Opinjoni: Meta l-mistħija tmut

Il-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi għallimna li l-mistħija taqdi funzjoni demokratika kruċjali – u kemm hu perikoluż min m’għandux żejt f’wiċċu.

Il-Kummissarju għawweġ kull prinċipju tal-ġustizzja biex jeżonora lil Rosianne Cutajar li assolutament ma tafx tistħi. Kontra kull raġuni, iddeċieda li ma kienx se jinvestigaha, u allura firex it-tapit biex Cutajar tkun tista’ tkompli timbotta aktar dikjarazzjonijiet foloz dwar l-innoċenza tagħha, u taha iżjed ħatab biex tixħtu fin-nar kontra l-kritiċi tagħha.

Nhar il-21 ta’ Marzu 2023, Mark Camilleri ħareġ iċ-chats tant magħrufa tagħha. Jispikka fosthom hemm wieħed mill-messaġġi:“X’jimpurtanti. Nidħol konsulenta l-ITS ma’ Pierre, indaħħal paga oħra. La kulħadd jitħanżer.

Jumejn wara, The Shift ippubblika l-kuntratt tagħha mal-ITS u żvela li Cutajar naqset milli tiddikjara l-konsulenza tagħha.

Erbat ijiem wara, imbagħad, Dr Robert Aquilina, il-President tal-għaqda Repubblika, ilmenta dwar Cutajar mal-Kummissarju għall-Istandards.

Il-Kummissarju għall-Istandards minnufih beda jipprova jsib modi kif jista’ jeħlishielha ħafif. Kiteb lis-CEO tal-ITS Pierre Fenech biex jistaqsih jekk il-kuntratt ta’ Cutajar, ippubblikat minn The Shift, kienx ġenwin. Fenech wieġeb li iva kien ġenwin. Infatti dan kien ġie żvelat wara talba tal-libertà tal-informazzjoni (FOI).

Fenech ikkonfermalu li Cutajar tħallset €27,000 fis-sena bejn it-2 ta’ Mejju 2019 u January 2020, meta Robert Abela ħatarha segretarja parlamentari. Madankollu Cutajar lanqas biss indenjat tikteb lis-CEO biex tirreżenja mill-kariga tagħha fl-ITS. Minflok, is-CEO Pierre Fenech ċemplilha biex jifirħilha għall-ħatra l-ġdida tagħha, u hemmhekk “infurmatni… li ovvjament ma setgħetx tkompli bir-rwol tagħha mal-ITS, u għalhekk aħna tterminajna l-kuntratt skont il-prassi normali.”

Hawn hu l-qerq li jopera bih il-Labour – l-ebda ittra ta’ riżenja mingħand Cutajar, l-ebda dikjarazzjoni bil-miktub xi mkien — sempliċiment telefonata u daqsxejn taħdita amikevoli bejn il-ħbieb. U allura jkollna noqogħdu fuq il-kelma ta’ Pierre Fenech fuq kif ġraw l-affarijiet.

Il-Kummissarju Azzopardi issa kellu problema. Lil Cutajar l-ITS kien ħallasha eluf tal-ewro, iżda d-dikjarazzjoni ffirmata minn Cutajar fir-reġistru tal-interessi tal-membri parlamentari ma kinitx issemmi l-konsulenza tagħha mal-ITS. U Robert Aquilina kellu raġun.

Anki l-Kummissarju kellu bilfors jammetti li “l-Onor. Cutajar kienet obbligata tiddikjara l-kuntratt tal-impjieg tagħha, id-data tal-iffirmar u d-data tat-terminazzjoni tiegħu.” Iżda dan ma sarx u għalhekk kienet kisret il-kodiċi tal-etika bl-aktar mod ċar.

Madankollu l-Kummissarju mhuwiex interessat li jasal għall-ġustizzja. Ried biss li jiskansahielha lil Cutajar, irrispettivament mill-gravità tal-ksur tagħha.

U għalhekk beda jgħarrex biex isib l-aktar skuża patetika ħalli jabbanduna l-investigazzjoni.“Ilment għandu jingħata l-ġenb jekk ma jsirx fi żmien 30 jum tax-xogħol mill-jum meta l-ilmentatur ikun sar jaf bil-fatt li wasslu għall-ilment, jew fi żmien sena minn meta seħħ il-fatt li wassal għall-ilment, skont liema minnhom tiġri l-ewwel.” Kemm hi konvenjenti.

Robert Aquilina u kulħadd – ħlief Rosianne Cutajar u Pierre Fenech – ma setgħux ikunu jafu bil-konsulenza ta’ Cutajar mal-ITS. Kienet inżammet mistura u ħarġet fid-dominju pubbliku biss meta Mark Camilleri kien żvela dawk iċ-chats.

Robert Aquilina kien sar jaf li Cutajar naqset milli tiddikjara dan kollu meta kixfuh The Shift, jiġifieri nhar it-23 ta’Marzu 2023, u ressaq l-ilment tiegħu erbat ijiem wara, jiġifieri żgur fit-30 jum speċifikati fl-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Iżda din ma kinitx importanti għall-Kummissarju. Azzopardi ddikjara li billi Cutajar għamlet id-dikjarazzjoni parlamentari fl-2020, u l-ilment sar fl-2023 meta Aquilina sar jaf bil-ksur ta’ Cutajar, Azzopardi ma kienx se jinvestiga.

Bħallikieku saret xi rebħa kbira, il-Kummissarju ddikjara li “għaldaqstant l-Uffiċċju tiegħu kien iddeċieda li m’hemmx bażi biex tkun tista’ ssir l-investigazzjoni ta’ dan l-ilment.” “Dan id-dokument jirrappreżenta d-deċiżjoni li mhi se ssir l-ebda investigazzjoni… u għalhekk dan id-dokument mhuwiex se jiġi ppubblikat.”

Mhux biss il-Kummissarju rrifjuta bl-aktar mod diżonest li jinvestiga l-ksur sfaċċat tagħha, iżda huma żguraw li ħadd ma jsir jaf dwar dan. Kieku ma kinitx Repubblika, dak ir-rapport ma kien qatt jara d-dawl.

Il-Kummissarju jidher imbarazzat għall-aħħar, bħallikieku l-unika riga morali li juża hija dik li tah il-Labour. Il-mistħija għandha tkun il-brejk regolattiv li jwaqqaf lil dak li jkun milli jaqdi l-interessi personali.

Minflok, bl-aktar mod disturbanti, il-Kummissarju issa qed jeħodha d-drawwa li joħroġ deċiżjonijiet oxxeni maħsuba biss biex jakkomodaw lil-Labour, li kien hu li tah din il-kariga. Mhux ta’ b’xejn li Robert Abela ċaqlaq il-lasti bil-mekkaniżmu anti-deadlock biex ikun jista’ jaħtru.

Rosianne Cutajar minnufih ħatfet l-opportunità tad-deheb li taha l-aġir oxxen ta’ Azzopardi u qaltilna, “Illum ircivejt ittra mingħand il-Kummissarju tal-Istandards fejn infurmani li mhux ħa jkompli jinvestiga allegazzjoni li saret kontrija… Hu ddeċieda li l-każ hu issa magħluq.”

Kien kumment abbużiv ieħor kontra dawk li qed jistinkaw għall-ġustizzja, “Dan kien tentattiv ieħor mill-istess kukkanja ta’ nies li b’mod sistematiku attakkawni b’mod aggressiv fuq livell politiku u personali biex ibegħduni mill-attiviżmu politiku u Laburist tiegħi.”

ONE kompla jonfoħ in-narrattiva tagħha. L-istazzjon Laburista tkellem fuq “allegazzjoni dwar konsulenza mal-ITS lura fl-2019”. Din ma kinitx allegazzjoni. Din kienet ikkonfermata b’kuntratt iffirmat u mis-CEO tal-ITS Pierre Fenech stess. Li Cutajar naqset milli tiddikjara l-konsulenza tagħha wkoll hu fatt, u daqstant ieħor hu fatt li kisret il-kodiċi tal-etika.

Il-konsulenza lil Cutajar aktarx kienet impjieg fantażma ieħor, u fiċ-chats ma’ Yorgen Fenech ammettiet li l-motivazzjoni vera tagħha biex titlob dan il-kuntratt kienet biex tieħu paga oħra.

Aktarx hi qatt ma għamlet xogħol b’rabta ma’ dan – għallinqas ma ngħatat l-ebda evidenza li sar xi xogħol. U l-Kummissarju rrifjuta li jistħarreġ dan, infatti fir-rapport mhux ippubblikat tiegħu qalilna, “dan ma ssemmiex fl-ilment” u “din il-materja ma taqax strettament fil-parametri ta’ dan l-uffiċċju.”

Din mhijiex l-ewwel darba li lil Cutajar ħelsuhielha ħafif. Robert Abela neħħieha mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex jevitalha sanzjoni umiljanti mill-Assemblea.

Madankollu issa, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) irrapporta li l-impjieg fantażma ta’ Rosianne Cutajar għallem lezzjoni importanti lill-Kummissarju. L-NAO kien kategoriku – il-konsulenza ta’ Cutajar kienet frawdulenti u irregolari.

L-NAO ma sab prattikament l-ebda evidenza li hi kienet għamlet xi xogħol, u kkonkluda li ma kinitx kompetenti fl-impjieg li ngħatat. Inkisru r-regoli kollha biex inħoloq impjieg għaliha li ma kienx hemm bżonnu.

Jekk l-iskansament tal-Kummissarju għall-Istandards kien maħsub biex Cutajar tingħata salvawomu ieħor biex forsi tirxoxta l-karriera politika tagħha, l-NAO issa għalaq il-bibien għalkollox.

Filwaqt li l-aġir imnawwar tal-Kummissarju għall-Istandards kien donnu qata’ qalb in-nazzjon tagħna u tellef kull tama li qatt jista’ jkollna xi setgħa kontra t-tirannija tal-impunità, ftit jiem wara, l-NAO reġa’ xegħel tama ġdida lin-nazzjon tagħna. Mgħammar bil-fatti u bl-evidenza, l-NAO xejjen għalkollox il-kliem fieragħ, il-gideb u l-qerq ta’ Rosianne Cutajar.

Cutajar għamlet biżżejjed ħsara lil pajjiżna. Malta xebgħet sa mneħirha tara dan il-ħmieġ imbarazzati.

Il-poplu jista’ biss joqgħod jara dan kollu mingħajr tama li qatt jista’ jikseb xi setgħa kontra din it-tirannija tal-impunità.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Paul Bonello
Paul Bonello
1 year ago

Ghal Rosianne jghodd li ma tafx tisthi; ghal Azzopsrdi, ex Prim Imhallef ghal wiccna, tghodd l espressjoni li hu bls spina

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo