Read in English.
Iben ir-raġel Għawdxi ta’ 57 sena li nstab mingħajr ħajja fir-razzett tiegħu f’Għawdex il-Ġimgħa li għadda, qed jakkuża lill-awtoritajiet tas-saħħa li tilfu kull sens ta’ rispett. Hu ddikjara li l-ġisem ta’ missieru tħalla jiddekompona għal bosta ġranet fil-kamra mortwarja tal-isptar t’Għawdex.
Meta tkellem ma’ The Shift, Samuel Curmi mir-Rabat Għawdex irrakkonta minn xiex għadda t-Tnejn li għadda meta mar ħdejn ġisem missieru fil-kamra mortwarja tal-isptar u kellu x-xokk ta’ ħajtu.
“Jien diġà għandi xokk u taqlib għax kont jien li sibt lil missieri mejjet fir-razzett nhar il-Ġimgħa filgħodu. Imbagħad tista’ timmaġina minn xiex kelli nerġa’ ngħaddi meta nhar it-Tnejn skoprejt li ġisem missieri tħalla jiddekomponi fl-isptar u ma tpoġġiex ġol-friża kif jiġri s-soltu meta jkun hemm katavru qed jistenna,” qal Curmi.
“Meta wasalt ma’ ħabib, għall-ewwel il-ħaddiema tal-isptar qaluli li ma ridunix nara l-ġisem. Iżda meta insistejt skoprejt għalfejn ma ridunix nidħol,” qalilna ibnu mnikket.
“Evidentement, għal xi raġuni, il-katavru ta’ missieri tħalla barra mill-friża għal tlett ijiem sħaħ fis-sħana u kien diġà infestat bid-dud. Ġismu ġie iswed tuta u partijiet minn wiċċu kienu diġà neqsin bl-infestazzjoni, qalilna Samuel Curmi xxokkjat.
Il-ħabib tiegħu li kien qed jakkumpanjah ikkonferma l-esperjenza li rrakkonta Samuel u qalilna li r-riħa li bdiet ħierġa mill-katavru fi stadju ta’ dekompożizzjoni kienet insapportabbli. F’dan ir-rappurtaġġ, hu ma xtaqx li jissemma b’ismu.
The Shift staqsa lil Curmi jekk kienx staqsa lill-ħaddiema għalfejn ġisem missieru tħalla f’dak l-istat. “Dak il-ħin lanqas biss stajt nitkellem għax kelli xokk kbir fuqi nara lil missieri hekk,” qalilna Curmi.
“Imbagħad meta staqsejt lill-ħaddiema biex jispjegawli x’ġara, ħadd minnhom ma tkellem,” żied jgħid. Samuel, iżda, issa qed jitlob spjegazzjoni sħiħa mingħand l-awtoritajiet.
Filwaqt li kiteb x’ġarrab fuq il-midja soċjali, hu staqsa għal investigazzjoni sħiħa u biex dawk responsabbli jagħtuh tweġiba.
Meta The Shift ikkuntattja lill-Ministeru tas-Saħħa, kelliem għall-ministeru qal li l-ministeru għadu mhuwiex konxju tal-inċident u li kien se jindaga x’ġara eżattament. S’issa, iżda, għadha ma ngħatat l-ebda tweġiba uffiċjali.
Samuel Curmi qal lil The Shift li l-avukat tiegħu għamel rapport mal-pulizija dwar dan li ġara, u suppost għandu jkun hemm investigazzjoni.
“Lil missieri għadni ma dfintux, u rrid nara li min kien responsabbli jagħtina spjegazzjoni fejn falla. Dan il-pajjiż mess il-qiegħ, u ma rrid li ħadd jiġi trattat b’dan il-mod, aħseb u ara li tiġri lil missieri,” qalilna.
Skont il-pulizija, ir-raġel ta’ 57 sena li nstab mejjet fir-razzett tiegħu fl-inħawi tar-Rabat Għawdex jidher li kien waqa’ minn fuq is-sellum. L-investigazzjoni tal-pulizija għadha għaddejja.