ESKLUSSIVA: Schembri uża email falz biex jimmanipola n-negozjati tal-Electrogas

Emails murija lil The Shift u li qatt ma ġew ippubblikati juru li l-“ftehimiet viljakki” ma kinux biss dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet

 

Read in English.

Fil-qosor:

  • Keith Schembri xehed bil-ġurament li hu ma kienx jaf li persuni ewlenin fl-iskandlu tal-isptarijiet kienu nnegozjaw għal ishma fl-Electrogas, il-ftehim tal-enerġija.
  • Messaġġi li qatt ma ġew ippubblikati jixhdu storja differenti.
  • Schembri mhux biss inżamm infurmat dwar in-negozjati, iżda kien involut fihom attivament. Il-kont tal-email falz li uża jiżvela wkoll elementi paralleli sorprendenti bejn il-ftehim tal-isptarijiet u l-Electrogas.

F’Marzu 2023, Schembri kienu sarulu xi mistoqsijiet mill-President tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, Darren Carabott, waqt seduta tal-investigazzjoni parlamentari dwar il-ftehim tal-Electrogas.

“Jekk ngħidlek li Yorgen Fenech mar għand [Ram Tumuluri u Mark Pawley] u qalilhom, isma’ hemm ix-shares tal-Gasol li kien il-major shareholder [fil-konsorzju tal-Electrogas], inti taf biha din?” staqsa Carabott.

U Schembri wieġbu, “Le.”

“Dawn in-negozjati li Yorgen Fenech avviċina attivament lil dawn in-nies [biex jixtru l-ishma], ma tafx?”

“Xiex? Le.”

U Carabott staqsa għall-aħħar darba, “Ma tafx inti? Qatt ma ġiet a konjizzjoni tiegħek?”

“Le qatt,” wieġeb Schembri.

Li tigdeb bil-ġurament hu perġur, reat serju punibbli bil-ħabs.

Minn emails li ra The Shift u li qatt ma ġew ippubblikati qabel joħroġ fid-dieher il-kontra ta’ dak li ħalef waqt ix-xhieda tiegħu, jiġifieri li Schembri inżamm infurmat dwar in-negozjati b’mezz sigriet tal-komunikazzjoni ma’ Yorgen Fenech, Ram Tumuluri u l-Gasol plc.

Fl-attività dubjuża, Schembri jsir jismu ‘Frank Pillow’

Mill-investigazzjonijiet maġisterjali li saru dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet joħroġ li Keith Schembri kemm-il darba uża indirizz tal-email falz bl-isem ta’ ‘Frank Pillow’ biex jostor il-preżenza tiegħu f’diskussjonijiet sensittivi dwar il-ftehim.

Schembri uża dan l-email falz għal korrispondenza privata mal-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi (li kien juża l-email personali tiegħu tal-hotmail), ma’ Ram Tumuluri u ma’ persuni oħrajn, u skont l-investigaturi dan jissuġġerixxi li “dawn kienu qed jassistu privatament lil Bluestone / Vitals b’mod separat iżda paralleli” mar-rwoli tagħhom fil-gvern.

Dan inkluda l-fatt li Mizzi u Schembri taw għajnuna bil-moħbi lil Tumuluri fin-negozjati tiegħu mal-gvern b’modi li kienu jikkontradixxu d-doveri tagħhom bħala uffiċjali tal-gvern.

Din il-korrispondenza ġdida bl-email li ra The Shift tiżvela li Schembri uża wkoll l-indirizz tal-email ta’ ‘Frank Pillow’ biex ikollu għajnejh fin-negozjati tal-aħħar mument għall-bejgħ tal-ishma tal-Gasol fil-konċessjoni tal-Electrogas tal-impjant tal-enerġija tal-LNG.

Matul il-bidu tal-2015, meta l-kuntratt tal-Electrogas kien għadu frisk, sieħeb ewlieni fil-konsorzju magħżul tal-Electrogas spiċċa fl-insolvenza. Il-Gasol kellha tbigħ l-ishma tagħha fil-proġett kemm jista’ jkun malajr u bir-riskju li dan jippreġudika l-konċessjoni kollha.

Il-membri l-oħra fil-konsorzju kienu l-GEM / ‘Greener Energy for Malta’ (li tinkludi lill-Grupp Tumas: in-negozju tal-familja ta’ Yorgen Fenech, lill-Grupp Gasan u lil CP Holdings ta’ Paul Apap Bologna), il-kumpanija statali taż-żejt tal-Ażerbajġan (is-Socar), u s-Siemens.

Il-gvern u l-Enemalta kienu ġew notifikati formalment li l-Gasol kienet qed tbigħ l-ishma tagħha lejn l-aħħar ta’ Lulju 2015. Madanakollu, l-indirizz tal-email falz ta’ Schembri ‘Frank Pillow’ kien ilu diġà xi xahar jirċievi aġġornamenti dwar dan mingħand Yorgen Fenech.

Email bl-Ingliż mingħand Yorgen lil ‘Frank Pillow’ tgħid, “It-tweġibiet bl-aħmar ħdejn il-punti t’hawn taħt.” Dawn it-tweġibiet kienu r-reazzjonijiet ta’ Fenech, tal-GEM u tal-Gasol għal parir kunfidenzjali mogħti minn DF Advocates lil Ram Tumuluri dwar in-negozjati bejn il-GEM u l-Gasol b’rabta mal-ishma fl-Electrogas.

Skambju tal-emails li ra The Shift u li jikxef li Keith Schembri, permezz tal-email falz tiegħu “Frank Pillow”, kien jaf bin-negozjati dwar il-bejgħ tal-ishma tal-Gasol fl-Electrogas.

Mhuwiex ċar jekk kienx Schembri jew Tumuluri li għaddew dan l-email lil Yorgen Fenech, iżda Fenech kien qed jagħti l-kummenti tal-konsorzju lil Schembri dwar dak il-parir kunfidenzjali mogħti. Schembri dak iż-żmien kien iċ-chief of staff tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat.

In-negozjati li Schembri kien qed jinżamm infurmat dwarhom kienu relatati max-xiri propost tal-ishma kollha tal-Gasol fl-Electrogas minn kumpanija offshore li fuq il-karta kienet proprjetà tal-istess persuni involuti fil-konċessjoni “frawdulenti” tal-isptarijiet u li fil-frattemp il-qorti laħqet annullat.

Dan l-iskambju jiżvela tabilħaqq tarf ieħor fil-kobba mħabbla li kienet tinvolvi lill-istess persuni fil-gvern li kull darba kienu qed jinvolvu ruħhom fi ftehimiet li ma jkunux fl-interess pubbliku u lil persuni oħra li jagħtuhom palata.

Intant, The Shift ikkonferma b’mod indipendenti wkoll li l-indirizz tal-email tal-yahoo f’isem ‘Frank Pillow’ hu marbut man-numru tal-mowbajl ta’ Keith Schembri.

L-Electrogas u l-Vitals: toroq paralleli

L-investigaturi tat-tliet sptarijiet tal-Maltin jinnutaw li Konrad Mizzi aċċerta li l-konċessjoni tal-isptarijiet kienet f’idejn it-tim fil-ministeru tiegħu tal-enerġija minflok f’idejn it-tim fid-dekasteru tas-saħħa li kien għadu kif ingħadda f’idejh, ħalli b’hekk jiżgura li jkollu l-persuni ‘t-tajba’ f’posthom.

“Fil-fehma tagħna, dawk il-persuni ‘t-tajba’ kienu diġà ntużaw minn Dr Mizzi u Mr Schembri f'”konċessjoni” suspettuża simili għall-forniment tal-enerġija f’Malta askapitu tal-poplu Malti,” ikkonkludew l-investigaturi li tqabbdu fl-inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim tal-isptarijiet.

Il-konċessjoni “suspettuża” li kienu qed jirreferu għaliha hija dik mogħtija lill-Electrogas, deskritta minn analisti tas-suq internazzjonali tal-enerġija bħala ftehim li bih Malta “qed titlef il-flus bil-gelgul”.

Il-bejgħ tal-impjant tal-enerġija ssemma bi prominenza f’ġurnali mill-Ażerbajġan sa New York bħala ftehim korrott potenzjalment marbut mal-assassinju tal-2017 tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech, eredi tal-Grupp Tumas li bħalissa qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar l-allegat involviment ewlieni tiegħu fl-assassinju tagħha, kien direttur tal-Electrogas u wieħed mill-azzjonisti fl-Electrogas, kif ukoll is-sid ta’ 17 Black, kumpanija fl-Emirati Għarab Magħquda (l-Ajman Freezone).

Wara mistoqsijiet li saru fil-parlament, l-Awditur Ġenerali (l-NAO) wettaq analiżi dettaljata tal-proċess korrott li bih fl-2013 il-konsorzju Electrogas kien ingħata dik il-konċessjoni li tiswa €5 biljun. Meta eventwalment l-NAO kien ippubblika rapport ta’ 600 paġna, is-sejbiet kienu allarmanti.

Iżda l-qrubijiet bejn il-konċessjoni tal-Electrogas u dik tal-isptarijiet mhumiex biss relatati ma’ irregolaritajiet tul il-proċess tal-akkwist.

Shaukat Ali (fin-nofs) u wliedu subien Asad (fuq il-lemin) u Wajid (fuq ix-xellug) li lkoll qed jaffaċċjaw akkużi kriminali fil-qrati Maltin b’rabta mal-ftehim tal-isptarijiet.

L-investigaturi sabu evidenza li Shaukat Ali Abdul Ghafoor, sid benefiċjarju mistur tal-Vitals u allegat front għal persuni esposti politikament, għen lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi biex jiftħu kontijiet bankarji fid-Dubaj. Dawn il-kontijiet kellhom allegatament jintużaw għall-kumpaniji sigrieti ta’ Schembri u Mizzi fil-Panama.

Bl-istess mod, l-investigaturi sabu li “ħabib komuni minn Malta” kien introduċa lil Yorgen Fenech ma’ Wasay Bhatti, konsulent u allegat front għal Shaukat Ali, biex jgħinu jċaqlaq xi flejjes meta l-kontijiet bankarji ta’ 17 Black fin-Noor Bank tad-Dubaj qabdu u ngħalqu ħabta u sabta.

L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat qed jiġi akkużat li allegatament irċieva tixħim mingħand kumpanija kkontrollata minn Bhatti b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.

L-investigaturi sabu wkoll dokumenti li jiżvelaw kif il-wiċċ tal-VGH, Ram Tumuluri, kien ħa sehem f’diskussjonijiet ma’ sid 17 Black, Yorgen Fenech, fl-2015 biex jixtri l-ishma tal-Gasol fl-Electrogas Malta permezz ta’ kumpanija offshore li jisimha Dempsy Investments Ltd. Bħall-Vitals, din il-kumpanija finalment kienet proprjetà fuq il-karta ta’ Mark Edward Pawley.

L-investigaturi tal-konċessjoni tal-isptarijiet sabu li Tumuluri kien involut fl-istrutturar tax-xiri tal-ishma tal-Gasol fl-Electrogas permezz ta’ kumpaniji offshore relatati mal-isptarijiet.

Dawn id-dokumenti juru li Tumuluri kien qed jippjana li juża l-istess struttura dubjuża ta’ finanzjament li kien uża għall-konċessjoni tal-isptarijiet, inkluż garanzija bankarja surreali maħruġa minn kumpanija Indjana li n-negozju ewlieni tagħha kien il-forniment tal-ħalib.

Dawn l-emails li issa qed jiġu żvelati jikkonfermaw b’mod separat li dawk in-negozjati bejn Tumuluri u Fenech u Gasol effettivament saru, u jikkonfermaw ukoll l-involviment attiv ta’ Schembri.

It-tluq tal-Gasol

Mhuwiex ċar jekk in-negozjati tkomplewx ulterjorment. F’Lulju 2015, il-konsorzju Electrogas innotifika formalment lill-eks ministru Konrad Mizzi u lill-Enemalta li l-Gasol kienet qed iġġarrab xi diffikultajiet u li s-Siemens, il-GEM u s-Socar kienu se jixtru s-sehem tagħha.

Twaqqaf malajr kumitat tal-evalwazzjoni biex janalizza t-talba u jistabbilixxi jekk l-Electrogas kienx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-għotja wara li telqet il-Gasol.

Dan l-kumitat — mill-ġdid kompost mill-persuni ‘t-tajba’ — effettivament approva awtomatikament it-tluq ta’ dan il-membru ewlieni, azzjonist ta’ 30%, mingħajr impatt fuq l-għoti tal-konċessjoni lill-Electrogas.

Aktar tard, l-Awditur sab li l-gvern u l-Enemalta kienu emendaw il-kuntratti mal-Electrogas biex ikunu jistgħu jippermettu dak it-tluq, għax qabel ma setax isir.

Bħalissa, Schembri u Mizzi huma soġġetti għal sanzjonijiet mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan, fosthom projbizzjoni fuq is-safar lejn l-Istati Uniti, talli wettqu korruzzjoni sinifikanti fir-rwol tagħhom fl-Electrogas.

Schembri, Mizzi, Tumuluri, Pawley u bosta oħrajn qed jaffaċċjaw għadd ta’ akkużi kriminali fil-qrati Maltin, fosthom dwar tixħim, frodi, negozjar tal-influwenza, miżapproprjazzjoni u ħasil tal-flus b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Dawn il-persuni lkoll qed jiċħdu l-akkużi kontrihom.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest


0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo