L-Enemalta terġa’ taqdi mill-koxxa lil Portelli, bi ksur ta’ sentenza tal-qorti

Read in English.

Għat-tieni darba fi ftit ġimgħat, l-Enemalta tat palata oħra lill-iżviluppatur Joseph Portelli billi ssoktat tagħtih l-elettriku fil-binjiet illegali tiegħu, bi ksur tal-liġi.

Skont il-liġi ta’ pajjiżna, il-kumpanija tal-enerġija tal-Istat ma tistax tforni d-dawl lill-binjiet li huma illegali. Madanakollu, The Shift hu informat li minkejja s-sentenza tal-Qorti tal-Appell li tiddikjara li ż-żewġ pixxini kbar fl-ODZ tal-Qala Għawdex huma żvilupp illegali, l-Enemalta xorta waħda aċċettat li tforni l-elettriku lil Portelli għaż-żewġ pixxini bi ksur sfaċċat tad-deċiżjoni tal-Qorti.

Meta mitlub biex jagħti spjegazzjoni għal dan, iċ-Chairman tal-Enemalta Ryan Fava għażel li ma jweġibx. Lanqas ma wieġeb il-mistoqsijiet dwar għalfejn hu kien għadu m’ordnax is-sospensjoni tal-provvista tad-dawl tal-proġett kollu, ġaladarba l-Qorti għamlitha ċara li l-iżvilupp hu illegali, wara ordni tal-infurzar maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Sa ftit ġimgħat ilu, il-pixxini illegali ta’ Portelli, parti minn żvilupp estensiv fil-Qala msejjaħ ta’ Ħal Wardija, kien għadhom nofs leħja.

Dan ikkonfermawh ukoll ir-ritratti li ħadu għadd ta’ attivisti mill-Moviment Graffiti li organizzaw protesta fuq il-post kontra l-iżvilupp illegali, filwaqt li sprejjaw diversi slogans kontra l-proġett fuq l-art tal-konkrit tal-pixxini vojta.

Portelli u s-soċji tiegħu, Mark Agius u Daniel Refalo, injoraw għalkollox is-sentenza tal-Qorti u l-oppożizzjoni tal-pubbliku. Minflok ma obdew l-ordni tal-qorti, u żarmaw il-pixxini u ġabu l-art fl-istat kif kienet qabel, dawn xorta waħda rnexxielhom jiksbu l-elettriku tant meħtieġ biex ikunu jistgħu jqisuh komplut.

Riklami qed juru li tlestew il-pixxini illegali ta’ Ħal Wardija.

Il-pixxini tlestew, twaħħlulhom il-pompi, imtlew bl-ilma, u bis-saħħa tal-provvista tad-dawl tal-Enemalta issa lesti biex jintużaw.

Lil Ryan Fava, The Shift bagħatlu r-riklami li qed juru l-pixxini deskritti mill-kumpanija tal-kostruzzjoni ta’ Portelli bħala “tnejn mill-akbar f’Għawdex”, u li fihom qed jidhru mixgħula matul il-lejl… attrezzati bl-elettriku mill-grilja tal-Enemalta.

Is-skiet ta’ Fava dwar din il-kwistjoni jixbah ferm il-pożizzjoni li ttieħdet dwar żvilupp illegali ieħor ta’ Portelli u s-soċji tiegħu f’Ta’ Sannat, Għawdex, li anki dak hu fornut bid-dawl mill-Enemalta b’disprezz lejn sentenza tal-Qorti.

L-iżvilupp, irrappurtat biss ftit ġimgħat ilu minn The Shift, involva żewġ pixxini illegali oħra mibnija fl-inħawi ta’ Sannat. Dwar dawn iż-żewġ pixxini u ringiela penthouses mibnija bħala parti mill-iżvilupp, il-Qorti ddikjarat li huma nbnew b’mod illegali u allura jridu jitwaqqgħu.

L-arloġġi tad-dawl, l-Enemalta tista’ tfornihom biss wara li perit ikun ipprovda ċertifikat tal-konformità.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo