Cutajar iddawwar il-kanuni fuq id-Deputati tal-Oppożizzjoni fuq xogħol fis-settur pubbliku

Read this article in English.

L-eks Deputata Laburista diżonorata Rosianne Cutaja, imneħħija mill-grupp parlamentari minħabba bosta skandli, ippreżentat ħemel ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar il-pożizzjonijiet tax-xogħol fis-settur pubbliku li għandhom id-Deputati tal-Oppożizjoni Nazzjonalista.

Ftit ġimgħat wara l-aħħar rapporti mill-Awditur Ġenerali (l-NAO) li kifxu l-“impjieg fantażma” tagħha bħala konsulenta ta’ Pierre Fenech, is-CEO tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (l-ITS), Cutajar għamlet sensiela ta’ 34 mistoqsija parlamentari fuq medda ta’ ġimagħtejn dwar l-impjieg tad-Deputati Nazzjonalisti li jaħdmu mal-gvern.

Filwaqt li ma ppreżentatx mistoqsijiet simili dwar il-kollegi tagħha fil-grupp parlamentari Laburista, li wkoll għandhom impjiegi full-time fis-settur pubbliku, Cutajar staqsiet lill-Prim Ministru Robert Abela u lil ministri oħrajn biex jagħtuha dettalji dwar ir-reklutaġġ tad-Deputati tal-Oppożizzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigħat tax-xogħol, il-ġranet tal-liv, il-ġranet tal-mard, u dwar jekk kellhomx xi kundizzjonijiet speċjali tax-xogħol, fosthom li jwettqu xogħol mid-dar.

Cutajar insistiet li l-gvern għandu jgħidilha jekk id-Deputati tal-Oppożizzjoni humiex ikunu preżenti fuq il-lant tax-xogħol għas-sigħat kollha tagħhom, u talbet ukoll biex id-dokumenti bil-ħinijiet tagħhom jiġu ppreżentati fil-parlament. B’mod ġenerali, iżda, jidher li l-Ministeri injoraw ħafna mit-talbiet ta’ Cutajar u taw biss tweġibiet ġenerali, mingħajr ma ċedew għar-rikjesti tagħha biex jipprovdulha dejta privata.

Parti mill-aħħar missjoni politika ta’ Cutajar

Peress li f’Malta, il-Kamra tad-Deputati hi istituzzjoni part-time, Cutajar kellha wkoll impjieg full-time waqt li kienet qed twettaq id-doveri parlamentari tagħha, bħal ħafna mid-Deputati.

Qabel ma l-Prim Ministru Robert Abela għamilha segretarja parlamentari, Cutajar kienet ingħatat impjieg full-time bħala l-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni tal-Burokrazija. B’perkaċċi u salarju ta’ xi €50,000, Cutajar lanqas biss kellha uffiċċju fiżiku u l-pożizzjoni li kienet tokkupa ma baqgħetx teżisti iżjed malli sabet postha fl-eżekuttiv. Qabel saret Deputat Parlamentari, meta kienet is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Cutajar kienet ukoll ingħatat impjieg f’Kastilja bħala koordinatur tal-komunikazzjoni u ħadmet mill-qrib mal-eks chief of staff diżonorat Keith Schembri.

Din il-ġimgħa, filwaqt li qed iħoss pressjoni qawwija fuqu minħabba s-sondaġġi li qed juru tnaqqis sinifikanti fil-popolarità tiegħu, Abela ddikjara li qed jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar Cutajar u indika li qed itella’ u jniżżel dwar ir-ritorn tagħha fil-grupp parlamentari tiegħu. Dan minkejja li f’April li għadda, Abela ddikjara pubblikament li Cutajar m’għandhiex futur fil-partit tiegħu.

21 Deputat Parlamentari huma uffiċjali pubbliċi

Minbarra s-27 Deputat Laburista li għandhom kariga eżekuttiva bħala ministri jew segretarji parlamentari bi spiża annwali għall-poplu ta’ xi €21 miljun, hemm 19-il Deputat Parlamentari ieħor jew oħra, sitta min-naħa tal-gvern u 13 min-naħa tal-oppożizzjoni, li wkoll għandhom impjieg full-time fis-settur pubbliku.

Is-sitwazzjoni nbidlet kemxejn meta mindu Cutajar għamlet il-mistoqsijiet parlamentari tagħha għax l-eks kollega tagħha Glenn Bedingfield, li kien ukoll iċ-chairman tal-Kottonera Foundation, u Omar Farrugia, iċ-chairman ta’ Sports Malta, issa saru segretarji parlamentari.

Skont regoli mhux miktuba, id-Deputati Parlamentari li jaħdmu fis-settur pubbliku ġeneralment jitħallew jieħdu “liv speċjali” mill-post tax-xogħol tagħhom kull meta jkollhom xi impenn politiku li jeħtieġ jattendu għalih. Matul is-snin, iżda, dawn ir-regoli ġew użati u abbużati minn bosta deputati parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra, u d-deputati rarament intalbu jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa fir-rwol tagħhom mas-settur pubbliku.

Fil-każ ta’ Cutajar, għalliema bil-professjoni, l-Awditur Ġenerali sab li minbarra l-impjieg full-time tagħha mal-gvern bħala l-kummissarju tal-burokrazija, hi kienet ingħatat ukoll “konsulenza fantażma” fl-ITS, biex iddaħħal €24,000 oħra fis-sena.

Pierre u Romina Fenech ma’ Michelle Muscat.

Pierre Fenech qatt ma spjega għalfejn kien qabbad lil Cutajar jew għalfejn kiser ir-regoli biex jagħtiha pożizzjoni. Minflok ma keċċieh, Abela qal li hu kien sempliċiment “obda ordnijiet ministerjali”.

Sal-lum, il-pulizija għadhom ma ħadux passi kontra Cutajar u Fenech.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Carmel Garcia
Carmel Garcia
3 months ago

Tipprova tagħtti xtura. U l-ispiżjar mhux milli jkollu jtik?

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo