It-tobba tat-telemediċina mġiegħla jaħdmu minn binja ġebel u saqaf tal-gvern.

It-tobba u l-istudenti tal-mediċina li qed jagħtu konsulti lill-pazjenti permezz tal-pjattaforma online tal-gvern tat-telemediċina ġew imġiegħla jmorru jaħdmu minn ġo sit tal-kostruzzjoni fis-Siġġiewi, mossa ta’ malajr li qed toħloq bosta dubji u tħassib fosthom dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-lant tax-xogħol.

Sorsi li tkellmu ma’ The Shift fil-kunfidenzjal iddeskrivew kif it-tobba ġew imċaqilqa malajr malajr mill-uffiċini li kellhom fil-Mosta Technopark lejn uffiċċju nofsu taħt il-livell tat-triq fil-qalba ta’ sit tal-kostruzzjoni ta’ blokok tal-appartamenti tal-housing fi Triq Dun Manwel Dimech, is-Siġġiewi.

Is-servizz tat-telemedċina tnieda matul il-pandemija tal-COVID-19 bħala mod ġdid kif il-pazjenti jistgħu jirċievu konsulti mingħand it-tobba mingħajr ma jkollhom għalfejn joħorġu mid-dar.

F’diskors li kien għamel għall-Baġit 2023 f’Ottubru tas-sena l-oħra, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal li minn din is-sena, is-servizz kien se jitmexxa mill-uffiċċji l-ġodda fis-Siġġiewi.

Sorsi qalulna li t-tobba li qed jaħdmu b’roster fit-telemediċina, kellhom ibiddlu l-uffiċċju tagħhom malajr malajr il-ġimgħa l-oħra.

Qalulna li l-uffiċċji “huma vojta, kważi ġebel u saqaf”, eżattament ġo nofs sit tal-kostruzzjoni fl-aqwa tiegħu, u mingħajr dawl u ilma tant li minflokhom kellhom jingħataw generator u tank tal-ilma. Dan minbarra t-tħassib għas-saħħa u s-sigurtà tat-tobba li jkollhom jimxu ġo sit tal-kostruzzjoni biex jaslu fuq il-post tax-xogħol.

Is-sit tal-kostruzzjoni fih aktar minn 80 appartament li għadhom nofs leħja.

Is-sorsi qalulna li minkejja x-xnigħat għal diversi ġimgħat, iċ-ċaqliqa ġiet tant għal għarrieda li l-kmamar tal-banju lanqas għadhom ġew installati bis-sedil.

Hemm madwar tmien tobba li qed jużaw dawn l-uffiċċji ta’ taħt il-livell tat-triq, fl-istess post mal-iskrivani, l-infermieri u l-uffiċjali tas-sigurtà, filwaqt li l-klijenti li jużaw is-servizzi tat-telemediċina ma jżurux l-uffiċċji fiżikament.

Wara żjara fuq il-post, The Shift jista’ jikkonferma li l-uffiċċji taħt il-livell ta’ Triq Dun Manwel Dimech huma parti minn blokok ta’ aktar minn 80 appartament li għadhom qed jinbnew.

Filwaqt li The Shift seta’ jidħol fis-sit mingħajr problemi ta’ xejn, il-post kien miżgħud gzuz tal-materjal tal-kostruzzjoni, skips bl-iskart tal-kostruzzjoni, u fetħiet mingħajr twieqi u bibien.

Il-ħaddiema fuq il-post ikkonfermaw li taħt il-livell tat-triq f’dak il-kumpless kien hemm qed joperaw “uffiċċju tat-tobba” u “uffiċini tal-gvern”, iżda ma kienu jafu l-ebda informazzjoni oħra, ħafna drabi anki għax la jitkellmu bl-Ingliż u wisq inqas bil-Malti.

Filwaqt li l-gvern għadu ma ħabbarx uffiċjalment il-ftuħ ta’ dawn l-uffiċċji l-ġodda, kelliem mill-Ministeru għas-Saħħa kkonferma din iċ-ċaqliqa u qalilna li l-uffiċċji l-ġodda huma lesti bl-ilma u bl-elettriku”.

Il-kelliem qalilna wkoll li l-binja “ingħaddiet f’idejn il-Primary HealthCare fil-Ministeru għas-Saħħa permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil mal-Malita Investments plc [kumpanija tal-investiment tal-Istat], li hija l-emfitewta ta’ din il-binja tal-gvern”.

The Shift talab lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ukoll jagħti spjegazzjoni uffiċjali għal din iċ-ċaqliqa malajr u dwar in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet denji għal dawn it-tobba, iżda ma ksibna l-ebda tweġiba.

Binja kontroversjali

Skont il-permess tal-bini (PA/358/19) ta’ dan il-kumpless, hemm ippjanati 80 unità residenzjali, fosthom appartamenti, maisonettes u penthouses, 20 unità tal-kenn għall-anzjani u ċentri ta’ matul il-jum għat-tfal u għall-persuni b’diżabbiltà. Imkien ma jissemmew l-uffiċini tal-Ministeru għas-Saħħa.

Dan li permess maħruġ kien applika għalih Anthony Muscat, l-eks CEO ta’ Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd, il-kumpanija tal-gvern li tieħu ħsieb il-ħtiġijiet tal-manutenzjoni fir-residenzi soċjali.

Il-kumpanija tinsab fir-responsabbiltà tal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.

Fl-2022, l-Awditur Ġenerali kien sab li l-kumpanija kienet qed titmexxa mid-dilettanti, u dan ħoloq suspetti kbar ta’ tmexxija ħażina u abbuż tal-fondi pubbliċi, u kkonkluda li “in-nuqqasijiet kienu parti mill-modus operandi tal-istess kumpanija”.

Fl-istess sena, Anthony Muscat kien ukoll wieħed mill-ħamsa akkużati li taw impjieg fantażma mal-istess kumpanija lil Melvin Theuma, il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-2019, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien beda proċediment tal-appell fuq dan il-permess tal-bini quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u l-Ippjanar.

Il-Kunsill Lokali kien argumenta li l-iżvilupp hu eċċessiv għall-ambjent tal-madwar u jaffettwa ħażin liż-żona, madankollu t-Tribunal ma kienx laqa’ dak l-appell u b’hekk seta’ jinbeda l-bini ta’ dan il-kumpless.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo