Il-Kunsill tal-Mosta jbiddel fehmtu fuq il-qlugħ tas-siġar, il-każ ‘jixhed kwistjoni akbar’ – il-Graffitti

Is-sindku tal-Mosta Chris Grech ħabbar li t-12-il siġra tal-fikus li hemm fil-pjazza tal-Mosta se jibqgħu hemm, u b’hekk biddel għalkollox fehmtu li jaqlagħhom u jħawwilhom band’oħra. Dan wara kritika qawwija mill-pubbliku u l-arrest ta’ protestant matul il-ġurnata tat-Tlieta.

Il-pjan kien li s-siġar jinqalgħu minn posthom bħala parti minn proġett ta’ tisbiħ tal-pjazza, u dan minkejja li d-disinji diġitali tad-dar tal-periti Studjurban juruhom f’posthom.

Meta l-ħaddiema marru fuq il-post it-Tlieta biex jaqilgħuhom, il-protestanti nġabru fil-pjazza b’tentattiv biex iwaqqfuhom filwaqt li André Callus mill-NGO Moviment Graffitti ġie arrestat.

Callus qal lil The Shift li d-deċiżjoni għat-tneħħija tas-siġar “tirrappreżenta kwistjoni akbar”, u appella għal riforma fis-sistema tal-permessi tan-natura u fl-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Qal ukoll li l-kunsill tal-Mosta qatt ma ġġustifika d-deċiżjoni inizjali tiegħu, u li din kienet ittieħdet “minn wara dahar ir-residenti Mostin b’inizjattiva personali tas-sindku.”

Wara l-arresti u l-għagħa li nqala’, il-Prim Ministru Robert Abela appella għal “kunsiderazzjoni mill-ġdid” tal-pjan tal-kunsill.

Sussegwentement, l-Erbgħa filgħodu, Grech ħabbar bidla fil-pjan fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.

“Il-proġett tal-pjazza tal-Mosta ġie ddisinjat għan-nies u qed jitwettaq għan-nies. Għalhekk m’għandi l-ebda diffikultà li nikkunsidra x-xewqat tan-nies. Għaldaqstant, jien u l-kunsilliera l-oħra tal-Partit Laburista, li għandna l-maġġoranza, ħadna nota tax-xewqa li s-siġar tal-Pjazza Rotunda ma għandhomx jitħawlu band’oħra u li għandhom jibqgħu fejn huma.”

Qabel inbidlet id-deċiżjoni, The Shift kiteb lill-kunsill u staqsieh għalfejn is-siġar kienu se jinqalgħu, jekk tqisux il-konsegwenzi soċjali u għalfejn il-kunsill kien iddeċieda li ma jimxix mad-disinji tal-periti. Madankollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma rċivejna l-ebda risposta.

Id-deċiżjoni inizjali ntlaqgħet b’ħafna kritika wara li matul it-Tnejn dehru filmati u ritratti ta’ siġar miżbura bil-goff biex ikunu jistgħu jinqalgħu u jitħawlu band’oħra. Fuq il-midja soċjali, dakinhar filgħaxija dehru wkoll filmati ta’ mijiet ta’ għasafar jippruvaw isibu l-post tal-irdoss tagħhom li kellhom ġos-siġar.

Meta tkellem ma’ The Shift, ftit minuti qabel Grech ħabbar id-deċiżjoni l-ġdida tal-kunsill, Callus qalilna li din mhijiex kwistjoni biss tas-siġar.

“L-għarukaża mhix biss id-deċiżjoni tal-kunsill iżda anki l-approvazzjoni għamja tal-ERA tat-talba, u mingħajr ġustifikazzjoni,” qalilna. “Awtoritajiet bħall-ERA suppost qed iħarsu l-ambjent Malti, iżda minflok qed jiżguraw il-qerda tal-ambjent b’deċiżjoni wara l-oħra.”

Callus qal, “Jidher ċar li l-ERA teħtieġ riforma.”

Appella għal bidla mill-qiegħ fil-permessi tan-natura tal-ERA u f’permessi ambjentali oħra. “Aħna ma nistgħux nappellaw dawk id-deċiżjonijiet għax ma jkunx hemm perjodu għall-oġġezzjonijiet biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jippreżentaw ir-rappreżentazzjoni tagħhom,” żied jgħid.

Callus qal li r-riformi hemm bżonnhom fl-awtoritajiet kollha tal-gvern involuti fil-materji ambjentali. It-talbiet għal dawn ir-riformi ilhom snin isiru mill-NGOs ambjentali, hekk kif pajjiżna qed iġarrab aktar żvilupp bla rażan u tnawwir ekoloġiku.

B’post fuq Facebook wara t-tħabbira tal-kunsill, il-Moviment Graffitti qal li l-protesta tal-Erbgħa filgħaxija kienet se ssir xorta waħda kif ippjanata. “Ir-rabja tal-pubbliku jeħtieġ li tinħass,” qal il-Moviment.

Il-protesta saret quddiem il-kunsill lokali tal-Mosta fis-6:30 ta’ filgħaxija.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo