Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa, Abela ma jsemmix id-dħul mill-kera lir-Russi

Read the article in English here.

Fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu kif ukoll fid-dikjarazzjoni tad-dħul, l-eluf ta’ Ewro li daħħal Abela meta kera l-propjetà tiegħu fiż-Żejtun lil żewġ Russi li riedu jixtru passaport, qatt ma ddikjarahom. 

Fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu ppreżentati lill-parlament minn mindu leħaq flok il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, Abela ma semmiex id-dħul tiegħu kif għamlu l-bqija tal-kollegi tiegħu fil-Kabinett.

Id-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Robert Abela għas-sena 2020

Din il-miżura għandha l-għan li żżid it-trasparenza, imma Abela xxaħħaħ meta ġie biex jagħti din l-informazzjoni u minflok, iddikjara biss li d-dħul tiegħu għas-sena 2019 “kien skont id-dikjarazzjoni tad-dħul “.

Dikjarazzjoni tad-dħul, il-pubbliku m’għandux dritt jaraha awtomatikament. Id-dikjarazzjoni ta’ Abela kienet attentat ċar biex l-attenzjoni jiddevjaha mill-eluf ta’ Ewro li daħħal, partikolarment minn entitajiet tal-gvern, qabel ma sar prim ministru.

Hemm membri oħra tal-Kabinett li għandhom propjetà għall-kiri u jiddikjarawha, bħalma huma Jose Herrera, Anton Refalo, Clint Camilleri, Silvio Parnis u Alex Muscat. Fid-dikjarazzjoni li jagħmlu tad-dħul mill-kera is-sena ta’ qabel, dawn kollha jiddikjaraw id-dettalji relevanti. B’dan kollu l-prim ministru ma ta l-ebda dettalji ta’ dak li kien qed jaqla’ mill-propjetà vojta tiegħu ż-Żejtun – skandlu li tefgħu lura  mhux ftit fil-kampanja elettorali.

Il-Ħadd li għadda, The Times żvelat li fl-2017, Abela kien kera l-propjetà tiegħu fuq tomnejn art ODZ iż-Żejtun, lil żewġ Russi li kienu qed jjapplikaw għal passaport. 

Din il-propjetà ż-Żejtun imdaħħla f’kontroversja ġmielha wara li Abela xtraha għal prezz veru rħis: u dan wara li ġew issanzjonati illegalitajiet kbar waqt li Abela kien l-avukat tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-kumpannija ta’ Abela ukoll kienet qed tbigħ il-passaporti meta hu kien membru parlamentari, u     ammetta li kellu ftehim ta’ kera. B’dan kollu ma żvela l-ebda dettall tal-kuntratt tal-kera, la x’kien fih preċiż, la għal kemm żmien kien mikri u lanqas kemm qala’ mix-xogħol li għamel biex liż-żewġ Russi jgħinhom jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija.

Il-propjetà ODZ li Abela akkwistaha bi prezz tant tajjeb, ħadd ma għex fiha minn meta akkwistaha fl-2017. Skont l-iskema tax-xiri ta’ passaporti tant ikkritikata, min ikun bi ħsiebu jixtri passaport irid jiddikjara li għandu “rabta ġenwina” ma’ Malta, jew billi jixtri propjetà jew inkella billi jidħol għal kirja ta’ eluf ta’ Ewro fis-sena. 

Ma jissemma xejn fid-dikjarazzjoni tad-dħul

Barra minn hekk, id-dħul mill-kera, il-Prim Ministru Abela ma semmihx fid-dikjarazzjoni tad-dħul.

Skont il-liġi, dan id-dħul Abela ma kienx ikollu għalfejn jiddikjarah, kieku l-kuntratt oriġinali ikun irreġistrah għand l-awtorità tat-taxxi, u jkun ħallas il-15% fuq id-dħul kollu.

Imma s’issa l-prim ministru għadu ma qalx jekk dan il-kuntratt għall-kirja irreġistrahx (għand l-awtoritajiet tat-taxxa) u jekk ħallasx it-taxxa fuq id-dħul.

The Shift ra d-dikjarazzjoni tad-dħul għall-2019 li għamlu Robert Abela u martu: iddikjaraw kważi 7,000 Ewro fil-ġimgħa ġejjin mill-kumpannija legali tagħhom. Imma naqqsu terz minn dan id-dħul minħabba li qalu li kienu “spejjeż involuti”: għalhekk għamlu profitt ta’ 227,254 Ewro, jew 4,370 Ewro fil-ġimgħa. 

Sa qabel ma sar prim ministru, Abela kien qed jaqla’ kważi 19,000 Ewro fix-xahar (wara li titnaqqas it-taxxa), il-parti l-kbira minnhom ġejjin mill-PA.

Id-dikjarazzjoni tad-dħul ta’ Robert Abela għas-sena 2019

Abela ma ddikjara l-ebda dħul ieħor, la minn kera u lanqas mill-profitti fuq spekulazzjoni tal-propjetà, li seta’ għamel bi sħab ma’ ħaddieħor, inkluż il-Manaġing Director ta’ Bonnici Brothers.

Meta sar prim ministru, id-dħul Abela naqaslu għal 60,000 Ewro fis-sena – dan huwa s-salarju ta’ prim ministru ta’ Malta.

Skont id-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2018, Abela u martu rreġistraw profitt ta’ kważi 2,500 Ewro fil-ġimgħa. Imma d-dħul tagħhom kien ħafna iktar minn hekk, għax iddikjaraw ukoll li għal dik is-sena kellhom 157,000 Ewro spejjeż li naqqsuhom mid-dħul tagħhom.

Għal dik is-sena, Abela ma ddikjara l-ebda dħul ieħor ħlief l-onorarjum tiegħu ta’ 23,176 Ewro bħala membru parlamentari. 

 

Id-dikjarazzjoni tad-dħul ta’ Robert Abela għas-sena 2018

Fis-sena 2017, l-ewwel darba li Abela kien elett għall-parlament, il-prim ministru ddikjara dħul veru baxx mill-professjoni tiegħu, għax iddikjara li qala’ biss 36,000 Ewro wara li, minn dak li qala’ b’kollox,  naqqas 88,000 Ewro spejjeż. 

Min kien veru jaqla’ l-flus dik is-sena, kienet martu Lydia, imsieħba fil-kumpannija legali tiegħu, għax għall-2017 iddikjarat li daħħlet kważi 150,000 Ewro.

Id-dikjarazzjoni tad-dħul ta’ Robert Abela għas-sena 2017

Apparti l-ewwel onorarjum tiegħu bħala membru parlamentari ġdid, Abela kien ukoll iċ-Chairman ta’ Casma Ltd – kumpannija tal-gvern li timmaniġġja l-propjetà f’isem il-gvern, pożizzjoni oħra li tahielu l-prim ministru ta’ qablu Joseph muscat.

Aktar ġid mingħajr spjegazzjoni

Matul din il-kampanja elettorali tqajmu punti oħra dwar il-ġid ta’ Robert Abela li m’għandniex spjega għalih, kif ukoll dwar kwistjonijiet suspettużi oħra li għandhom x’jaqsmu maż-żmien qabel ma sar prim ministru.

Il-familja Abela għandha portafoll ta’ propjetà li tiswa ħafna miljuni, imma fl-istess ħin m’għandha l-ebda self mill-bank. Għandhom penthouse kbira Marsascala, faċċata tal-baħar (fejn joqogħdu bħalissa), villa kbira ta’ tomnejn iż-Żejtun, stmata li tiswa iktar minn 2 miljun Ewro, kif ukoll farmhouse kbira x-Xewkija, Għawdex. Barra minn hekk, il-familja Abela tgħaddi s-sajf fuq yacht Azimuth

Abela s’issa rrifjuta li jagħti d-dettalji dwar r-relazzjonijiet tiegħu ma’ wieħed mill-klijenti tiegħu Christian Borg, akkużat b’ diversi atti kriminali, inkluż il-ħtif ta’ persuna.

Abela qed jirrifjuta wkoll li jippubblika r-rapport tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni dwar l-istima tal-prezz li ħallas biex xtara l-propjetà tiegħu ż-Żejtun, u qed jinsisti li ħallas biss 600,000 Ewro, prezz  li l-aġenti tal-propjetà jgħidu li huwa baxx wisq u bil-kbir.

Il-Kummissarju qed jirrifjuta li jgħid jekk sarux il-kontrolli li kien hemm bżonn skont il-liġi. 

U fil-frattemp, l-Awtorità tal-Ippjanar, li lill-koppja Abela kienet qed tħallashom mill-inqas 17,000 Ewro fix-xahar, qed tirrifjuta li tippubblika l-pagamenti kollha li saru lill-prim ministru fis-snin li għaddew.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Critics slam St John’s €70,000 crib, question authenticity, personal interests
Experts in Malta’s cultural heritage, art, and baroque architecture
‘Super CEO’ lists meetings with chef, patissier to justify free cruise with wife
Pierre Fenech, the government-appointed CEO of the Institute for

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo