This article is available in English
Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji kkritikat lill-MEP Alex Agius Saliba talli talab lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga lill-importaturi Maltin tal-ikel għaż-żidiet fil-prezzijiet u allega ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Azzjoni li l-Kamra sejħitilha “ipokrita” fi stqarrija li ħarġet il-Ġimgħa filgħodu.
Il-Kamra tal-SMEs qalet li Malta għandha l-awtoritajiet tagħha stess u bosta metodi stabbiliti biex tindirizza t-tħassib relatat ma’ kwistjonijiet tal-kompetizzjoni, filwaqt li nnutat li Agius Saliba hu l-uniku MEP li qatt ma kkonsulta mal-Kamra.
Qalet li “kienet sorpriża ħafna b’dan l-attakk” peress li l-Partit Laburista li Agius Saliba jifforma parti minnu kien “sejjaħ lil dawk li jperrċu l-affarijiet lokali ta’ Malta fi Brussell bħala tradituri”, aġir li skont il-Kamra hu “ipokrita, kontra l-partit tiegħu stess u kontra dawk li jidhru li huma l-prinċipji tiegħu.”
Il-Ħamis Agius Saliba kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u talab lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga lill-importaturi Maltin tal-ikel għan-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn il-ftit distributuri li jfornu l-ikel lill-ħwienet u lin-negozji f’Malta.
Hu qal li b’hekk inħolqot sitwazzjoni ta’ monopolju li qed tgħolli l-prezzijiet… żidiet li qed jaffettwaw lill-konsumatur Malti.
Fit-tweġiba tagħha, il-Kamra tal-SMEs qalet li “hi mhix se taċċetta li n-negozji Maltin ikunu l-ħrief tas-sagrifiċċju għal avvanzi politiċi fqar” fi “strateġija biex jisraq ix-xena bħala parti mill-kampanja tal-elezzjoni tal-MEPs.”
“Din l-attitudni b’tattika fqira m’għandhiex tiġi fdata,” qalet il-Kamra.
L-elezzjoni tal-MEPs se ssir f’Ġunju li ġej u Alex Agius Saliba mistenni joħroġ bit-tama li jerġa’ jitla’.
Malta ġarrbet żidiet qawwijin fil-prezzijiet tal-ikel fl-aħħar xhur, żieda li tisboq bil-kbir l-inflazzjoni tas-setturi u l-prodotti l-oħra. Skont dejta tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jidher li l-prezzijiet tal-ikel ġarrbu żidiet ta’ 11% minkejja t-tnaqqis fl-inflazzjoni ġenerali.