
Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-Prim Ministru Robert Abela. Ritratt: id-DOI
It-tobba tas-servizz pubbliku huma mħallsa mit-taxxi tan-nies.
This article is available in English.
Il-ftehim kollettiv attwali li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ madwar 1,600 tabiba(a) li jaħdmu fis-settur pubbliku se jibqa’ “sigriet”, għax skont il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-pubblikazzjoni tiegħu “mhijiex fl-interess pubbliku”.
Il-ftehimiet kollettivi, b’mod partikolari dawk relatati mas-settur pubbliku, ħafna drabi jkunu dokumenti pubbliċi. Mhuwiex ċar eżattament għalfejn mhuwiex dokument pubbliku dan il-ftehim bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-ministeru tas-saħħa.
The Shift għamel Talba tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) għall-aħħar ftehim dwar is-salarji u l-allowances imħallsa lit-tobba tas-servizz pubbliku tas-saħħa, iżda din ġiet rifjutata.
Skont il-ministeru tas-saħħa, jekk dan il-ftehim ikun magħruf minn ħaddieħor, inkluż minn trade unions fis-settur tas-saħħa, “jista’ jkun hemm effetti negattivi sostanzjali fuq it-twettiq tan-negozjati, fosthom kummerċjali u industrijali.”
“Peress li dawn il-ftehimiet huma mmirati għal udjenza speċifika u għal fini speċifiku, din il-materja xxaqleb lejn il-kunfidenzjalità aktar milli lejn l-interess pubbliku,” qal il-gvern.
The Shift ressaq ilment biex ireġġa’ lura din il-pożizzjoni għax il-ftehimiet kollettivi l-oħrajn li jinvolvu lis-settur pubbliku huma disponibbli għan-nies. Peress li t-tobba jitħallsu mit-taxxi tan-nies, hu fl-interess tagħhom li jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.
Meta tkellmu ma’ The Shift bil-kunfidenzjalità, bosta professjonisti mediċi qalu li l-kontenut tal-aħħar ftehim kollettiv, iffirmat mill-MAM għall-2022-2026, hu sigriet mgħasses sew.
“Lanqas it-tobba m’għandhom kopja ta’ dan id-dokument!” qalulna.
“Jekk tabib irid jiċċekkja l-kundizzjonijiet tal-impjieg tiegħu, ikollu jmur l-uffiċċji tal-MAM u jara kopja fiżika ta’ dan il-ftehim. U ma jingħatax kopja tiegħu,” qalulna.
Sorsi spjegawlna li l-gvern irid dan il-livell ta’ segretezza għax jibża’ li l-union tal-infermeira u l-qwiebel (MUMN) tuża l-kundizzjonijiet mogħtija lit-tobba bħala ingranaġġ fin-negozjati tagħha u fir-rikjesti tagħha.
“Hemm differenza kbira bejn il-professjoni ta’ tabib u ta’ nurse, u l-argument tal-gvern hu dgħajjef. Madankollu l-Ministru Fearne “ikun anzjuż kull darba li jiltaqa’ ma’ Paul Pace tal-MUMN, li hi r-raġuni vera għal din is-segretezza kollha,” qalilna tabib veteran.
Dan l-aħħar il-President tal-MUMN Paul Pace ingħata sempliċiment tbeżbiża mill-Ministeru tas-Saħħa minkejja li inkjesta sabitu ħati li ħa eluf tal-ewro minn fondi pubbliċi għal sahra li m’għamilx, inkluż għal sigħat meta kien barra mill-pajjiż fuq btala.
Filwaqt li l-każ ta’ Pace kellu jwassal għat-tkeċċija tiegħu, il-bord tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku tah sospensjoni ta’ ħamest ijiem.
Pace u oħrajn involuti qed jiġu investigati mill-pulizija talli użaw ħażin il-fondi pubbliċi. Minkejja l-evidenza u s-sejbiet tal-kummissjoni, il-Kummissarju tal-Pulizija Anġlu Gafà għadu sal-lum ma ressaq l-ebda akkuża. Lanqas il-Kunsill Eżekuttiv tal-MUMN ma ħa passi meta ġie magħruf dan l-għemil ħażin ta’ Pace.
Sign up to our newsletter Stay in the know
"*" indicates required fields