Il-Park tan-negozji f’Għawdex inbidel f’maħżen għal Joseph Portelli

L-ebda azzjoni mill-awtoritajiet, minkejja l-ksur tal-kundizzjonijiet

 

You can read this article in English

Xi 12-il tomna raba’, art pubblika fix-Xewkija Għawdex li għall-ewwel il-gvern kien allokahom biex jinbidlu f’żona industrijali għal negozji żgħar u medji (SMEs) tal-manifattura, spiċċaw qed jintużaw mill-kuntrattur Għawdxi Joseph Portelli bħala imħażen.

Il-ftehim orġinali kien sar bejn il-gvern u l-kumpanija Ta’ Maggi Industrial Parks Gozo, u kien maħsub biex jinbnew 76 garaxx ħalli jinkrew lil negozji mill-industrija tal-manifattura.

Madankollu, minn investigazzjonijiet li wettaq The Shift jidher li dawn qed jintużaw bħala mħażen mill-kuntrattur Portelli, bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ftehim stabbiliti minn INDIS Malta, l-entità governattiva responsabbli.

Mhux hekk biss, iżda The Shift skopra wkoll li d-direttur u s-segretarju tal-kumpanija ta’ Ta’ Maggi waqt il-ftehim inizjali, Francis Gauci, m’għadux jokkupa dawk il-karigi u minfloku hemm Maria Agius, oħt Mark Agius, wieħed mis-sħab kummerċjali ta’ Portelli magħruf bħala Ta’ Dirjanu.

Ftehim dubjuż mill-bidu nett

Il-ftehim bejn il-gvern u Ta’ Maggi kien sar fl-2014, ftit wara li l-Labour ħa l-poter f’idejh. Dan kien ġie ffaċilitat mill-eks ministru Chris Cardona li dak iż-żmien kien responsabbli mill-Malta Industrial Parks (MIP), aġenzija li mbagħad saret INDIS Malta.

Skont dan il-ftehim bla preċedent, l-MIP, mingħajr ma kienet ħarġet sejħa għall-offerti, qabdet u tat din il-biċċa art b’direct order lil Gauci b’konċessjoni ta’ 65 sena, li tista’ tiġġedded għal 99 sena.

Skont il-kundizzjonijiet tal-konċessjoni, Gauci kien obbligat ilesti l-proġett u jikri l-garaxxijiet b’kirja fit-tul lil negozji żgħar bħal mekkaniks, sprejers tal-karozzi, ħaddieda u artiġġjanati oħra.

Iżda ftit wara li ġiet iffirmata l-konċessjoni, Gauci, permezz tal-kumpanija tiegħu Ta’ Maggi Industrial Park Gozo Ltd, għamel arranġament informali ma’ Portelli biex jittrasferixxi t-twettiq tal-proġett lilu.

Meta mistoqsi, Gauci ammetta li sar dan it-“trasferiment ta’ tmexxija” iżda ma riedx jgħid jekk dan il-ftehim privat baxx baxx dwar proprjetà tal-gvern jinvolvix ukoll xi ħlasijiet.

Filwaqt li Maria Agius issa ħadet il-kariga tat-tmexxija li kellu Gauci, Gauci u negozjant ieħor b’rabtiet mal-Partit Laburista Kenneth Abela xorta għadhom jidhru bħala azzjonisti.

Skont il-konċessjoni, Gauci u Abela ma jistgħux jittrasferixxu s-sjieda tal-konċessjoni lil xi ħadd ieħor mingħajr il-kunsens bil-miktub ta’ INDIS Malta. Barra minn hekk, skont il-konċessjoni, kull negozju li jikri garaxx fiż-żona industrijali kien jeħtieġ l-approvazzjoni ta’ INDIS Malta biex ikun żgurat li l-proġett ikun jissodisfa l-għan inizjali tiegħu.

Madankollu, sorsi f’INDIS Malta li tkellmu ma’ The Shift qalulna li sal-lum l-ebda SME mhi qed topera minn dawk il-garaxxijiet maħsuba għall-manifattura. Minflok, Portelli u Mark Agius, sieħbu fin-negozju, biddlu s-sular t’isfel tal-park fi mħażen privati biex prinċipalment jerfgħu l-materjal tal-kostruzzjoni fil-garaxxijiet u jużaw il-“park” bħala kwartieri għall-ħaddiema tagħhom.

Anki wħud mill-garaxxijiet fis-sular ta’ fuq qed jintużaw bħala mħażen minn persuni u negozji privati b’rabtiet ma’ Portelli u Agius.

Sal-lum, INDIS Malta għadha ma ħadet l-ebda azzjoni kontra s-sid oriġinali tal-konċessjoni minkejja l-fatt li qed jinkisru l-kundizzjonijiet tal-ftehim oriġinali.

Portelli u Agius mhumiex azzjonisti tal-kumpanija li oriġinarjament kienet ingħatat il-konċessjoni. U l-konċessjonarju oriġinali Francis Gauci issa m’għadux fil-bord tad-diretturi u segretarju tal-kumpanija.

Minflok, f’Lulju li għadda, Maria Agius, oħt Mark, saret id-direttur uniku ta’ Ta’ Maggi Industrial Park Gozo Ltd.

Agius ta’ 31 sena hi wkoll direttur ta’ bosta entitajiet kummerċjali li jinvolvu lil ħuha, Mark Agius u Daniel Refalo, soċju ieħor qrib il-kuntrattur Portelli fi proġetti tal-kostruzzjoni madwar Malta u Għawdex.

Hi direttur ta’ Agius Trading Limited, Ben Hotels Ltd, Bend Holdings Ltd, Excel MJD Limited, Joseph Agius & Sons (Gozo) Ltd, Magus Ltd u MMJ Leasing International Ltd. Hi wkoll azzjonista u segretarja ta’ bosta kumpaniji oħrajn.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo