Is-CEO Steve Ellul jaħtar lil oħt il-mentor tiegħu ma’ Infrastructure Malta

Read in English.

The Shift jista’ jiżvela li wieħed mill-aħħar kuntratti ta’ konsulenza li ffirma Steve Ellul minn mindu nħatar CEO ta’ Infrastructure Malta ngħata lil Veronique Dalli, oħt il-mentor politika tiegħu, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.

Ellul, li nħatar biex imexxi l-aġenzija wara li ma rnexxilux jikseb siġġu fil-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2024, ta dan il-kuntratt ta’ konsulenza lil Veronique Dalli li jiswa lill-poplu €1,400 fix-xahar biex tipprovdi konsulenza legali lil Infrastructure Malta.

Minbarra l-ħlasijiet bil-quddiem, Dalli hi intitolata għal rata ta’ €70 fis-siegħa u ħlasijiet oħrajn jekk ix-xogħol li titqabbad tagħmel ikun jaqbeż l-20 siegħa fix-xahar.

Skont it-termini tal-kuntratt tagħha, Dalli qed titqabbad “abbażi tad-domanda”, jiġifieri l-ħlasijiet jingħatawlha irrispettivament mill-ammont ta’ xogħol assenjat.

Hu nnutat li Infrastructure Malta diġà tħallas ħlasijiet bil-quddiem lil bosta ditti legali ta’ reputazzjoni għall-każijiet kumplessi, iżda għal din il-ħatra ta’ oħt il-Ministru ma nħarġet l-ebda sejħa pubblika.

Ellul, li fl-imgħoddi kien konsulent politiku viċin ta’ Miriam Dalli, kien immira li joħdilha s-siġġu li kellha fil-Parlament Ewropew. Qabel il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, hu kien ukoll intgħażel mingħajr sejħa biex ikun l-ewwel CEO ta’ Project Green, l-aġenzija ambjentali tal-gvern, u hemm kiseb bosta prominenza sakemm kellu jħalli postu biex jiffoka fuq il-kampanja tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej.

Minkejja l-appoġġ finanzjarju ġmielu, u l-imbuttaturi tal-Ministru Miriam Dalli u tal-Prim Ministru Robert Abela, fl-elezzjoni Ellul ma rnexxilux jikseb aktar voti mill-kandidati żgħażagħ Daniel Attard u Thomas Bajada. U sussegwentement inħatar CEO ta’ Infrastructure Malta minflok Ivan Falzon li ma kienx qed imur tajjeb mal-Ministru tat-Trasport il-ġdid Chris Bonett. Dwar din il-ħatra, iżda, bosta kritiċi wrew it-tħassib tagħhom li Ellul m’għandux esperjenza fl-infrastruttura.

Aktar u aktar kuntratti tal-gvern lil Veronique Dalli

Veronique Dalli, avukata veterana u eks qarrejja tal-aħbarijiet fuq l-istazzjon televiżiv Laburista ONE TV irnerxxielha tikseb diversi kuntratti tal-gvern matul is-snin.

Minbarra l-kunsulenza tagħha ma’ Infrastructure Malta, hi kienet ukoll tqabbdet xi xogħol mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Ministru Jonathan Attard, eks kollega tagħha f’ONE TV.

Apparti dawn, hi rċeviet ukoll ħlasijiet sostanzjali b’direct orders tal-gvern b’rabtiet diretti mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mal-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali (l-NSDF), u mal-Awtorità Maltija għal-Logħob.

Dalli għandha wkoll pożizzjoni fil-Kummissjoni Elettorali, tirrappreżenta lill-Partit Laburista.

Bħalissa, Veronique Dalli qed tiġi kkunsidrata wkoll għal ħatra ġudizzjarja fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (il-QEĠ) wara li l-eks Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, bħala l-ewwel kandidat ippreferut tal-gvern, ma rnexxilux jgħaddi mill-intervista tal-għażla li għamlet il-QEĠ.

Minħabba dan ir-riżultat, Dalli, bħala l-kandidata fit-tieni post tal-proċess tal-għażla nazzjonali mmexxi mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, issa jmiss lilha biex tiġi kkunsidrata għal intervista mal-Bord tal-QEĠ. Minkejja d-dubji dwar l-esperjenza limitata tagħha li hija rilevanti għal din il-ħatra ġudizzjarja mill-aktar prestiġġjuża — b’pakkett finanzjarju li jaqbeż it-€300,000 fis-sena — Dalli xorta għadha fit-tellieqa.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest


0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

NGOs secure major concessions in Gozo road project
A five-year campaign by environmental organisations has compelled the
Is-CEO Steve Ellul jaħtar lil oħt il-mentor tiegħu ma’ Infrastructure Malta
Read in English. The Shift jista’ jiżvela li wieħed

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo