AĠĠORNATA: Il-familja Pakistana akkużata li ħadet il-miljuni minn fuq dahar il-Maltin

Illum, il-Qorti qed jitressqu membri tal-istess familja wara li l-Inkjesta Vitals sabet li ħadu mill-anqas €15-il miljun mill-fondi pubbliċi li kienu maħsuba għall-isptarijiet

 

Read in English.

Meta l-konċessjoni għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin ngħatat lill-VGH, jidher li fil-kontijiet bankarji tal-familja tal-Pakistani Shaukat Ali Abdul Ghafoor fid-Dubaj daħlu minnufih $5 miljun – il-familja se tkun qed titressaq il-Qorti llum.

L-investigaturi sabu li dawk il-flejjes, li ngħatawlhom bħala “success fee”, kienu biss qatra f’oċean. L-Inkjesta Vitals sabet evidenza li l-familja daħħlet madwar €15-il miljun, u possibbilment ank’iżjed, għax mhux dejjem seta’ jinstab fejn marru l-flejjes tal-Maltin u l-Għawdxin li ntbagħtu fil-kontijiet tagħhom ġo ġurisdizzjonijiet tas-segretezza.

“Dak l-għoti fetaħ il-bibien beraħ ukoll biex bosta flejjes oħra tal-konċessjoni jingħaddu għand il-familja Ali, u li ħafna minnhom intbagħtu f’kontijiet ġo ġurisdizzjonijiet tas-segretezza li s-sidien aħħarija tagħhom għad iridu jsiru magħrufa,” tiddikjara l-Inkjesta Vitals.

It-trasferimenti tal-flejjes li ntraċċaw l-investigaturi tal-inkjesta maġisterjali, u li jikkonfermaw ir-rappurtaġġi tal-ġurnalisti ppubblikati fl-aħħar sena, juru li l-flus tal-Maltin u l-Għawdxin spiċċaw ukoll fil-kontijiet bankarji taż-żewġ nisa ta’ Shaukat Ali, Aasia Parveen u Fakhra Ali, ta’ wliedu Asad u Wajid u ta’ “bintu onorarja” Saba Binte Abbas.

“Fil-fehma tagħna, essenzjalment, dawn kienu ħaġa waħda,” jikkonkludu l-investigaturi.

Shaukat Ali (fin-nofs) u wliedu subien Asad (fuq il-lemin) u Wajid (fuq ix-xellug).

Fl-2019, The Shift kien diġà żvela l-involviment ta’ Shaukat Ali fit-tiswir ta’ dan il-ftehim.

Meqjus bħala ‘il-moħħ wara l-ftehim’, l-Inkjesta Vitals tikkonkludi li Shaukat Ali ħadem mal-eks chief of staff diżonorat tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u poġġa “pupazzi” biex jaġixxu bħala fronti f’bosta kumpaniji u karigi li nħolqu biex jisolħu qligħ personali minn dak li suppost kellu jkun ftehim biex jitmexxew it-tliet sptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Kull fejn issib lil Shaukat Ali, issib ukoll lil Keith Schembri,” jiddikjara r-rapport tal-Inkjesta Vitals. U filwaqt li kienu qed idaħħlu l-flejjes pubbliċi fi bwiethom, l-isptarijiet tħallew abbandunati.

L-Inkjesta Vitals tikkonkludi li l-ftehim ma kien ifisser xejn għal dawk involuti ħlief bejgħ ta’ malajr biex idawru lira tajba ħafna.

Filmati li ġibdu l-ġurnalisti f’Jannar 2023 u li juru partijiet kbar tal-Isptar San Luqa mħollija fi stat diżastruż. Ritratt: l-OCCRP / il-Fondazzjoni Daphne.

“Shaukat innifsu għandu rekord twil ta’ involvimenti korrotti ma’ uffiċjali ewlenin tal-gvern u ftit qabel ġie Malta, il-familja tiegħu kienet involuta fl-ogħla livelli tar-reġim mill-aktar korrott tal-Kurunell Gaddafi fil-Libja, fis-sistema tal-kura tas-saħħa ta’ dak il-pajjiż,” tikkonferma l-Inkjesta Vitals.

Iżżid tgħid li, “Is-CEO tal-VGH u ta’ Steward Healthcare, Armin Ernst, kien jittratta u jirreferi għal Shaukat Al bħala ‘l-azzjonist maġġoritarju’ u dan allavolja fuq il-karta qatt ma deher bħala s-Sid Benefiċjarju Aħħari.”

Minn investigazzjonijiet li wettqu l-ġurnalisti joħroġ li t-trasferimenti tal-flejjes mingħand il-gvern Malti għal għand dawk is-sħab involuti fil-konċessjoni kienu qed jiddawru baxx baxx għal għand sħab oħra moħbija.

Minbarra l-€15-il miljun li huma stmati li ġew trasferiti għandhom personali għal konsulenzi finta, kif sabu l-investigaturi, jidher li l-flejjes tal-Maltin u l-Għawdxin intużaw ukoll biex inxtraw kumpaniji li jipprovdu servizzi mediċi lill-isptarijiet biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-profitti personali.

Użaw strutturi kumplessi ġo ġurisdizzjonijiet imbiegħda biex jaħbu s-sidien tal-kumpaniji li kienu qed jaġixxu bħala fronti jew bħala l-“pupazzi” li ssemmi l-Inkjesta Vitals, fosthom Ivan Vassallo, Ram Tumuluri, Mark Pawley, u Adrian Hillman li kien imdaħħal fil-“ftehimiet viljakki” ta’ Keith Schembri ferm u ferm aktar milli ħsibna.

L-Inkjesta Vitals tikkonferma r-rappurtaġġi tal-ġurnalisti li jikxfu kif Schembri, kif ukoll l-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi u l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat għamlu profitti mill-ftehim.

Skont l-Inkjesta Vitals, Shaukat Ali qal lil Kamal Sharma (eks direttur ta’ Accutor AG li kienet qed tibgħat pagamenti lil Joseph Muscat) li Mizzi, Schembri u Muscat kienu fil-konċessjoni flimkien mal-VGH u ma’ Steward, u li kull sena kienu jintbagħtu €18-il miljun mill-konċessjoni fil-bwiet ta’ dak il-grupp.

Shaukat Ali Abdul Ghafoor Tigne

Shaukat Ali Abdul Ghafoor (fuq ix-xellug) mal-uffiċjal tas-sigurtà ta’ Joseph Muscat, John Portelli (fin-nofs) f’Tigne Point, Tas-Sliema.

Fost “il-pupazzi” li ssemmi l-Inkjesta Vitals hemm Ram Tumuluri.

“Id-dejta kontinwament turi li meta Ram Tumuluri jkun involut fi proġett, Shaukat kien qed jinżamm infurmat. U meta Shaukat kien qed jiġi infurmat, hekk ukoll kien Schembri,” jikkonkludu l-investigaturi.

Waqt investigazzjoni kollaborattiva bejn l-OCCRP, The Shift u t-Times of Malta, Tumuluri ddikjara li hu kien sfurzat bħala l-Kap tal-VGH biex jittrasferixxi l-ftehim lil Steward Healthcare biċ-ċiċri.

Filwaqt li Tumuluri u Mark Pawley tħallsu l-miljuni tal-ewro, l-investigaturi jemmnu li aktarx dawn it-tnejn kienu obbligati jgħaddu porzjon sostanzjali minn dawk il-flejjes lil ħaddieħor.

“Xejn minn dan ma seta’ jinkiseb mingħajr il-palata ta’ uffiċjali ewlenin f’pożizzjonijiet partikolari, l-aktar ministri u uffiċjali għoljin fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru,” tiddikjara l-Inkjesta Vitals.

L-inkjesta tinnota wkoll li l-eks Kummissarju Ewropew diżonorat John Dalli kien ilu s-snin jintrabat ma’ korruzzjoni politika u li hu kien attiv fil-Libja fl-aħħar snin tar-reġim ta’ Gaddafi, fl-istess żmien meta Shaukat Ali kien jgħix il-Libja u jaħdem spalla ma’ spalla mar-reġim.

“Hemm rabtiet kummerċjali bejn il-familja Ali u l-familja Dalli li jmorru lura sal-2009 meta Asad Ali, bin Shaukat, kien azzjonist f’kumpanija kkontrollata minn ulied John Dalli, Louisa Dalli u Claire Gauci Borda. Aħna nissuspettaw li Shaukat Ali ġie introdott f’Malta u lill-politiċi Maltin tramite John Dalli.”

It-Tnejn filgħodu, il-Qorti sabet biżżejjed evidenza biex ikunu jistgħu jittieħdu passi kontra Asad, bin Shaukat. Illum il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed evidenza biex ikunu jistgħu jittieħdu passi kontra membri oħra tal-istess familja.

It-Tlieta, il-Qorti imponiet iffriżar tal-assi fuq Shaukat Ali u Aasia Parveen, u ordnatilhom biex ma jiddiskutux il-każ jew dettalji dwaru fil-pubbliku.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

ESKLUSSIVA: Schembri uża email falz biex jimmanipola n-negozjati tal-Electrogas
Read in English. Fil-qosor: Keith Schembri xehed bil-ġurament li
‘Forzi tad-Dlamijiet’ imponewlu Fearne u Ciantar lill-poplu Malti
Read in English. Carmen Ciantar ilmentat fuq l-“impatt devastanti”

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo