Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali

Read in English.

Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta, għadha kemm fetħet kawża fil-qrati Maltin biex titlob kumpens għal dak li skontha kienet kampanja malafamanti fil-konfront tagħha minn kumpanija oħra tat-titjiriet privati rreġistrata f’Malta u li topera minn Malta.

Skont dokumenti ppreżentati fil-qorti ftit ġranet ilu li ntwerew lil The Shift, jidher li l-kumpanija VistaJet qed titlob kumpens għal “danni ta’ mill-anqas €386 miljun” talli skontha soffriet danni fin-negozju globali tagħha minħabba kampanja malafamanti li wettqet il-kumpanija AirX.

Skont ir-rikors li ppreżentaw l-avukati tal-VistaJet, il-kumpanija qed takkuża lil AirX u lill-fundatur tagħha John Matthews li xerrdu deliberatament informazzjoni falza u manipulata dwar il-kumpanija VistaJet u dwar il-fundatur tagħha Thomas Flohr, biex jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-kumpanija u jdgħajfu n-negozju tagħha.

L-allegazzjonijiet huma li wħud fit-tmexxija eżekuttiva ta’ AirX, fosthom xi impjegati Maltin tal-kumpanija, użaw tattiċi bil-moħbi, fosthom użaw indirizz tal-email mhux uffiċjali u identità manifatturata, biex ixerrdu informazzjoni falza u li tagħmlilhom il-ħsara ma’ grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali, dwar il-VistaJet, il-klijenti tagħha u l-kollaboraturi tagħha, fosthom il-Bombardier, il-manifattur ta’ ħafna mill-ajruplani li topera. 

Is-sottomissjonijiet li għamlu l-avukati Joe Camilleri, Frank Testa u Maria-Lisa Buttigieg mid-ditta legali Mamo TCV huma msejsa fuq messaġġi fil-grupp tal-WhatsApp li ssemma “Vista Comms”.

Il-messaġġi tal-WhatsApp li ġew ippreżentati bħala parti mill-evidenza tal-VistaJet juru allegati diskussjonijiet dwar pjanijiet biex jiżdiedu r-rati ta’ AirX għas-servizzi tagħha u dwar il-possibbiltà ta’ akkwist tal-ajruplani tal-VistaJet jekk din tiġġarraf minħabba l-kampanja malafamanti.

Il-kumpanija VistaJet qed tistqarr li din il-kampanja, li ħafna minnha kienet tinkludi rappurtaġġi li jagħmlulha l-ħsara fuq portali tal-aħbarijiet u midja internazzjonali ta’ stoffa, wasslet biex il-kumpanija ssofri danni ta’ aktar minn €386 miljun. Dawn jinkludu t-telf ta’ klijenti, ta’ kreditu, ta’ finanzjamenti kummerċjali u telf fil-prezz tal-ishma tagħha.

Apparti kontra AirX u John Matthews, il-kumpanija VistaJet għamlet dikjarazzjonijiet ukoll kontra ċerti Debbie Camenzuli, Daniel Apap, Houssam Hazzoury, Frederich Baldinger u Abigail Bartolo.

Din il-kawża fil-Qorti Ċivili se tinstema’ quddiem l-Imħallef Toni Abela, u l-qorti għad trid tirċievi t-tweġiba formali mingħand AirX u u l-intamati l-oħra. 

Il-VistaJet ilha topera mill-2004 u mxiet lejn Malta fl-2012. Din saret wieħed mill-akbar operaturi tat-titjiriet privati fid-dinja u għandha 280 ajruplan li 90 minnhom huma rreġistrati bil-bandiera Maltija. Tħaddem 3,225 persuna, fosthom 445 ibbażati f’Malta.

Min-naħa l-oħra, AirX infetħet fl-2011 minn John Matthews u ġiet irreġistrata f’Malta u topera minn Malta. Skont il-website tagħha, din għandha 16-il ajruplan privat u tispeċjalizza fis-servizzi personalizzati tal-ivvjaġġar VIP bl-ajru.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo