Ir-rigal għall-Ġubilew tal-Platinum li l-gvern Malti ċaħħad lir-Reġina Eliżabetta II

Fondazzjoni mir-Renju Unit kienet offriet li Villa Guardamangia tirrestawraha bħala rigal lir-Reġina Eliżabetta II, imma din l-offerta l-gvern ma laqagħhiex, u minflok, ir-residenza ħalliha fi stat ta’ abbandun.

 

This article is available in English

Fil-ġranet ta’ wara l-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, il-gvern Malti kien ħerqan biex ixandar il-pjan tiegħu ħalli Villa Guardamangia jirrestawraha. Ir-Reġina kienet tgħożż it-tifkira ta’ meta kienet toqgħod f’din ir-residenza fl-1949. Imma dwar l-offerta biex jiġi ffinanzjat ir-restawr tal-villa għall-okkażjoni tal-Ġubilew tagħha tal-Platinum, il-gvern baqa’ ma qal xejn – fl-aħħar minuta din l-offerta, il-gvern kien irrifjutaha.

Il-Fondazzjoni Cook ikkonfermat li l-gvern kienet offrietlu li tixtri l-villa u tiffinanzja r-restawr tagħha – f’isem il-gvern Malti – u tippreżentaha lir-Reġina Eliżabetta II bħala rigal meta kienet qed tiċċelebra l-Ġublew tal-Platinum fi Frar li għadda. Imma fl-aħħar minuta sfaxxa dan il-pjan u l-Fondazzjoni lanqas m’hi żgura għaliex.

Kif qal lil The Shift George Cook: “Kelli f’rasi proġett tal-Fondazzjoni u ppreżentajtu lill-gvern: li niffinanzjaw ix-xiri tal-villa, ir-restawr u t-tagħmir tagħha, u niftħuha bħala mużew ad unur tal-Maestà Tagħha”.

Il-faċċata ta’ Villa Guardamangia fejn kienet toqgħod il-Prinċipessa Eliżabetta (iktar tard ir-Reġina Eliżabetta II) mill-1949 sal-1951, flimkien ma’ żewġha, il-Prinċep Filep, id-Duka ta’ Edinburgh.

Qal li kien xi għaxar snin ilu li ġibdulu l-attenzjoni tiegħu għal Villa Guardamangia u r-rabta tagħha mal-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II.

“U ntbaħt ukoll f’liema stat miżeru kienet tinsab il-villa. Billi sa mill-1997 il-fondazzjoni tiegħi kienet involuta f’xogħol karitatevoli flimkien ma’ dak li kien il-Prinċep ta’ Wales fl-impenji karitatevoli tiegħu, deherli li kelli nagħmel kull ma nista’ biex il-villa nirrestawraha kif imiss, u nippreżentawha lill-Maestà Tagħha bħala rigal, speċjalment għax kien wasal il-Ġubilew tal-Platinum tagħha bħala reġina,” żied jgħid.

Il-ħsieb kien li jinġabru l-fondi fir-Renju Unit għar-restawr tal-villa. Skont Heritage Malta, l-istima għax-xogħol kienet ta’ xi 10 miljun Ewro. Il-Fondazzjoni kellha tiġbor il-flus mir-Renju Unit imma l-villa kellha tibqa’ f’idejn il-gvern Malti jew Heritage Malta.

Imma għal xi raġuni mhux magħrufa, il-gvern ma kompliex b’dan il-ftehim u minflok iddeċieda li juża l-flus mit-taxxi biex il-villa jixtriha minn għand is-sidien privati tagħha u jgħaddiha lil Heritage Malta.

In-nefqa għar-restawr ta’ Villa Guardamangia, Heritage Malta tistma li tleħħaq mal-€10 miljun. Ir-ritratt: Heritage Malta

Imma l-aġenzija għandha problema għax fondi m’għandhiex biex il-villa tirrestawraha. Ħabbret li tittama li l-flus iġġibhom mill-fondi tal-UE biex tkopri n-nefqa ta’ 10 miljun Ewro.

Dan kollu ġara waqt li f’intervista li ta l-President George Vella wara li mietet ir-Reġina Eliżabetta II, kien qal li “għajnejha xegħlu” meta qalulha li Villa Guardamangia kienu se jirrestawrawha.

Il-Prim Ministru Robert Abela ukoll ħabbar li kellu jibda l-proċess għar-restawr tal-villa; imma ħadd għadu ma qal għaliex il-gvern, offerta soda bħal din għall-iffinanzjar tal-proġett, irrifjutaha.

Fl-okkażjoni tal-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, quddiem din id-dar f’dan l-istat miżeru, inġabru n-nies biex mal-bieb ipoġġu l-fjuri, il-kartolini u l-girlandi.

B’dieqa ftakru fi kliem ir-Reġina fl-aħħar żjara tagħha Malta fl-2015 għal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth. Dakinhar kienet ammettiet kemm il-villa fejn kienet toqgħod flimkien mal-Prinċep Filep meta kienu għadhom koppja żagħżugħa, issa kellha “dehra pjuttost ta’ swied il-qalb”.

Minn wara l-kwinti: l-istat li tinsab fih il-gallarija tradizzjonali fil-faċċata ta’ Villa Guardamangia. Ir-ritratt: Heritage Malta

Lil The Shift, Cook qalilha: “Kont ċert li l-flus konna niġbruhom minn għand il-pubbliku Britanniku. Imbagħad dan il-proċess stess, lill-pubbliku kien iħajru biex il-villa jżurha, u b’hekk kienu jiġu ħafna iktar nies Malta. Jien kont konvint li fir-Renju Unit konna niġbru ħafna iktar milli kien hemm bżonn, u b’hekk kienu jiġu eluf ta’ turisti oħra.”

Cook żied jgħid li l-Fondazzjoni tiegħu għadha interessata li tgħin l-isforzi tal-gvern, għalkemm minn mindu l-offerta li għamlet twarrbet f’daqqa, s’issa għad ma kienx hemm xi forma ta’ kuntatt miegħu.

“Għalija, ma jimpurtax minn jagħmilha l-ħaġa: l-aqwa li nsalvaw il-villa, nirrestawrawha u niftħuha għall-pubbliku biex in-nies ikunu jistgħu jaraw kif dik li kienet l-Altezza Tagħha, l-Prinċipessa Eliżabetta, l-iktar ġranet ‘ferħana’ u normali ta’ ħajjitha, għexithom fiha”.

Il-ġonna ta’ Villa Guardamangia. Ir-ritratt: Heritage Malta

Il-pjan tal-Fondazzjoni Cook għar-restawr tal-villa, il-Familja Rjali kienet taf bih. “Ir-rapport dwar il-proġett propost, bgħattu lis-Segretarju Privat Prinċipali tal-Maestà Tagħha r-Reġina. Huwa kkonfermali li rċevewh il-Palazz ta’ Buckingham. U jiena personalment, lill-Maestà Tiegħu r-Re Karlu III (dak iż-żmien il-Prinċep ta’ Wales), għaddejtlu kopja fil-Palazz ta’ St James. Il-proġett iddiskutejtu miegħu wiċċ imb’wiċċ u deher entużjast għalih.

“Naf ukoll li l-proġett urewh lill-avukati tal-Familja Rjali u aktarx li kkuntattjaw ukoll lin-National Trust tar-Renju Unit,” qal Cook bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ The Shift.

Il-Fondazzjoni qalet li l-opportunità biex lill-pubbliku Britanniku tinvolvih fir-restawr tal-villa għadha hemm: b’hekk “il-proġett isiru jafu bih, jinvestu fih u jiġu ħafna iktar nies Malta biex il-villa jkunu jistgħu jżuruha minħabba r-rabta speċjali li jkollhom”.

B’dan kollu, żied jgħid, “dil-ħaġa tiddependi minn dak li jagħżel li jagħmel il-gvern Malti”.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo