ESKLUSSIVA: Il-Gvern sfurzat iċedi lil tad-Dubai u jagħti konċessjoni fi Smart City minħabba l-ftehim mal-AUM

Read the article in English here

Il-gvern tad-Dubai, ix-shareholder maġoritarju f’dak li suppost kellu jkun l-iżvilupp ta’ Smart City tal-ICT fil-Kalkara, lill-gvern Malti mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, irnexxielu jġiegħlu jċedi għat-talbiet kollha li għamlulu ix-Sheiks ta’ Dubai – premju ta’ konsolazzjoni talli kellhom jirritornaw  biċċtejn art pubblika.

Qabel ma x-shareholders tad-Dubai aċċettaw li jirritornaw dawn il-biċċtejn art pubblika fi Smart City – biċċa li għaddewha lill-investituri Ġordanjani tal-Università Amerikana ta’ Malta (l-AUM) u biċċa oħra għall-campus tal-ITS li għadu fil-fażi tal-ippjanar – lill-gvern ġiegħluh jaċċetta reviżjoni drastika tal-masterplan, approvata mill-Parlament fl-2008. Din ir-reviżjoni, il-parametri tal-proġett ta’ Smart City, għollietilhom il-valur tagħhom billi l-proġett irrendietu spekulazzjoni ‘real estate’ ta’ art pubblika. Dan kollu kkonfermatu b’mod esklussiv The Shift.

Sorsi fl-industrija tal-propjetà lil The Shift qalulha li waqt li l-gvern dan it-tpartit tal-art qed jipprova jpinġih għall-pubbliku bħala xi tip ta’ rebħa politika, fil-fatt il-verità hija kompletament bil-maqlub.

“L-akbar telliefa se jkun min iħallas it-taxxa u l-pubbliku in ġenerali, għax issa, is-sidien ta’ Smart City li qatt ma onoraw il-proġett tagħhom, se tingħatalhom ħajja ġdida u l-proġett se jħalluhom jibdluh fi żvilupp ieħor ‘real estate’ ta’ art pubblika.”

“U jekk dan ma kienx biżżejjed, l-art li akkwistaw bi prezz redikolu issa se jbigħuha bil-prezz tas-suq. Mhux biss se jkomplu jimmanipulaw is-suq lokali tal-propjetà, imma l-qligħ kollu, flok ma jmur fil-fondi pubbliċi, se jispiċċa direttament f’idejn il-gvern tad-Dubai. Dan il-ftehim huwa wieħed mill-iżjed tradimenti oxxeni li qatt għamel gvern Malti.”  Hekk qalulna dawn is-sorsi.

S’issa, il-ftehim ma’ Smart City u mal-AUM, il-gvern għadu ma ppubblikahx. Iż-żewġ riżoluzzjonijiet parlamentari biex il-ftehim jiġi approvat, se jibdew ikunu diskussi mill-kumitat parlamentari nhar it-Tlieta. Biss dawn ir-riżoluzzjonijiet għadhom ma ġewx ippubblikati u ngħataw biss lill-MPs tal-Oppożizzjoni.

Dwar x’fih il-ftehim, s’issa l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha ma kkummentatx.

The Shift għandha informazzjoni li l-gvern aċċetta li ssir reviżjoni totali tal-Master Plan għal Smart City, u magħha business plan ġdida. Skont din ir-reviżjoni, minflok ma ssir belt tal-ICT kif kien il-ħsieb oriġinali, il-qasam kollu se jinbidel fi proġett ‘real estate’ ta’ kliassi għolja.

Il-gvern ġiegħluh jaċċetta li iktar art pubblika fi Smart City  tkun iddedikata għal żoni residenzjali bil-vilel biex jinbigħu lill-ispekulaturi, waqt li l-enfasi fuq l-aspett tal-ICT tnaqqas ħafna.

Hemm konċessjonijiet oħra inklużi f’din ir-reviżjoni: lill-investituri se jinħafrulhom multi ta’ miljuni ta’ Ewro talli l-obbligi kuntrattwali miftiema fl-2007 ma onorawhomx; żdied il-limitu ta’ kemm jista’ jogħla l-bini, u ġew deċiżi skadenzi ġodda biex jitlesta l-proġett, billi l-iskadenzi ta’ qabel, l-investituri mid-Dubai injorawhom għal kollox.

In-negozjati ma’ Smart City dwar dawn il-konċessjonijiet kollha, mexxewhom Robert Abela u Kurt Farrugia, li kien kollaboratur tal-ex Prim Ministru diżonorat Joseph Muscat. Lil Farrugia, ħatru Abela biex iservi bħala direttur fil-bord ta’ Smart City Malta.

Skont il-ftehim iffirmat mill-amministrazzjoni Nazzjonalista fl-2007, l-investituri fi Smart City mid-Dubai ngħatalhom 330,000 metru kwadru art pubblika għal 99 sena b’ċens verament baxx biex dan il-qasam jibdluh f’belt tal-ICT, u kellhom jinbnew ukoll għadd ta’ ħwienet u residenzi, għax kienu qed jantiċipaw li kellhom jaslu “eluf ta’ impjegati” biex jaħdmu hemm. L-ikbar parti tal-proġett kellha x’taqsam mal-ICT u l-investituri ntrabtu li joħolqu 5,600 impieg sal-2015.

Imma minn dan kollu qatt ma sar xejn, l-investituri mid-Dubai ma baqgħux kommessi għall-investiment tagħhom, l-iskadenzi kollha ma onorawhomx, u minflok bdew ibigħu biċċiet mill-art għall-proġetti ‘real estate’, inkluż il-proġett lussuż Shoreline li għadu għaddej.

Skont il-kuntratt tal-2007, il-gvern għandu d-dritt l-art kollha jeħodha lura u jħassar il-ftehim, għax Smart City huwa ċar li ma onorawx il-kuntratt. Imma minflok, Robert Abela reġa’ nnegozja bil-moħbi d-dettalji kollha tal-ftehim, u ċeda għat-talbiet kollha li għamlulu tad-Dubai.

Skont il-kontijiet l-iktar reċenti li ppubblikat Smart City Malta, il-grupp għamel telf ta’ żewġ miljun Ewro punt sitta, u għalhekk ma ħallasx taxxa. Sar dan it-telf minkejja li nbigħu biċċtejn art għal 26 miljun Ewro.

Is-sorsi qalulna li meta jippubblikaw ir-riżoluzzjonijiet parlamentari, għandhom jinkixfu iktar konċessjonijiet mogħtija kemm lil tad-Dubai kif ukoll lill-investituri Ġordanjani: u bħas-soltu l-kont jasal għand min iħallas it-taxxa.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo