li kien xtara biċ-ċiċri.
Il-Labour imwerwer mill-verità iżda l-verità ma taħfirha lil ħadd. Għal uħud, il-verità tikkaġuna t-tifrik inevitabbli tagħhom, filwaqt li għal oħrajn, il-verità tfisser prosekuzzjoni, kundanna u ħabs.