Read in English.

The Shift hu infurmat li Etienne Borg Ferranti, chef li eventwalment sar avukat, kif ukoll Charlon Gouder, l-avukat imqabbad sikwit minn tal-Labour, kienu fost dawk li siefru lejn il-Barbados għal festin tal-anniversarju tat-tieġ fuq din il-gżira tal-Karibew li organizzaw l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat u martu Michelle.

Mal-istess grupp kien hemm għadd ta’ persuni min-negozju li nomalment jippruvaw jevitaw li jissemmew fuq il-konnessjoni tagħhom mal-eks prim ministru, li issa qed jaffaċċja numru ta’ akkużi kriminali kontrih fosthom dwar ħasil tal-flus, korruzzjoni u tixħim.

Kuntrarju għal dak spekulat fil-midja, il-koppja Muscat ma ħallsux għat-titjiriet tal-mistednin; sempliċiment ħallsu l-ispejjeż ta’ xi ikliet.

Uħud minn dawn in-negozjanti li tkellmu ma’ The Shift bil-kundizzjoni li jinżammu anonimi qalulna li l-festin tal-anniversarju fil-Barbados organizzatu martu Michelle Muscat, diversi xhur qabel żewġha tressaq il-qorti b’għadd ta’ akkużi kontrih.

“L-organizzazzjoni ta’ kollox ġrat ferm qabel ġie arrestat Muscat, u dakinhar li ġraw l-affarijiet aħna konna diġà għamilna l-arranġamenti kollha u ħallasna l-eluf biex insiefru mal-familji tagħna lejn il-Barbados,” qalilna wieħed minn dawk li marru.

“Nifhem li s-safra tal-Barbados jaf ikun hemm ħafna li jinterpretawha bħala xi ġest ta’ solidarjetà mal-Muscat, imma dan mhu xejn affattu. Aħna qatt ma immaġinajna li kien se jitressaq il-qorti,” qaltilna persuna oħra.

L-ispekulazzjoni dwar din is-safra ġriet mal-midja kollha s-sajf li għadda meta kollox kien qed jiġri, sempliċiment ftit ġimgħat wara li Muscat kellu jibda jiddefendi lilu nnifsu fil-qorti fuq ħemel ta’ reati, li jġibu magħhom pieni twal ta’ ħabs.

The Shift hu infurmat li fost il-mistednin li attendew il-festin tal-anniversarju tat-tieġ ta’ Muscat kien hemm Etienne Borg Ferranti u martu, chef u sid ta’ dawk li kienu Etienne Kitchen u Yacht Lounge fil-Birgu, u li riċentement laħaq avukat tal-kriminal.

Etienne Borg Ferranti.

Borg Ferranti, li għall-festin mar ma’ martu Daniela, issa hu parti mit-tim tad-difiża tal-eks prim ministru diżonorat.

Mal-grupp tal-Muscat fil-Barbados kien hemm ukoll chef ieħor, ċertu Charles Gherxi tal-Agape Restaurant fir-Rabat, flimkien ma’ Pierre Mattocks, iċ-chairman ta’ Apple Core Foods Ltd, kumpanija li tispeċjalizza fl-importazzjoni tal-ikel.

Pierre Mattocks ta’ Apple Core Foods

Stanley Mifsud, illum is-CEO tan-negozju ta’ Mattock, li għamel bosta snin bħala wieħed mill-iżjed konsulenti mħallsin mill-gvern meta Muscat kien prim ministru, ukoll mar għall-festin ta’ Muscat flimkien mal-koppja Izzo, Diane u Karl, tal-Grupp tal-moda Dizz.

Stanley Mifsud u Charles Gherxi

Meta Muscat kien prim ministru, Karl Izzo kien inħatar l-ambaxxatur Malti għall-Montenegro, kariga prestiġġjuża li għadu jokkupa sal-lum taħt l-amministrazzjoni ta’ Abela.

Izzo hu kowċ tal-waterpolo u qatt ma kien ħadem fid-diplomazija. Il-ħatra tiegħu kienet ġrat fl-istess żmien meta l-amministrazzjoni ta’ Muscat kienet qed taħdem fuq il-ftehim korrott tal-irdieden tar-riħ fil-Montenegro.

Diane u Karl Izzo.

Anki Robert Micallef, id-direttur maniġerjali tal-Office Group, l-aġenti Maltin tal-kumpanija kbira internazzjonali Konika Minolta, kien fost il-mistednin ta’ Muscat, flimkien ma’ martu.

Micallef, eks president tal-klabb tal-futbol ta’ Santa Luċija, kien strumentali biex Muscat isir il-president tal-assoċjazzjoni tal-klabbs tal-futbol tal-premier league, u stinkalu bla heda minkejja l-oppożizzjoni li kien hemm min-naħa ta’ bosta klabbs tal-futbol ewlenin.

Robert Micallef tal-Office Group u martu Christina.

Il-qorti imponiet ordni ta’ ffriżar ta’ €30 miljun fuq Muscat wara li tressaq il-qorti. Minkejja l-akkużi mill-aktar serji miġjuba kontrih, Muscat ma tressaqx il-qorti b’arrest, u b’hekk evita l-bail u li jitteħidlu l-passaport.

Is-soltu, lil dawk akkużati b’reati bħal ta’ Muscat, il-kummissarju tal-pulizija u l-avukat ġenerali jressquhom il-qorti b’arrest.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga ta’ Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo