L-Awtorità tal-Artijiet is-sena l-oħra impjegat raġel akkużat bit-traffikar uman, u issa se jieħu promotion

Kurt Buhagiar arrestawh u nżamm il-ħabs fi Sqallija minħabba s-sehem tiegħu f’operazzjoni ta’ traffikar uman - u jaħdem mal-Awtorità tal-Artijiet bħala uffiċjal amministrattiv.

 

Read this article in English here.

Fl-2009, il-Guardia di Finanza tal-Italja lil Kurt Buhagiar kienu qabduh fil-fatt flimkien ma’ żewġ kompliċi oħra wara li ġrew wara l-powerboat high-speed li kellhom. U spiċċa l-ħabs akkużat bit-traffikar uman. Is-sena l-oħra qabbditu jaħdem magħha l-Awtorità tal-Artijiet u issa qed igħidu li se jtuh promotion.

Buhagiar kellu 25 sena meta qabduh il-pulizija Taljana flimkien maż-żewġ kompliċi l-oħra, Josè Xerri u Michael Aquilina, għax kienu qed jippruvaw jdaħħlu 19-il emigrant fi Sqallija. Kienu ħbewhom f’kompartiment fil-powerboat li kienu qed jużaw għall-attività illegali tagħhom. Il-pulizija arrestawhom u tefgħuhom il-ħabs fl-2010.

Skont l-aħbar li kienet ħarġet fl-2009, il-patrol boats tal-Guardia di Finanza ġrew warajhom għal siegħa u nofs sħaħ qabel ma qabduhom. Iktar tard, lil Buhagiar u lil Xerri akkużawhom bit-traffikar uman, li ppruvaw ifixklu l-ġustizzja u li ppruvaw jidħlu fid-dgħajjes tal-pulizija.

Skont rapport li sar fl-2011 Buhagiar u Xerri kienu qegħdin il-ħabs, imma ma jingħadx jekk kienux qed jinżammu b’arrest sakemm isiru l-investigazzjonijiet li kien hemm bżonn, jew inkella jekk kellhomx kundanna uffiċjali.

Ritratt tat-tlett irġiel li arrestaw il-pulizija Taljana – Josè Xerri, Kurt Buhagiar (fin-nofs) u Michael Aquilina.

Għalkemm kien akkużat ta’ reat daqshekk serju, fi Frar tas-sena l-oħra lil Buhagiar, l-Awtorità tal-Artijiet impjegatu bħala driver għas-CEO Robert Vella. U issa għandu wkoll il-pożizzjoni ta’ uffiċjal amministrattiv, b’salarju bażiku ta’ 21,357 Ewro fis-sena. Fi Frar tal-2021, Vella kien għadu kif inħatar CEO wara li rriżenja l-predeċessur tiegħu James Piscopo.

Is-sorsi tagħna spjegawlna li fi ħdan l-Awtorità, Buhagiar jittrattawh fil-fatt bħala l-bniedem tal- fiduċja tas-CEO, u jgħidu wkoll li għandu jieħu promotion għal uffiċjal anzjan amministrattiv, promotion li għandha titħabbar dalwaqt. B’hekk Buhagiar se jkun qed jaqla’ sa 24,519-il Ewro.

Qabel ma impjegawh mal-Awtorità tal-Artijiet, Buhagiar kien jaħdem bħala fitter mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Impjegawh mal-Awtorità meta din kienet taħt ir-responsabbiltà tal-ex Ministru tal-Enerġija diżonorat Konrad Mizzi.

Wara li Buhagiar u Xerri kienu ilhom il-ħabs Ragusa għal iktar minn sena, il-pulizija Taljana irnexxielha tidentifika u taqbad ukoll il-perċimes tal-biċċa kollha, wieħed jismu Adam Kunati. Fl-istess xahar lil dan estradewh għall-Italja minn Franza.

Skont il-prosekuturi Taljani, Buhagiar, Xerri u Aquilina kienu involuti fit-traffikar attwali tal-emigranti li mil-Libja kienu jippruvaw jaħarbu lejn Malta jew Sqallija. Imma Kunati kien jorganizza l-gruppi li kellhom jittrafikaw it-tlett irġiel Maltin, u mill-profitti kien iżomm persentaġġ għalih.

Dawk kollha involuti f’dan iċ-ċirku ta’ traffikar, segwewhom, arrestawhom, akkużawhom u tefgħuhom il-ħabs bis-saħħa ta’ inizjattiva msejħa ‘Operazione Double Impact’, u l-ordni għall-arrest tagħhom tawha l-Maġistrati Salvatore Giampicco u Carmelo Petralia.

Lill-Awtorità tal-Artijiet saqsejniha dwar l-impieg ta’ Buhagiar u x’ġustifikazzjoni seta’ jkun hemm għalih ladarba akkużawh b’reati daqshekk serji.

Tal-Lands fl-inkwiet

Id-deċiżjoni li lil Buhagiar jimpjegawh minkejja l-allegat involviment tiegħu fit-traffikar uman ma kinitx l-uniku darba li l-Awtorità tal-Artijiet ġiet fl-aħbarijiet talli impjegat nies b’reputazzjoni dubjuża. L-istorja ta’ din l-Awtorità turi li kellha x’taqsam ma’ każijiet oħra li jinvolvu l-korruzzjoni.

L-ex CEO James Piscopo kien irriżenja mill-Awtorità tal-Artijiet f’Diċembru tal-2020 wara li ħareġ rapport fit-Times of Malta. Skont dan ir-rapport, il-pulizija kienu qed jinvestigawh abbażi ta’ dak li allega l-ex chief of staff diżonorat Keith Schembri.

Schembri allega li fil-Fairbairn Private Bank Piscopo kien ħeba 600,000 Ewro f’pagamenti li kellhom x’jaqsmu ma’ proġetti ta’ toroq. U qabel ma kien CEO tal-Awtorità tal-Artijiet, Piscopo kien serva bħala s-CEO ta’ Transport Malta.

Piscopo kien serva wkoll bħala s-CEO tal-Partit Laburista, u iktar tard beda jaħdem bħala konsulent. Il-familja Zammit Tabona, is-sid tal-Fortina Group,  kienet waħda mill-klijenti tiegħu. Meta kien għadu CEO ta’ Transport Malta, Piscopo ġa kellu x’jaqsam mal-Fortina Group u ma’ familji influwenti oħra f’dak li hu business privat.

F’Novembru tas-sena l-oħra The Shift ippubblikat artiklu, u fih, lil Clint Scerri, l-ex “Re tal-Artijiet”,  urietu jitkessaħ fil-media soċjali b’karozza sports tiswa ħafna flus. Scerri kien serva bħala l-medjatur bejn is-segretarju parlamentari għall-artijiet Michael Falzon (issa huwa l-Ministru għall-Familja) u l-businessman Mark Gaffarena: dil-biċċa tmur lura għall-2015 u jgħidulha l-iskandlu tal-propjetà fi Triq iz-Zekka.

Falzon irriżenja meta ħareġ ir-rapport serju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur (l-NAO), imma fl-2017 reġa’ lura fil-Cabinet bħala ministru wara li reġa’ ħatru l-ex Prim Ministru diżonorat Joseph Muscat.

Lil wieħed mill-canvassers tiegħu, Matthew Zammit, Falzon kien ħatru wkoll wieħed mid-diretturi tal-Awtorità tal-Artijiet. Imma Zammit ukoll kellu jirriżenja fuq suspett ta’ abbuż ta’ poter għax kirja verament irħisa għal biċċa art tawha lil restorant li kellu x’jaqsam miegħu hu.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Gzira-based university given second temporary licence despite complaints
The government’s regulatory arm in higher education – the
PL parliamentary group: Backbenchers declare more earnings than ministers
Aqra bil-Malti Almost all Labour backbencher MPs are earning

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo