Ir-rebbieħ tal-konċessjoni tal-Evans jammetti l-iżball, iqisu insinifikanti

Read this article in English.

Il-Valletta Luxury Projects (VLP) – konsorzju bejn il-Grupp Eden Leisure ta’ Decesare u Mark Weingard tal-Iniala Hotel – ammetta għall-ewwel darba li wettaq żball kruċjali fis-sottomissjoni tiegħu li rebbħitu l-konċessjoni kontroversjali tal-Evans, binja ikonika fil-Belt Valletta. Dan ħareġ minn sottomissjonijiet li ppubblika l-Bord tar-Rieżami tal-Kuntratti Pubbliċi (PCRB) nhar it-22 ta’ Frar li għadda fuq il-website tiegħu.

Filwaqt li wieġbu ż-żewġ sfidi li saru quddiem il-PCRB biex titħassar id-deċiżjoni tal-gvern, l-avukati tal-konsorzju VLP ammettew li s-sottomissjoni kienet indikat l-offerta finanzjarja skorretta ta’ €1.2 miljun biss għall-konċessjoni ta’ 65 sena minflok bħala ħlas annwali, li effettivament ikun ifisser b’kollox €78 miljun.

Minkejja dan l-iżball li l-offerenti l-oħra qed jistqarru li kellu jwassal minnufih għall-iskwalifika tal-konsorzju mill-proċess, il-kumitat tal-evalwazzjoni ddeċieda li xorta waħda jagħti din il-konċessjoni ta’ 65 sena lill-VLP. L-avukati tal-VLP ddikjaraw ukoll li l-iżball kien wieħed żgħir għax fil-bqija tal-offerta joħroġ ċar u tond li dik kienet offerta ta’ €78 miljun u mhux ta’ €1.2 miljun.

Il-konsorzju Decesare-Weingard qal ukoll li huma ntalbu jiċċaraw iċ-ċifri waqt l-evalwazzjoni u kkonfermaw li dawn kienu ċċarawhom mingħajr dewmien. Abbażi ta’ dan, għalhekk, il-konsorzju qed jargumenta li l-isfidi li għamlu dawk iż-żewġ offerenti rivali m’għandhomx jintalqgħu.

Il-konċessjoni tal-Evans mogħtija mill-gvern, u li effettivament tfisser l-għoti ta’ binja storika fil-Belt Valletta biex tinbidel f’lukanda tal-ħames stilel għal 65 sena, irċeviet bosta kontestazzjonijiet min-naħa tal-offerenti l-oħra.

Katari Hospitality ta’ Paul Attard, is-segretarju ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi u persuna qrib il-prim ministru, offrew €41 miljun għal din il-konċessjoni, filwaqt li Iconic Hotel Malta – Nobu, irrappreżentati mill-intraprenditur ewlieni Michael Bianchi – offrew €39.3 miljun.

L-avviż tad-Dipartiment tal-Kuntratti dwar kif ġew ikklassifikati l-offerti.

Dawn it-tnejn qed jisfidaw id-deċiżjoni tal-OPM u qed jinsistu li l-offerta ta’ Decesare-Weingard għandha tiġi skwalifikata talli għamlu sottomissjoni skorretta u sussegwentement għandha ssir evalwazzjoni mill-ġdid.

Skont Iconic Hotel Malta – Nobu, anki s-sottomissjoni ta’ Paul Attard hi difettuża għax hu biddel id-dejta finanzjarja biex l-offerta tiegħu tkun tista’ tiġi eliġibbli, u dan fi żmien meta l-OPM b’mod mill-aktar mhux spjegabbli mexxa ‘l quddiem id-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-offerti.

Il-Katari, li qed jisfidaw id-deċiżjoni permezz tal-avukat Ryan Pace – l-eks assistent ta’ Robert Abela fid-ditta legali tiegħu – qed tirrifjuta kull stqarrija fil-konfront tagħha.

Issa l-PCRB mistenni jisma’ l-każijiet u jieħu d-deċiżjoni tiegħu. Madankollu, din id-deċiżjoni mhijiex finali għax tista’ tittieħed il-qorti.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo