Johann Grech ma juri l-ebda fattura għall-€4 miljun minfuqa fuq il-festival tal-films

Ir-rapport mogħti lill-parlament ma jsemmi l-ebda kuntrattur li tħassar bi flejjes pubbliċi.

 

Read in English.

Il-Kummissarju Malti tal-Films Johann Grech nefaq €4 miljun f’Lulju li għadda fuq festival tal-films mifrux fuq ħamest ijiem. Hekk joħroġ minn studju kkummissjonat mill-gvern li ġie ppreżentat fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati. Madanakollu, dan ir-rapport ma jinkludi l-ebda fattura tal-ħlasijiet li saru, u allura joħloq diffikultajiet ta’ trasparenza dwar kif qed jintefqu l-fondi pubbliċi.

Filwaqt li tiġġustifika n-nefqa, ħafna drabi fuq id-divertiment u l-ospitalità, id-ditta tal-awditjar RSM, miftuħa mill-awtitur tal-Partit Laburista Deo Scerri, iddikjarat li l-festival ġab xi €7 miljun fl-ekonomija u ħoloq l-impjiegi. Madanakollu, ma tat l-ebda dettall speċifiku.

Għal bosta xhur, l-oppożizzjoni, l-industrija lokali tal-films u l-ġurnalisti kienu qed jitolbu informazzjoni dwar l-ammonti minfuqa, inkluż permezz ta’ mistoqsijiet parlamentari u talbiet tal-libertà tal-informazzjoni (FOI), li lkoll baqgħu ma tweġbux

Finalment, iżda, meta kollox kien lest fil-parlament biex jibda d-dibattitu dwar ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika kundannanti dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo ppreżenta l-“Valutazzjoni tal-Impatt” li ħejjiet id-ditta RSM fuq il-mejda tal-kamra bħala tweġiba għall-mistoqsijiet.

L-istudju ta’ RSM, iżda, ma jinkludi l-ebda fattura għall-ħafna direct orders li ngħataw u minflok straħ fuq informazzjoni u dejta mogħtija minn Grech stess.

Filwaqt li tella’ spiża ta’ €4 miljun tul il-ħamest ijiem tal-festival, il-kummissarju tal-films nefaq €2.5 miljun fuq “attivitajiet tal-arti u tad-divertiment”, €372,000 fuq titjiriet, €326,000 fuq akkomodazzjonijiet fil-lukandi, €140,000 fuq l-ikel, u €110,000 fuq taxis. Fl-istess waqt, Grech nefaq kważi €400,000 fuq riċerka mhix definita dwar “ir-riklamar u s-suq”.

L-istudju ta’ RSM ma jagħti l-ebda dettall dwar il-ħlasijiet li saru.

Fl-istudju ta’ 92 paġna ma jissemma l-ebda kuntrattur li tħallas bil-fondi pubbliċi, u ma jingħata l-ebda dettall dwar kif dawn il-kuntratti tqassmu jew dwar il-metodu tal-akkwist pubbliku li tħaddem.

Ir-rapport, imbagħad, jikkonkludi li hemm l-“assunzjoni” li l-festival iġġenera attività ekonomika ta’ €7 miljun u “ħoloq” l-ekwivalenti ta’ xi 50 impjieg fulltime. Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet tar-rapport ma ma ġewx issostanzjati u vverifikati bid-dejta jew bl-evidenza jew b’xi informazzjoni ulterjuri.

Barra minn hekk, l-istudju ma stħarriġx materji relatati mal-governanza t-tajba, fosthom dwar liema baġit intuża biex jitħallas l-avveniment u kemm inqabeż il-baġit inizjali.

Il-ftit dettalji konkreti li fih l-istudju ta’ RSM juru li Grech stieden u ħallas l-ispejjeż kollha tat-titjiriet, tal-akkomodazzjonijiet tal-ħames stilel u tat-trasport għal 249 “kelliem, jew persuni barranin tal-ispettaklu u tal-kru” u 22 oħra li kienu “ġurati” u li lkoll ingħataw ukoll l-ikel u x-xorb tul iż-żjara tagħhom f’Malta.

Uħud mill-mistednin saħansitra ttieħdu Manoel Island għal ftuħ grandjuż fuq jottijiet lussużi mikrija apposta, li swew lill-poplu eluf tal-ewro kuljum għall-kiri u l-fjuwil mingħand is-sidien tal-Marina De Valletta f’Tal-Pietà.

Fost id-900 “professjonist lokali tal-films” mistiedna għall-avveniment kien hemm membri tal-familja ta’ Grech u Bartolo, ħaddiema u produtturi tal-istazzjon Laburista ONE TV, membri tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista u persuni assoċjati mill-qrib oħrajn.

Grech, li wara l-festival ingħata żieda ta’ €90,000 mas-salarju tiegħu, diġà ħabbar edizzjoni oħra tal-Festival tal-Films Mediterrane li se ssir f’Ġunju li ġej, did-darba mifruxa fuq medda ta’ disat ijiem. Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo saħansitra approva l-avveniment ta’ din is-sena, u dan minkejja li fil-baġit tal-2024 ma ġewx allokati l-fondi.

Skont stimi li ppreżenta l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fil-baġit, il-Kummissjoni Maltija tal-Films ingħatat €1.8 miljun għan-nefqa rikorrenti fl-2024 u €38 miljun għan-nefqa kapitali. Din tal-aħħar trid tinqasam bejn il-€35 miljun li jridu jingħataw għar-rebates tal-films u t-€3 miljun l-oħra biex jissaħħu l-faċilitajiet tal-films fil-Kalkara.

U għaldaqstant mhuwiex ċar x’se jkun il-baġit għall-avveniment ta’ din is-sena, u mnejn se jiksbu l-fondi biex iħallsuh.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
makjavel
makjavel
1 month ago

Jekk ma juri l-ebda fattura , ifisser li dahhalhom fil but? Fil-privat qabel taghti il-fatturi ma tithallasx il-flus li tkun hrigt. Imma dan il-gvern izidek €90,000 jew tahbi il-fatturi. Fejn mar l Awditur tal-Gvern?

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo