L-uffiċjali ta’ Infrastructure Malta, l-evidenza qed jeħilsu minnha qabel l-investigazzjoni tal-pulizija

This article is available in English

The Shift għandha informazzjoni li, lill-uffiċjali anzjani ta’ Infrastructure Malta (IM) tawhom parir informali ‘biex jeqirdu kull xorta ta’ evidenza’ li għandha x’taqsam mal-allegati irregolaritajiet enormi u l-oxxenitajiet issuspettati li jinvolvu l-miljuni ta’ Ewro f’kuntratti diżonesti u l-approvazzjoni tal-ħlasijiet għall-proġetti tat-toroq. U dan, qabel ma l-Ministru Aaron Farrugia u s-CEO Ivan Falzon,lill-pulizija jsejħulha uffiċjalment biex tibda ‘l-investigazzjoni tagħha’.

The Shift kienet irrappurtat kif dan l-aħħar, madwar b’kemm jiswew xi miljun Ewro direct orders, spiċċaw ħaduhom żewġ kumpanniji ta’ ħu Noel Vella, il-Head of Implementation ta’ Infrastructure Malta. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, din il-kamra tal-aħbarijiet faqgħuha b’rapporti ta’ iktar abbużu, u possibbilment korruzzjoni sfaċċata, fil-mod kif il-kuntratti qed jingħataw lill-ħbieb. Mhux biss, imma daħlu rapporti wkoll ta’ kif żdied il-valur ta’ dawn id-direct orders, billi bil-kompliċità ta’ xi uffiċċjali ta’ IM, approvawlhom “xogħlijiet addizzjonali” u “varjazzjonijiet oħra”.

Lil The Shift, sorsi fi ħdan Infrastructure Malta kkonfermawlha li s-CEO Ivan Falzon s’issa għadu qed jirreżisti li jsejjaħ il-pulizija, “għax jibża’ li tinkixef is-sistema korrotta li twassal għall-arrest ta’ uħud mill-uffiċjali tal-fiduċja tiegħu, u jinġiebu l-akkużi kontra tagħhom”. Għalhekk ingħataw l-istruzzjonijiet biex “jaħsbu għall-agħar” u “l-evidenza kollha jeqirduha.”

L-istess sorsi qalulna li għaddejja li għaddejja tfittxija qalila biex jinstab min qed jgħaddi din l-informazzjoni lill-media. Fl-istess ħin lil xi uffiċjali anzjani tawhom parir jeħilsu minn kull biċċa evidenza li tista’ tinkriminahom, bħalma huma emails kompromettenti u saħansitra messaġġi bil-WhatsApp fil-mobiles personali tagħhom.

Is-sorsi qalulna li l-uffiċċji ta’ Noel Vella, il-Head of Implementation, u tal-perit Roderick Bonniċi, huma dawk li l-iktar għandhom x’jagħmlu biex id-dokumentazzjoni kollha tagħhom jiċċekkjawha, speċjalment fejn jidħlu l-approvazzjoni tal-varjazzjonijiet kif ukoll tal-ħlasijiet li saru. Fl-istess ħin hemm uffiċċjali oħra li issa “qed jinkwetaw ħafna”.

Kemm is-CEO Ivan Falzon kif ukoll il-ministru responsabbli, Aaron Farrugia, qed jieħduha bil-lajma biex lill-pulizija jsejħulha, kif fil-fatt għandhom obbligu li jagħmlu. Għalhekk “ħafna minn dawk li huma involuti għandhom moħħhom mistrieħ li la darba tgħib l-evidenza kollha, ikunu jistgħu jissejħu l-pulizija, u ma jinstab xejn”.

Sadanittant, kemm is-CEO kif ukoll il-ministru ma jridux jgħidu, il-pulizija għaliex għadhom ma sejħulhiex biex tinvestiga l-operat ta’ Infrastructure Malta.

U baqgħu ma qalu xejn ukoll meta The Shift saqsiethom iħossuhomx komdi b’dak li nkixef reċentement, kif id-direct orders qed jispiċċaw jeħduhom il-kumpanniji kkontrollati minn Jonathan Vella, ħu l-uffiċjal li jiġi t-tieni wieħed l-iktar anzjan wara s-CEO f’Infrastructure Malta.

The Shift hija infurmata li l-prim ministru jaf preċiż x’inhu għaddej fl-aġenzija tat-toroq. Hu ukoll qed jipprova l-investigazzjoni jipposponiha  għax hemm numru ta’ kuntratturi kbar li gawdew minn din is-sistema, u dawn huma donaturi kbar tal-Partit Laburista. Uħud minnhom saħansitra kienu klijenti tiegħu meta kien jipprattika bħala avukat.

Għal dawn l-aħħar ħames snin, Infrastructure Malta kellha budget ta’ 700 miljun Ewro, u dawk il-ftit kumpanniji li ottjenjew il-kuntratti li jiswew il-miljuni ta’ Ewro, sabuha kalamita vera u propja.

Dawn il-fondi kollha attiraw lejhom ukoll negozjanti li ma kinux magħrufa f’dan il-kamp, imma xorta raw li kien hemm opportunità biex jinvestu fil-makkinarju u ppruvaw jieħdu biċċa mill-kejk.

Minn mindu Infrastructure Malta bdiet tuża sistema differenti ta’ procurement, bis-saħħa ta’ dak li jissejjaħ ‘framework contract’, qed tqassam id-direct orders; u nies kemm fi ħdan l-aġenzija kif ukoll barra minnha ħadu l-okkażjoni, u s-sistema ta’ kontrolli laxki u n-nuqqas ta’ kontabilità, sfruttawha kemm felħu.

Minbarra l-infiq ta’ miljuni ta’ Ewro biex titejjeb is-sistema nazzjonali tat-toroq, il-proġetti qed jiddewmu, u allura jiġu jiswew il-miljuni ta’ Ewro iżjed, minħabba iktar xogħol li jkun hemm bżonn u d-direct orders li jiġu approvati mill-uffiċjali anzjani ta’ Infrastructure Malta.

S’issa, ma sar l-ebda eżerċizzju ta’ kontabilità biex jitqies jekk lil Infrastructure Malta, dawn il-kuntratti fil-fatt tawhiex ir-riżultati li suppost tawha. U lanqas m’hemm xi tip ta’ kejl biex wieħed jistabbilixxi kull kilometru ta’ toroq ġodda kemm suppost jiswa skont l-istandards internazzjonali.

Huwa sigriet magħruf li għadd ta’ kuntratturi tat-toroq, kemm lill-Partit Laburista, kif ukoll lill-kandidati individwali, rregalawlhom eluf ta’ Ewro f’donazzjonijiet mhux iddikjarati.

Wieħed minn dawk li bbenefika l-iktar minn din “l-għajnuna elettorali” huwa membru tal-kabinett ibbażat fid-distrett tar-Rabat. Il-Prim Ministru Robert Abela lil Ian Borg neħħielu r-responsabbiltà għal Infrastructure Malta u minflok, wara l-aħħar elezzjoni, għamlu ministru għall-affarijiet barranin.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo