Mikxuf: Il-ftehim sigriet ta’ Konrad Mizzi mas-SOCAR tal-Azerbaijan

Read this article in English

  • Sal-lum, dan il-ftehim qatt ma kien ippubblikat. It-talbiet li saru għal kopja tiegħu, anki fil-parlament, darba wara l-oħra, kienu kollha ostakolati.

  • Għal SOCAR, l-Electrogas otteniet ċekk miftuħ – kellu jkun il-poplu bit-taxxi tiegħu li jagħmel tajjeb għad-dejn kieku kellha tfalli din il-kumpannija privata. U dan, barra mill-garanzija l-oħra lill-Bank of Valletta, li kienet diġà żvelata, u li leħqet is-somma ta’ 432 miljun Ewro.

  • Il-proġett tant irreklamat tagħhom, Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi għabbewh fuq dahar min iħallas it-taxxa, waqt li ‘l-investituri’ privati qalgħu il-miljuni f’miżati talli “rnexxa l-proġett”.

Ftehim sigriet dwar l-enerġija, li qed ikun żvelat għall-ewwel darba, juri li l-gvern Malti, lil SOCAR Trading effettivament taha garanzija bla ebda kundizzjoni, li kien se jidħol hu stess biex jagħmel tajjeb għal kwalunkwe dejn li seta’ jkollha l-ElectroGas.

L-Electrogas kienet il-konsorzju magħżul biex jipprovdi power station għall-proġett irreklamat mill-partit fil-gvern, fl-elezzjoni ġenerali tal-2013. Jidher li din il-garanzija sigrieta statali, l-Electrogas irċevietha b’xejn, u għalhekk jinħoloq inkwiet serju dwar kemm din hi legali skont l-liġijiet tal-UE.

Dan il-ftehim, LNG Security of Supply Agreement (GoM LNG SSA), ilu ż-żmien mistur: l-ex ministru diżonorat Konrad Mizzi iffirmah f’April tal-2015, u l-gvern għamel sforz liema bħalu biex iżommu mistur mill-iskrutinju pubbliku. Fil-fatt dan il-ftehim jissarraf f’ċekk miftuħ lil SOCAR Trading, kumpannija li hija sussidjarja Svizzera tal-kumpannija tal-Azerbaijan SOCAR, u ħbewh mill-Kummissjoni Ewropea.

Sal-lum dan il-ftehim ma kienx għadu ħareġ fil-miftuħ. U t-talbiet li saru għal kopja tiegħu, anki fil-parlament, ostakolawhom ripetutament.

F’Ottubru tal-2020, The Shift kienet rrappurtat l-eżistenza ta’ dan il-ftehim u x’seta’ jfisser. U wara ġlieda FOI mal-ministeru tal-enerġija li kienet ilha sejra sena sħiħa, id-Daphne Caruana Galizia Foundation fl-aħħar otteniet kopja ta’ dan il-ftehim.

The Shift kienet diġà żvelat li kien l-ex ministru Konrad Mizzi li ffirma l-ftehim bejn il-gvern u SOCAR Trading, biex lill-power station tal-ElectroGas jipprovdiha bil-gass naturali likwefatt (LNG): dan għamlitu abbażi ta’ dak li kien fih rapport tal-FIAU, żvelat mill-MEP David Casa.

The Shift żvelat ukoll li l-awtoritajiet tal-Latvia kienu qed jinvestigaw il-ħasil tal-flus in konnessjoni ma’ ħlasijiet suspettati li jleħħqu mat-28 miljun Ewro. Dawn il-pagamenti għandhom x’jaqsmu ma’ ftehim li kien sar bejn Malta u SOCAR Trading fl-2015, u l-awtoritajiet “ikkonkludew li dan sar b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Istat (Malti)”.

Fiż-żmien li fih kien iffirmat il-ftehim GoM LNG SSA, f’April tal-2015, l-ElectroGas kienet f’qagħda verament imwiegħra, u flimkien magħha wkoll il-pożizzjoni tal-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat u l-proġett LNG tant irreklamat ta’ Konrad Mizzi.

Tlett xhur wara, lill-ElectroGas, il-gvern Malti qabadha minn xagħarha – lis-SOCAR taha l-garanzija GoM LNG SSA b’xejn, u lill-Bank of Valletta tah garanzija oħra favuriha.

Imbagħad dawk li kienu qed imexxu l-proġett ElectroGas, fosthom is-SOCAR, Tumas, Gasan, Paul Apap Bologna, Siemens u Yorgen Fenech taw lilhom infushom miżata ta’ 12-il miljun Ewro oħra talli “rnexxa l-proġett”.

Din il-miżata, meta kien qed jixhed quddiem il-Public Accounts Committee, Apap Bologna qal li ma setax jiftakar li rċeviha. Barra minn hekk kien qal ukoll li kien ħass ruħu “intimidat” bil-mistoqsijiet li kienu qed isirulu minn dan il-kumitat parlamentari s-sena l-oħra.

Il-ftehim sigriet li ppruvaw jaħbu

Il-ftehim GoM LNG SSA mhux twil iktar minn 14-il paġna, u ma fih ebda informazzjoni finanzjarja. B’dan kollu mhux diffiċli wieħed jifhem għala l-gvern Malti għamel tant ħiltu biex dan il-ftehim jostru jew anki jiċħad li jeżisti, anki fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-proġett kien intlaqat minn ħafna dewmien, u l-ElectroGas kienu qed jispiċċawlha l-flus. Garanzija ta’ 88 miljun Ewro biex l-ElectoGas tkun tista’ tissellef mill-Bank of Valletta, il-Gvern kien diġà ġeddidhielha fl-aħħar minuta.

Iktar tard, f’nofs il-konfużjoni ta’ elezzjoni b’sorpriża, din il-garanzija żdiedet għal 432 miljun Ewro, imma jidher li s-SOCAR xorta ma kinitx kuntenta bil-qagħda finanzjarja tal-ElectroGas u bil-possibbiltà li tottjeni l-finanzjament meħtieġ.

Minn din il-korrispondenza bl-email li nkixfet, jidher li l-avukati ta’ min kien qed isellef il-flus lill-ElectroGas, kienu inkwetati għax il-ftehim li ffirma Konrad Mizzi, u li damu ma setgħu jarawh għal 20 xahar sħiħ, fil-fatt kien jikkostitwixxi Għajnuna illegali mill-Istat, u din kienet qed tinħeba mill-Kummissjoni Ewropea.

Bħala parti mill-arranġament finanzjarju tal-bidu li kien qed jitwettaq, f’April tal-2015 is-SOCAR iffirmat ftehim max-Shell għall-provvista tal-gass. Skont dan il-ftehim, is-SOCAR kienet qed tintrabat li minn għand ix-Shell tixtri l-LNG. Imbagħad, fl-istess data, is-SOCAR għamlet ftehim separat mal-ElectroGas għall-provvista tal-gass. L-ElectroGas intrabtet li l-LNG tixtrih mis-SOCAR bi prezz ogħla.

Is-SOCAR ma dehritx kuntenta li titgħabba bir-riskju li kien jinvolvi l-finanzjament tal-ElectroGas. Barra minn hekk, il-gvern Malti kien għadu kemm induna li ċerti aspetti tal-ftehim propost biex tinxtara l-enerġija, flimkien mal-ftehim għas-sigurtà tal-provvista, kien se jkollhom bżonn l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea minħabba r-regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istat. Inkella kien se jkun hemm ir-riskju li l-proġett ma jgħaddix.

Billi l-ftehim kollu kien se jiffaċċa aktar dewmien, jekk mhux ukoll jisfaxxa, jidher li l-gvern daħal għar-riskju hu stess, u għamilha ta’ garanti għall-ElectroGas mingħajr il-possibbiltà ta’ xi forma ta’ kumpens.

U s’hawnhekk il-gvern Malti rnexxielu. Il-ħlasijiet li kellha tagħmel l-ElectroGas għall-provvista tal-LNG, issa kien qed jiggarantihom il-gvern Malti, u l-proġett kollu ngħata l-ħajja sa ma l-Kummissjoni Ewropea approvatu f’Jannar tal-2017.

Iktar tard insiru nafu, minn emails inklużi fil-Panama Papers, li l-kumpannija offshore 17 Black ta’ Yorgen Fenech kellha tħallas il-miljuni lill-kumpanniji sigrieti fil-Panama, propjetà ta’ Konrad Mizzi u ta’  Keith Schembri, li dak iż-żmien kien iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat u kien magħruf li jaħdem mill-qrib ma’ Yorgen Fenech.

U l-Kummissjoni Ewropea ma taf b’xejn

Il-garanzija li offra l-gvern Malti la inkludewha fil-proċess tat-tender oriġinali għall-power station, u lanqas ma approvatha l-Kummissjoni Ewropea minħabba l-kwistjoni tal-Għajnuna Statali.

Fil-fatt, skont is-sottomissjonijiet li rat The Shift, lill-Kummissjoni Ewropea, il-gvern Malti ma qalilhiex bl-eżistenza ta’ dan il-ftehim GoM LNG SSA li wassal għall-Għajuna Statali. Dan kien l-istess inkwiet ukoll tal-avukati li kienu qed jidhru għal min kien se jsellef il-flus lill-ElectroGas fl-2017.

Imma jidher li Yorgen Fenech, direttur ta’ ElectroGas u shareholder indirett tagħha, din il-ħaġa konfidenzjali kien jaf biha. Minn emails li sirna nafu bihom, jidher li l-ftehim li ffirma Mizzi kmieni fl-2015, ma kellu jsir jaf bih ħadd, u speċjalment dawk li kienu se jsellfu l-flus lill-ElectroGas.

Skont ma kiteb Fenech, “Il-gvern  (GOM) qal li fl-ebda ċirkostanza m’hu veru li l-gvern kien se jħalli lil min kien se jsellef il-flus, isir jaf bil-GoM LNG SSA”.

Min kien qed isellef il-flus kien tassew inkwetat għax kien hemm ir-riskju li din l-Għajnuna illegali tal-Istat, flimkien mal-fatt li lill-Kummissjoni Ewropea ma kinux qalulha biha, setgħet tikkomprometti l-approvazzjoni tal-Għajnuna Statali lill-Electrogas flimkien mal-biċċa kollha kemm hi. Bil-pressjoni kollha li kien qed jeżerċita min kien qed isellef il-flus, il-ftehim GoM LNG SSA tterminawh bi ftehim li sar fis-7 ta’ Diċembru, 2017, li tiegħu qed tkun ippubblikata kopja wkoll.

Ftit ġranet biss iktar tard, u inqas minn xahrejn minn mindu kienet inqatlet Daphne Caruana Galizia, l-ElectroGas irċeviet il-finanzjament ta’ 450 miljun Ewro u l-kumpannija organizzat party kbir biex jiċċelebraw.

B’mod ġenerali il-liġijiet tal-UE, lill-gvernijiet ma jħalluhomx jagħtu vantaġġ finanzjarju selettiv (msejħa Għajnuna Statali) lill-kumpanniji, u minħabba f’hekk, tiddeforma ruħha l-kompetizzjoni. Din jippermettuha biss jekk tkun tapplika xi eżenzjoni jew jekk il-Kummissjoni, din l-Għajnuna Statali tapprovaha b’kundizzjonijiet stretti.

Meta tinkiser il-liġi tal-Għajnuna Statali, jista’ jkun hemm multi ħorox u konsegwenzi oħra, fosthom li jiżżarma l-ftehim li jkun sar u jitħallas lura il-vantaġġ illegali li jkun ingħata.

L-ElectroGas u l-konfoffar kollu li sar biex jintleħaq dan il-ftehim li jiswa daqshekk miljuni, kemm il-ġurnalisti, kif ukoll l-investigaturi għadhom jinteressaw ruħhom fih: u dan minħabba r-rabta li allegatament hemm mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din kienet waħda mill-aħħar stejjer li kienet qed taħdem fuqha qabel ma nqatlet brutalment b’karozza bomba f’Ottubru tal-2017.

Yorgen Fenech, direttur u shareholder indirett ta’ ElectroGas, qed jakkużawh li kkonfoffa biex tinqatel Caruana Galizia. Kemm Konrad Mizzi, kif ukoll Keith Schembri, il-gvern Amerikan issanzjonahom bis-saħħa ta’ projbizzjoni li jivvjaġġaw, minħabba l-korruzzjoni assoċjata mal-ElectroGas.

Dawk kollha involuti jiċħdu li għamlu xi ħaġa ħażina.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Noel Casha
Noel Casha
1 year ago

I believe that this is the reason why the accused in the Daphne Caruana Galizia murder trial have been made to admit guilt rather than face trial so that no evidence is presented in Court, since such evidence could imply certain people in power.
Therefore the people who physically committed the murder where silenced to guarantee that the others who ordered Daphne’s murder would remain unknown .

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo