Għadd ta’ kumpaniji Maltin qed jiġu investigati mill-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea Kontra l-Frodi, l-OLAF, u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-EPPO, b’rabta ma’ skema frawdulenti li nibtet fir-Rumanija.
Skont stqarrija għall-istampa mill-OLAF, kien hemm madwar €15-il miljun mill-fondi tal-UE li kellhom jinqasmu bejn sitt proġetti tal-IT għall-“iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tas-software innovattivi” u li minflok spiċċaw inħatfu mill-frodisti li użaw foloz jew imbagħbsa.
Bosta entitajiet ġuridiċi f’Malta huma sospettati li kienu jiffurmaw parti minn dan iċ-“ċirku finanzjarju internazzjonali frawdulenti” u jinsabu parti mill-investigazzjoni. Minbarra l-kumpaniji Maltin, qed jiġu investigati wkoll kumpaniji minn Ċipru, miċ-Ċekja, minn Monaco u mill-Istati Uniti, u fir-Rumanija saru 38 tfittxija fid-djar.
Skont stqarrija għall-istampa tal-EPPO, “bejn l-2019 u l-2022, il-benefiċjarji tal-proġetti ppreżentaw dokumenti foloz jew mhux eżatti għal servizzi vvalutati żżejjed jew għal servizzi li ma sarux, kif ukoll fatturi frawdulenti għax-xiri ta’ oġġetti – u b’hekk kisbu fondi li ma kinux dovuti mill-baġit tal-UE ta’ mill-anqas €15-il miljun.”
Skont sorsi mill-midja Rumena, waħda mis-suspettati ewlenin f’dan l-allegat frodi hija l-kumpanija tal-IT Cymbiot Solutions, b’rabta ma’ fondi għall-pjattaforma tas-software tagħha msejħa RARE.
Iżda l-fondi spiċċaw ħarbu u nħaslu band’oħra permezz ta’ kumpaniji offshore, inkluż Malta, flok ma ntużaw għall-iskop maħsub tagħhom.
Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF Ville Itälä ddeskriva l-investigrazzjoni tal-EPPO bħala “suċċess konġunt” u qal li l-attività frawdulenti hi “ħafna drabi negozju internazzjonali.”
Meta mistoqsi minn The Shift, l-OLAF qal li ma jistax jagħti iżjed informazzjoni dwar l-investigazzjoni biex iħares l-investigazzjonijiet infushom u biex ikun protett minn “ftuħ possibbli ta’ proċedimenti legali.”
Il-kumpaniji mwaqqfin f’Malta kemm-il darba kienu implikati fi skemi frawdulenti varji matul l-aħħar snin, li jinvolvu l-ħasil tal-flus, bħal pereżempju kumpaniji tal-online gaming liċenzjati u rreġistrati f’Malta li ħafna drabi jkunu veikolu għal skemi illeċiti.
F’Diċembru li għadda, studju ppreżentat fil-Parlament Ewropew sab li fuq il-pjattaformi tal-online gaming ta’ Malta, f’seba’ snin kienu nħaslu xi €4 biljun miksuba illegalment. Dan l-istudju kien ġie deskritt li jittratta biss “qatra f’oċean.”