Il-Kap tas-Servizz Pubbliku għaddej bi nfiq sfrenat fuq parties, propaganda u fornituri tal-Labour

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana, appuntat direttament mill-Prim Ministru Robert Abela, nefaq għexieren tal-eluf tal-ewro permezz ta’ bosta direct orders lil fornituri u provdituri tas-servizzi li għandhom rabtiet mal-Partit Laburista, u fl-istess ħin ippromovwa lilu nnifsu.

Permezz tad-Direttorat għall-Finanzi u l-Amministrazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, matul l-ewwel sitt xhur tal-2023, Sultana ta ħemel ta’ direct orders għal parties, ikliet gala, avvenimenti, u forom varji oħra ta’ pubbliċità.

Skont informazzjoni ppubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern, l-akbar avveniment li organizza Sultana kien il-Public Service Expo fil-Malta Fairs and Conventions Centre (MFCC) Ta’ Qali aktar kmieni din is-sena, u tella’ kont sostanzjali, li skont stima konservattiva jlaħħaq t-€300,000.

F’ħafna mill-każijiet, The Shift jinnota li d-direct orders jammontaw għal għexieren tal-eluf tal-ewro għal kompiti kumplessi jew li jinvolvu ħafna xogħol/nies, approvati lejliet l-avveniment jew xi ġurnata jew tnejn qabel. Dan joħloq bosta suspetti li d-direct order kienet biss formalità għall-ftehim li jkun ilu miftiehem ġimgħat jew xhur sħaħ qabel, minflok ma nħarġet sejħa għall-offerti kompetittiva.

L-avveniment, maħsub biex juri kemm hu avvanzat is-servizz pubbliku Malti, kien jinvolvi t-tnedija ta’ logo ġdid minn Sultana.

Dan sar bi prezz għali għax Pure Concepts – li qed tiddisinja wkoll il-kampanji tal-PR tal-Labour – ingħatat direct order ta’ €53,000 għall-proġett, approvat jumejn biss qabel kellu jitlesta u jitħabbar il-prodott.

Sultana approva direct orders lil AF Printworks – il-kumpanija li tieħu ħsieb il-billboards kollha tal-Partit Laburista – biex tforni stand għal €25,000, lil Nexos Lighting għal €31,000 u lil Besteam Audio għal €11,000.

Nexos u Besteam sikwit jipprovdu servizzi lill-Partit Laburista għall-avvenimenti tal-massa u tul il-kampanji elettorali.

Barra minn hekk, Sultana nefaq €23,000 biex jikri ħitan tal-LEDs għall-Expo permezz ta’ direct order lil NnG Promotions, €26,000 oħra għad-disinn tal-palk u l-kontroll vidjografiku lil Mad About Video u €43,000 oħra lil Corinthia Caterers biex jipprovdu l-ikel waqt attività ta’ ġimgħa sħiħa. Il-Corinthia huma s-sidien ukoll tal-MFCC u tħallsu €123,000 oħra biex jużawh.

Żewġ direct orders li jiswew €65,000 għal party fil-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq, il-Belt Valletta, fi tmiem April kienu ġew approvati tlett ijiem qabel l-avveniment. Kienu jiswew €45,000 għall-ikel mingħand James Caterers u €21,000 għax-xorb mingħand Alfonsos Enterprises tal-Ħamrun.

Fost direct orders oħra li ta Sultana hemm €31,000 lil G Media għal servizzi ta’ “filming, editing u video”. Din il-kumpanija ta’ persuna waħda hija ta’ Gareth Degiorgio, li pprovda s-servizzi tal-fotografija “b’xejn” lill-Prim Ministru Robert Abela tul-il-kampanja tiegħu għal mexxej tal-partit.

Ikona Artworks ingħatat direct order ta’ €45,000 biex tipprovdi servizzi ta’ “konsulenza għal brand management”, filwaqt li l-kumpanija mhux magħrufa Born Digital, li għandha l-uffiċċji tagħha f’Tal-Pietà, ingħatat direct order ta’ €140,000 biex “tiżviluppa, tissettja u tipproduċi” 26 pjattaforma li jospitaw il-websites tal-ministeri tal-gvern.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo