Il-gvern fi sforz ġdid biex lil The Shift jirrovinaha bl-appelli FOI

You can read the article in English here

Il-gvern għadu kemm vara kampanja kkoordinata biex lil The Shift jirrovinaha finanzjarjament. Dan qed jagħmlu billi għat-tieni darba qed jiftaħ kawżi ta’ appell li jisfidaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissarju għad-Data Protection kif ukoll tat-Tribunal tal-Appell favur it-trasparenza u l-kontabilità.

The Shift għadha qed tiġġieled 40 entità tal-gvern: dawn qed jisfidaw id-deċiżjoni tal-Kummissarju li għandha tingħata l-informazzjoni ‘Freedom of Information’ li talbet The Shift. Anna Mallia, iċ-Chairman tat-Tribunal, tnax minn dawn il-każijiet diġà ddeċidiethom favur il-Kummissarju u The Shift. Fid-deċiżjoni tagħha Mallia qalet li dawn l-entitajiet kollha huma ffinanzjati minn flejjes pubbliċi, u għalhekk min iħallas it-taxxa għandu dritt ikun jaf flusu kif qed jintefqu.

B’dan kollu, kull entità tal-gvern, din id-deċiżjoni qed tappellaha għat-tieni darba, u issa fil-qorti. B’hekk din il-kamra tal-aħbarijiet se jkollha bżonn eluf kbar ta’ Ewro biex id-dritt tagħha li jkollha aċċess għall-informazzjoni fl-interess pubbliku, tiddefendih.

Għaddiet sena minn mindu l-Kummissarju ddeċieda favur The Shift. B’dan kollu biex jiġġieldu lil ġurnalista waħda, il-gvern qabbad xejn inqas minn 40 avukat. (Talba Freedom of Information trid issir minn individwu wieħed, u għalhekk it-talbiet ta’ The Shift għamlithom kollha l-Editur Maniġerjali tagħha Caroline Muscat).

“Aħna qed niġġieldu kull każ fit-Tribunal tal-Appell, imma issa kull każ li nirbħu, il-gvern qed jappellah għat-tieni darba. Qed jidhru l-qorti kull darba u jirrepetu l-istess argumenti li diġà ċaħadhom kemm il-Kummissarju tad-Data Protection kif ukoll it-Tribunal tal-Appell”. Din hija ħela immensa tal-fondi pubbliċi biex ma tingħatax l-informazzjoni li xorta għandha tingħata għax tinvolvi l-infiq tal-fondi pubbliċi”, qalet Muscat.

Muscat żiedet li l-Prim Ministru Robert Abela qed jiftaħar li se jgħaddi liġi kontra is-SLAPP – kawżi kontra l-ġurnalisti biex jirrovinawhom finanzjarjament. Imma l-gvern innifsu din it-tip ta’ kawża qed jagħmilha hu stess kontra sit tal-aħbarijiet investigattiv. Muscat żiedet tgħid: “Il-gvern, dan qed jagħmlu biex jgħajjina, u biex jaħlilna r-riżorsi tagħna: b’hekk xogħolna ma nkunux nistgħu nkomplu nagħmluh fl-interess pubbliku. Huwa evidenti li meta Robert Abela jgħid li jissapportja l-media ħielsa, għandu f’rasu dik il-media biss li tgħid affarijiet li jaqbel magħhom hu.”

Din il-ġlieda ilha sejra minn Diċembru tal-2020, meta The Shift kienet għamlet serje ta’ talbiet Freedom of Information biex tara kuntratti u/jew ħlasijiet, inklużi direct orders, li għamlu diversi entitajiet tal-gvern jew ministeri sa mill-2013: dawn kienu jinvolvu lil Saviour Balzan, wieħed mis-sidien ta’ Media Today, jew xi waħda mill-kumpanniji privati tiegħu.

It-talbiet huma kkonċentrati fuq l-użu tal-fondi pubbliċi u l-interess pubbliku għat-trasparenza fix-xogħol li tagħmel il-media indipendenti flimkien mal-gvern. Skont il-kuntratti li diġà nkixfu, Saviour Balzan lil diversi ministri kien qed jagħtihom parir kif iġibu ruħhom mal-media fil-każ tal-iskandli u l-proġetti kontroversjali, u dan, mhux biss waqt li fl-istess ħin kien l-editur u jikteb l-artikli fil-gazzetti tiegħu, imma kien jippreżenta wkoll kemm-il programm fuq it-TV tal-PBS, iffinanzjati mill-fondi pubbliċi.

Il-gvern qabbad lil iktar minn 40 avukat, fosthom Charlon Gouder (position of trust), u Joe Gerada (imsemmi fil-każ tal-Acapulco): dawn qalu li l-mistoqsijiet tagħna jammontaw għall-fastidju lill-uffiċjali pubbliċi, u lill-qorti talbuha twaqqaf lil The Shift. Biex din l-informazzjoni ma toħroġx, il-gvern qed juża l-fondi pubbliċi, imma biex tiddefendi ruħha The Shift, in-nefqa ta’ eluf kbar ta’ Ewro fi spejjeż legali u tal-qorti, għaliha huma sempliċement immensi.

L-aħħar ċans li għandu l-gvern biex ikompli jisfida u ma jagħtix din l-informazzjoni, huwa fil-qorti tal-appell. Il-każ tat-talba FOI, il-gvern diġà tilfu darbtejn, darba quddiem il-Kummissarju tad-Data Protection u darb’oħra quddiem it-Tribunal tal-Appell: huwa verament rari li każ bħal dan jispiċċa l-qorti. The Shift qed tiffaċċja l-possibbiltà li tiġri din il-ħaġa f’kull wieħed mill-40 każ li qed jiddeċiedi t-Tribunal dwaru bħalissa.

Permezz tal-avukati tagħha Charlon Gouder u Marc Sant, il-Wasteserv oġġezzjonat għad-deċiżjoni taċ-Chairman tat-Tribunal li jirratifika l-ordni tal-Kummissarju biex ikun hemm trasparenza sħiħa dwar l-eluf ta’ Ewro ħlasijiet mill-fondi pubbliċi li saru lil Saviour Balzan u l-kumpanniji tiegħu. Dan huwa l-ewwel appell mid-deċiżjoni tat-Tribunal u aktarx isiru serje sħiħa minnhom preċiż bħalu.

Ironikament, kemm Gouder kif ukoll Sant diġà jitħallsu mill-gvern minħabba serje ta’ ħatriet politiċi, u issa l-gvern se jkompli jħallasil l-ispejjez legali tagħhom.

The Shift ikkonsultat espert legali. Dan qal: “Din hija deċiżjoni li tinsisti għal iktar trasparenza u kontabilità min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Il-pass li deċiżjoni bħal din tinjoraha mhux darba, imma darbtejn, hija xi ħaġa li tmur lil hemm ħafna mill-implikazzjonijiet legali u demokratiċi tagħha. Dawn huma kawżi inutli imma li jiswew ħafna flus, u lil The Shift se jġegħluha tħallas eluf ta’ Ewro fi spejjeż tal-qorti. U se jkollha taħseb ukoll għall-iktar spejjeż jekk l-appelli jiġu kontriha. Hija ħaġa ovvja li l-gvern iddejjaq bil-ġurnaliżmu investigattiv ta’ kwalità li qed tagħmel The Shift u jrid iqiegħdha daharha mal-ħajt biex ma tkunx tista’ tkompli sejra hekk.”

“Waqt li biex jirribatti dawn l-isfidi legali l-gvern juża l-fondi pubbliċi b’mod abbużiv, jaf sew li organizzazzjoni żgħira tal-media ma jkollhiex ir-riżorsi biex tikkuntestahom għax id-dħul tagħha jiddependi mill-crowdfunding.”

The Shift hija l-uniku organizzazzjoni lokali tal-aħbarijiet li biex tiżgura l-indipendenza tagħha, reklami ma taċċettax, la mill-gvern jew minn xi aġenzija tiegħu u lanqas minn xi partit politiku. Kull sena, din il-kamra tal-aħbarijiet rendikont ta’ kemm daħħlet u kemm nefqet tippubblikah, biex ikun jista’ jarah kulħadd.

The Shift qed tappella lill-pubbliku biex jgħinha f’xogħolha: bis-saħħa ta’ kampanja ta’ crowdfunding trid tiġbor il-finanzi li se jkollha bżonn biex tirribatti din l-isfida, u d-dritt li għandu l-pubbliku li jkun infurmat, tiddefendih.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Uffiċjal għoli ta’ TM jiddaħħal lura minkejja akkużi ta’ fastidju sesswali kontrih
Read in English. Uffiċjal għoli ta’ Transport Malta li
Cassola jikkritika bl-aħrax żjara “partiġġjana” fi skola, u jitlob investigazzjoni mill-ombudsman
Read this article in English. L-Uffiċċju tal-Ombudsman għadu kif

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo