€1,250 fix-xahar minn flus il-poplu għall-Maserati ta’ Muscat

Read in English.

Il-Maserati tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat qed tiswa lill-poplu Malti u Għawdxi €1,250 fix-xahar, jew €15,000 fis-sena.

Skont l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (l-OPM), Muscat talab din il-karozza lussuża aktar kmieni din is-sena, u din qed titħallas bħala parti mill-pakkett ta’ benefiċċji li għandu bħala eks prim ministru.

Filwaqt li l-OPM irrifjuta li jiżvela l-kuntratt tal-kirja jew isem il-kumpanija li kienet qed tipprovdi l-karozza, qal lil The Shift li Muscat qed jingħata l-istess allowance kull xahar li kien jingħata meta kera l-Alfa Romeo Giulia mingħand il-Burmarrad Commercials.

Il-kuntratt ta’ qabel mal-Burmarrad Commercials kien għal kirja ta’ ħames snin, u s’issa għadu mhuwiex magħruf jekk l-OPM kellux iħallas xi penali talli ttermina kmieni dak il-kuntratt ħalli Muscat ikun jista’ jaġġorna l-karozza tiegħu ffinanzjata mill-poplu għal Maserati.

Meta The Shift ikkuntattja lil Joseph Muscat, hu kkonferma li l-poplu Malti kien qed iħallas għall-karozza l-ġdida tiegħu, madankollu insista li hu kien għadu qed juża l-istess allowance li rċieva kemm ilu li ħalla l-kariga ta’ prim ministru, u li d-differenza fl-ispejjeż tal-kirja kien qed iħallashom minn butu.

“Jien ingawdi l-allowance normali tal-kirjiet bħalma jgawdu eks prim ministri oħra,” qalilna, filwaqt li ddeskriva l-kwistjoni tal-Maserati tiegħu bħala “a non-story” (mhix aħbar).

“Id-differenza bejn l-allowance u l-prezz tal-kirja tal-karozza qed noħroġha jien personalment u qed inħallasha bil-quddiem bil-bank.”

Bħalissa l-assi ta’ Muscat huma soġġetti għal ordni tal-iffriżar ta’ €30 miljun li l-Qorti imponiet bħala parti mill-proċedimenti kriminali kontrih b’rabta mal-iskandlu tat-tliet sptarijiet. Għaldaqstant mhuwiex ċar kif qed jiffinanzja dawn il-pagamenti kull xahar għall-Maserati.

Skont regoli mhux miktuba, l-eks presidenti u l-eks prim ministri jingħataw pakkett ta’ benefiċċji meta jħallu l-kariga tagħhom, u dan il-pakkett ikun jinkludi karozza, xufier u assistent personali. Madankollu, il-Prim Ministru Robert Abela kien aċċetta li l-predeċessur diżonorat tiegħu jingħata pakkett ġeneruż iżjed minn dawk li ngħataw fl-imgħoddi lil dawk li okkupaw l-istess kariga.

Abela aċċetta li, b’differenza mill-eks prim ministri, Muscat għandu jingħata Range Rover imħallsa b’kollox biex tkun tista’ tintuża minn martu Michelle, li qatt ma kienet tokkupa xi kariga pubblika, u ngħata aċċess għal uffiċċju rinovat ġdid f’Sa Maison tal-Pietà biex ikun jista’ jużah għan-negozju privat tiegħu tal-konsulenza.

Fl-2020, tul l-ewwel sena tiegħu ‘l barra mill-kariga, Muscat iddikjara dħul ta’ €500,000 mill-konsulenzi.

Il-karozza ta’ Michelle Muscat imħallsa mill-poplu Malti.

Malli Muscat kellu jirreżenja mill-kariga, Abela approvalu wkoll għotja ta’ €120,000 bħala golden handshake: ammont li jisboq bil-bosta l-ammont li kien intitolat jirċievi bħala eks prim ministru diżonorat.

F’Jannar 2021, The Shift kien żvela li Muscat kien bidel baxx baxx darbtejn ir-regolamenti dwar il-benefiċċji tat-tmiem għall-eks membri tal-kabinett… bidliet li gawda minnhom hu stess. Barra minn hekk, Robert Abela ma ppubblikax dawn ir-regoli ġodda.

Din mhix l-ewwel kontroversja fejn jidħlu Muscat u l-karozzi tiegħu għax fl-2013, malli laħaq prim ministru, hu kien iddeċieda li jikri l-karozza tiegħu stess lill-gvern, u minn dik il-kirja kien tħallas €7,000 oħra kull sena.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Aġenziji Bangladexxjani jitħabtu għal postijiet tax-xogħol b’€600 fix-xahar f’Malta
Read in English. The Shift jista’ jiżvela li għadd
Opinjoni: Flusna m’huma ġejjin lura qatt
Read in English. Robert Abela qed jiftaħar li qed

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo