L-ex Avukat Ġenerali diżonorat Peter Grech jinħatar konsulent tal-ministru tal-ġustizzja

Read the article in English here.

Peter Grech kien l-Avukat Ġenerali implikat f’serje ta’ skandli in konnessjoni mal-amministrazzjoni tal-Labour fi żmien Muscat. Ftit wara li rriżenja, reġgħu impjegawh mal-gvern u issa qed iservi bħala konsulent tal-ministru tal-ġustizzja.

Skont l-informazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, inqas minn tlett xhur wara li rriżenja minn AĠ, f’Settembru tal-2020, lil Grech tawh konsulenza attraenti mal-gvern. U ta’ dan ix-xogħol, qed jitħallas 62,000 Ewro minn fondi pubbliċi.

Għadu mhux magħruf jekk Grech hux qed jirċievi wkoll pensjoni tal-gvern. 

Peter Grech kien inħatar Avukat Ġenerali fl-2010, u kkritikawh bil-kbir għas-sehem tiegħu fl-iskandli l-kbar kollha li heżżew il-gvern Laburista. Kemm l-Oppożizzjoni kif ukoll l-NGO’s xlewh li l-investigazzjonijiet f’lista twila ta’ għemejjel allegatament kriminali minn persuni fl-ogħla karigi fil-gvern, kien għamel ħiltu biex ma jimxux ‘il quddiem. Il-każ tal-Panama Papers li nkixef fl-2016 huwa wieħed mill-eżempji l-iktar ovvju fejn naqas milli jagħmel xi ħaġa f’każ ċar ta’ kriminalità, meta nkixfu l-kontijiet sigrieti tal-ex Chief of Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru Konrad Mizzi.

F’dan il-każ, lill-pulizija Grech qalilhom jimxu bil-mod fl-investigazzjonijiet tagħhom biex jikxfu l-verità, u tahom parir ukoll biex ma jaqbdux is-servers ta’ Nexia BT, il-kumpannija li attwalment ħolqot il-kontijiet sigrieti għal dawn il-politiċi tal-Labour. F’kontradizzjoni ċara mad-dover tiegħu, kif ukoll mar-responsabbiltà tiegħu bħala AĠ, lill-kummissarju tal-pulizija, Grech kien qallu li azzjoni bħal din kienet se twassal għal “indħil drastiku”.

L-inkjesta Egrant kienet investigat ir-rabtiet bejn l-ex Prim Ministru diżonorat Joseph Muscat, martu Michelle u l-Panama Papers, inkluż il-Bank Pilatus; u lil Grech, il-Qorti kienet sabitu ħati talli kiser id-drittijiet umani tal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, Adrian Delia, għax ma ħallihx jara r-riżultati ta’ din l-inkjesta. Fl-istess ħin, lill-gvern kien bagħtilhom kopja tal-inkjesta ftit wara li kien ċempillu l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. 

U meta kien għadu chairman tal-FIAU, Grech kien wissa li ma kellhomx jixxandru l-investigazzjonijiet tal-FIAU li kixfu każijiet ta’ ħasil ta’ flus minn membri anzjani tal-gvern u mill-management tal-Allied Newspapers fl-ogħla livell.

Fl-aħħar snin tiegħu bħala AĠ, f’nofs l-iskandli u l-atti potenzjalment kriminali li kienu qed jinkixfu, il-ħafna sejħiet biex jirreżenja immedjatament u l-protesti pubbliċi quddiem l-uffiċċju tiegħu, Grech ma kienx ta kashom.  

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Uffiċjal għoli ta’ TM jiddaħħal lura minkejja akkużi ta’ fastidju sesswali kontrih
Read in English. Uffiċjal għoli ta’ Transport Malta li
Cassola jikkritika bl-aħrax żjara “partiġġjana” fi skola, u jitlob investigazzjoni mill-ombudsman
Read this article in English. L-Uffiċċju tal-Ombudsman għadu kif

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo