L-akbar stejjer ta’ The Shift fl-2023

Minkejja li The Shift hu tim ċkejken iffinanzjat mill-komunità, din il-kamra ġurnalistika rnexxielha tiżvela wħud mill-aktar stejjer sinifikanti fil-pajjiż. Issa li qed insellmu lill-2023, dawn huma l-akbar għaxar stejjer fl-ebda ordni partikolari li serqu l-attenzjoni tal-qarrejja tagħna u spiċċaw fuq fomm in-nies u fid-diskussjoni pubblika.

L-għeluq tal-Air Malta

The Shift kien l-ewwel kamra tal-aħbarijiet li żvelat il-pjanijiet għall-għeluq tal-Air Malta u kif l-Air Malta xeħtet il-ground handlers tagħha fuq spallejn is-sħab Taljani tagħha. Żvelajna wkoll kif il-konsulenti l-ġodda tal-Air Malta huma l-istess kumpanija tal-konsulenza bbażata f’Abu Dhabi li aktar qabel kienet tqabbdet biex tirristruttura u ssalva l-linja tal-arju iżda ma rnexxilhiex. Barra minn hekk żvelajna wkoll li sidien il-kumpanija qed jaffaċċjaw proċeduri kriminali kontrihom fl-Italja relatati mal-falliment tal-Alitalia.

Il-kuntratt tal-“konsulenza” ta’ Rosianne Cutajar

Il-kuntratt tal-eks segretarja parlamentari Rosianne Cutajar ġie żvelat għall-ewwel darba f’April minn The Shift wara li kienu ħarġu chats bejn Cutajar u Yorgen Fenech. Dan tal-aħħar qed jaffaċċja akkużi kriminali kontrih fil-Qorti li kien involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-kuntratt juri li Cutajar irċeviet salarju mingħand l-ITS saħansitra tliet xhur qabel qalet lil Fenech li hi kienet iddeċidiet li tieħu l-konsulenza. Il-kwistjoni ħolqot bosta dubji dwar jekk il-konsulenza kinitx ġenwina, u dawn id-dubji komplew jiżdiedu bil-messaġġ ta’ Cutajar stess lil Fenech: “Ħa nidħol konsulenta u ndaħħal paga oħra. Ma jimpurtanix, kulħadd jitħanżer.”

Il-kuntratt kien iffirmah Pierre Fenech, li anki hu stess – bħalma żvela wkoll The Shift – għandu żewġ karigi ta’ CEO mal-gvern.

Is-‘Super CEO’

The Shift żvela kif Pierre Fenech, is-CEO uniku tal-gvern b’salarju doppju għandu pożizzjoni f’żewġ entitajiet importanti separati fir-responsabbiltà tal-ministeru tat-turiżmu, li flimkien iħallsuh aktar minn €122,000 fis-sena. Din is-sitwazzjoni mingħajr preċedent kien ħoloqha l-eks ministru tat-turiżmu diżonorat Konrad Mizzi u kkonfermaha mill-ġdid il-Prim Ministru Robert Abela.

Skont talbiet riċenti tal-libertà tal-informazzjoni li għamel The Shift u skont mistoqsijiet parlamentari ppreżentati mill-kelliem tal-oppożizzjoni għat-turiżmu Mario de Marco, sirna nafu li Pierre Fenech, li bħalissa hu impjegat mal-ITS u jaqla’ salarju annwali ta’ €83,547, qed jirċievi €38,556 oħra talli hu impjegat bħala CEO part-time mal-MCC.

Il-benefiċċji kontinwi lil Michelle Muscat

Waħda mill-istejjer riċenti ta’ The Shift iddeskriviet kif Michelle Muscat, iċ-chairperson tal-Fondazzjoni Marigold u mart l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, biddlet id-deżinjazzjoni taż-żewġ xufiera tagħha ffinanzjati mill-Istat Malti u sekondati fl-NGO tagħha, waqt li kienet għaddejja investigazzjoni dwar kif kienet qed tonfoq il-flus mogħtija mill-gvern.

Dawn iż-żewġ xufiera, sekondati wieħed mid-Dipartiment tat-Tindif u l-ieħor minn Transport Malta, issa bdew jissejħu “meniġers loġistiċi” hekk kif il-Kummissarju għall-Istandards qed jinvestiga dikjarazzjonijiet li abbużat mill-fondi pubbliċi.

Aktar kmieni din is-sena, The Shift irrapporta wkoll kif, wara mistoqsijiet parlamentari tad-deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg, Abela ammetta li Michelle Muscat ingħatat il-possibbiltà li tuża karozza mħallsa b’kollox, mixtrija u ffinanzjata mill-gvern.

Il-pjanijiet tal-proprjetà tal-Prim Ministru

The Shift żvela kif il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia kienu ressqu applikazzjoni tal-ippjanar għall-iżvilupp biex ibiddlu dar antika li għandhom fix-Xewkija Għawdex, f’residenza kbira b’seba’ kmamar tas-sodda lkoll bi kmamar tal-banju en suite, pixxina interna taħt l-art, spa u faċilitajiet tal-ġimm.

Ftit wara r-rappurtaġġ ta’ The Shift, ġew ippreżentati pjanijiet ġodda mill-perit veteran Joe Cassar f’isem Robert u Lydia Abela li issa kienu mmarkati bħala “Xewkija Guest House” minflok bħala “Residential Development” kif kienu qabel. Eventwalment, il-kopja kisbet ukoll l-art biswit f’ċirkostanzi dubjużi biex iżżid il-valur tal-proġett turistiku tagħhom u biex din tiżdied mal-portafoll tal-proprjetà tagħhom, filwaqt li l-prim ministru jkun jinsab imħabbat ħafna bit-tmexxija tal-pajjiż.

Sena ħażina għar-RHIBs ta’ Transport Malta

The Shift irrapporta kif waħda mill-ħames dgħajjes ġodda msejħa Rigid Hull Inflatable Boats (RHIBs) li xtrat Transport Malta għat-taqsima tal-infurmar marittimu tagħha kienet diġà ddikjarata li mhix tajba għall-baħar u kellha tiġi skreppjata, filwaqt li l-erbgħa l-oħra nstabu li kellhom problemi strutturali serji.

Meta The Shift staqsa lil Transport Malta biex tipprovdi rendikont tan-nefqiet fuq dawn ir-RHIBs, is-sejħa għall-offerti li kienu nkisbu permezz tagħha, u lista tal-ħlasijiet li saru fl-aħħar sentejn fuq it-tiswijiet ta’ kull waħda mir-RHIBs, ir-regolatur tat-trasport f’pożizzjoni mill-aktar skomda ma riedx jipprovdi din l-informazzjoni.

Is-Serqa tal-Isptarijiet

The Shift kien parti minn investigazzjoni konġunta mal-Proġett tar-Rappurtaġġi dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) u t-Times of Malta li ħarġet fid-dieher kif il-kuntratt tal-konsulenza tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat ma’ kumpanija Żvizzera hu ssuspettat li għadda flus pubbliċi lura lill-investituri wara l-Vitals Global Health Care Group (VGH), li bħalissa qed jiġu skrutinizzati fid-dettall mill-investigaturi.

L-investigazzjonijiet skoprew ukoll li l-kumpaniji involuti fil-ftehim tal-konċessjoni tal-isptarijiet bagħtu mill-anqas €7 miljun lil Accutor. Din il-kumpanija tal-payroll Żvizzera kellha rwol kruċjali fiċ-ċaqliq tal-flejjes bejn l-investituri. Dawn l-istess investituri mbagħad nefqu miljuni tal-ewro b’mod axxellerat filwaqt li injoraw għalkollox l-isptarijiet tal-poplu li suppost kellhom jieħdu ħsieb.

Ninnamraw mal-Qatar

L-artiklu investigattiv ta’ The Shift imsejjaħ “Ninnammraw mal-Qatar: lil dawk li allegatament jiffinanzjaw lit-terroristi, il-President jistidinhom jinvestu f’Malta” żvela kif il-President George Vella pprova jattira investiment mingħand biljunarji Sirjani residenti fil-Qatar li xahrejn qabel kienu qed jiġu akkużati li ffinanzjaw grupp terrorista affiljat mal-Al-Qaeda.

Sussegwentement, The Shift żvela wkoll li l-gvern tal-Qatar kien għamel tajjeb għal ħafna mill-ispejjeż tal-bosta delegazzjonijiet minn Malta li kienu żaru l-Qatar fuq medda ta’ ftit xhur. L-artiklu kien intgħażel fost il-finalisti tal-Premju tal-Parlament Ewropew għall-Ġurnaliżmu Investigattiv imsemmi għal Daphne Caruana Galizia.

Il-kaċċa u l-fondi tal-UE moħlija

Investigazzjoni li wettaq The Shift f’diversi pajjiżi flimkien ma’ bosta sħab internazzjonali ħarġet fid-dieher kif mijiet tal-eluf tal-ewro mill-fondi tal-Istati Membri kienu qed jinħlew minħabba l-kaċċa f’Malta, prattika li qed titħalla għaddejja bi ksur tar-regoli tal-UE u bil-palata tal-gvern Malti biex “jassigura l-voti mil-lobby tal-kaċċa u l-insib”.

Kumplessi Sportivi nofs leħja

F’Mejju li għadda, The Shift żvela kif bosta proġetti sportivi f’Malta ma kinux tlestew, fosthom il-pixxina nofs leħja fir-Rabat Għawdex li swiet lill-poplu €16-il miljun, kumpless tat-tennis f’Pembroke li sewa lill-poplu €3 miljun u li kien għadu fil-bidu nett tiegħu, u kumpless tal-indoor squash u l-weightlifting fil-Marsa li sewa lill-poplu €9 miljun u li kien għad lanqas kellu l-pedamenti f’posthom.

Ir-raba’ proġett nofs leħja kienet il-pixxina interna tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li swiet lill-poplu €14-il miljun u li suppost kellha tintuża waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023, iżda minflok l-atleti u l-persunal tal-GSSE kienu kostretti jużaw il-pixxina Tal-Qroqq li kienet inbniet fl-1993.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Lawrence Mifsud
Lawrence Mifsud
4 months ago

Only one item of GOOD news …..what a mess we are in.

Last edited 4 months ago by Lawrence Mifsud

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo