Il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli umiljata hekk kif il-prim ministru joħdilha l-Enemalta

Il-gvern jikkonferma dak li żvela The Shift dwar it-tkeċċija tas-CEO

 

F’inqas minn xahrejn wara li l-Ministru tal-Enerġija “ċaħdet kategorikament” dak li żvela The Shift li s-CEO tal-Enemalta Jonathan Cardona kien tkeċċa u ħadlu postu Ryan Fava, il-gvern issa kkonferma dik l-aħbar f’messaġġ xott xott ilbieraħ filgħaxija.

F’dik li sejħulha ‘aħbar’ li ġiet illikjata lix-xandir pubbliku PBS, l-Enemalta ħabbret dan it-tluq għal għarrieda ta’ Cardona u li kien se jinbidel minnufih miċ-chairman attwali tal-fornitur tal-enerġija, Ryan Fava.

Sorsi tal-gvern qalu lil The Shift li l-prim ministru kien ħa d-deċiżjoni li jkeċċi lil Jonathan Cardona f’Awwissu li għadda wara l-kollass totali tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija tal-Enemalta, li ġab lill-pajjiż għarkuptejh bi qtugħ tad-dawl għal ħinijiet twal u f’ħafna nħawi tal-gżejjer.

Inqas minn xahrejn ilu Dalli kienet ċaħdet dak li kien żvela The Shift.

Minkejja li Abela ordna li Cardona jitkeċċa u jinbidel b’Fava, Miriam Dalli xorta żammet iebes f’taqtigħa li bosta qisuha ta’ min hu l-aqwa jħawwel bejn l-ogħla karigi tal-gvern, u l-ministru tal-enerġija ilmentat li dik il-mossa tkun qed tixħet it-tort fuqha.

Madankollu Abela baqa’ jinsisti li Cardona ma kienx “adegwat għal dik il-kariga”, u Dalli eventwalment kellha tbaxxi rasha.

Hu fatt magħruf li r-relazzjonijiet bejn Abela u Dalli bdew jiddgħajfu kemm ilha li Dalli bdiet turi l-interess tagħha fost id-delegati tal-partit għall-possibbiltà li tieħu post Abela wara l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss.

It-tneħħija ta’ Cardona mill-Enemalta ġrat fi żmien inqas minn sentejn minn meta ngħata kuntratt ta’ €160,000 fis-sena, moħmi minn Miriam Dalli.

Il-kuntratt definit tiegħu ta’ tliet snin bħala CEO tal-entità tal-Istat kellu jintemm f’Ottubru 2024 u kien jinkludi klawżola ta’ tiġdid għal tliet snin oħra.

Madankollu issa ġie tterminat, u għadu mhux magħruf fejn Cardona se jkun qed iniżżel l-ankri.

Apparti Cardona, anki l-eks assistenta tiegħu Monica Farrugia, li kien taha pożizzjoni b’salarju ta’ €105,000 fis-sena bħala direttur eżekuttiv tal-entità tal-Istat, mistennija titneħħa mill-Enemalta.

Ryan Fava, li issa ħa r-riedni f’idejh bħala s-CEO, apparti l-ħatra tiegħu bħala chairman mogħtija s-sena l-oħra, hu meqjus “ta’ Robert Abela” minħabba r-rabtiet mill-qrib li għandu ma’ missier il-prim ministru, George Abela.

Fava, b’esperjenza bħala docker – ħaddiem tax-Xatt – hu wkoll il-President tal-Malta Dockers Union, li kien jirrappreżentaha George Abela.

L-istess sorsi qalulna li Fava ngħata struzzjonijiet biex jirrapporta l-affarijiet tal-Enemalta direttament lill-prim ministru, u allura jaqbeż lil Miriam Dalli.

Filwaqt li Dalli u Jonathan Cardona kienu xeħtu t-tort għall-qtugħ bla preċedent tad-dawl fuq il-kundizzjonijiet tat-temp, uffiċjali tal-Enemalta qalu lil The Shift li r-raġunijiet veri kienu n-nuqqas ta’ tmexxija professjonali, direzzjoni u investiment fit-tul mill-Enemalta.

Cardona hu leali ta’ Joseph Muscat li kien fdah biex imexxi l-programm tal-bejgħ tal-passaporti bejn l-2013 u l-2021.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo