Read the story in English here.
Mariella Dimech kienet attivista kontra l-legalizzazzjoni tal-użu tal-cannabis imma issa l-gvern ħatarha l-ewwel chairperson esekuttiv u CEO ta’ aġenzija ġdida tal-gvern li tirregola l-użu tal-cannabis. Ta’ dan ingħatat pakkett finanzjarju li jiswa 82,000 Ewro.
Dimech għażilha il-Ministru Owen Bonniċi mingħajr ebda sejħa pubblika, u taha kuntratt ta’ tliet snin biex tmexxi l-liġi li llegalizzat din id-droga.
Skont il-kuntratt li rat The Shift, hija se tkun responsabbli direttament lill-ministru u se jkollha salarju bażiku ta’ iżjed minn 62,000 Ewro fis-sena. Imma din is-somma se titla’ għal xejn inqas minn 82,000 Ewro mit-taxxi tagħna, bis-saħħa ta’ għadd ta’ żidiet, fosthom performance bonus ta’ kważi 10,000 Ewro , biex ma nsemmux għotjiet oħra għat-trasport, għall-mezzi tal-komunikazzjoni u għall-ospitalità.
Dimech se jkollha rwol doppju, dak ta’ CEO u dak ta’ chairman ta’ awtorità li għad trid titwaqqaf. Il-kuntratt ma jgħidx min se jevalwah il-mod kif tkun qdiet dmirijietha matul is-sena u min se jiddeċiedi kemm mill-bonus annwali ta’ 10,000 Ewro għandha titħallas. Xi għejjun viċin il-gvern, lil The Shift qalulha li għall-bidu se jkun il-ministru stess li jevalwa l-aġir ta’ Dimech.
Dimech trid twaqqaf din l-Awtorità l-ġdida li se jkollha tirregola l-użu tal-cannabis u tagħti liċenzja lill-organizzazzjonijiet il-ġodda li din id-droga se jkunu qed ikabbruha u jbigħuha. Barra minn hekk din l-Awtorità tkun trid teżamina wkoll din il-leġiżlazzjoni kemm se tkun effettiva fis-soċjetà u tara jekk se jiżdidux il-problemi soċjali.
Dimech kienet saret psikoterapista wara li ggradwat mill-Università ta’ Malta bħala studenta matura.
Il-ħajja tax-xogħol Dimech bdietha bħala air hostess is-Saudi Għarabja. Ħadmet għal xi żmien fl-industrija tat-turiżmu, imbagħad ngħaqdet mas-servizzi ta’ riabilitazzjoni ta’ Caritas Malta. Waslet biex tissorvelja l-programmi ta’ riabilitazzjoni għal min juża d-droga. Dak iż-żmien kienet kontra l-legalizzazzjoni tal-cannabis u kienet tinsisti pubblikament li l-legalizzazzjoni ta’ din id-droga kienet se ġġib ħafna ħsara lis-soċjetà.
Barra minn hekk Dimech kienet il-preżentatriċi ta’ għadd ta’ programmi televiżivi ta’ diskussjoni fuq il-PBS imħallsa mill-istat u l-producer tagħhom kien ikun ħuha Saviour Balzan.
Sal-ġurnata tal-lum, Mariella Dimech hija l-unika impjegata full time tal-Awtorità tal-cannabis. Il-bord imwaqqaf mill-gvern jinkludi lil Janice Formosa Pace, Nadine Brincat, Charles Cassar, Gabriel Farrugia, Paul Micallef, Charles Scerri u Joe Reno Vella.
Il-Caritas m’aċettatx l-istedina tal-Ministru Bonnici biex tinnomina direttur għall-bord għax hija kontra l-liġi li għadda l-Gvern Jannar li għadda.