L-offerent rakkomandat għal €600 miljun inċineratur kien investigat fi Franza fl-2022

Is-CEO tal-konsorzju Paprec Jean-Luc Petithuguenin ġie mressaq fi Franza s-sena l-oħra fuq 'xamma ta' korruzzjoni' u 'favuri'

 

Is-CEO tal-kumpanija Franċiża li tagħmel parti mill-konsorzju Franċiż Malti li qed jiġi rakkomandat biex jingħata l-kuntratt ta’ €600 miljun għall-faċilità tal-inċineratur tal-Magħtab li se tbiddel l-iskart f’enerġija, is-sena l-oħra kien qed jiġi investigat fuq korruzzjoni mill-Qorti ta’ Pariġi.

Il-konsorzju Franċiż imsejjaħ Paprec Energies, li l-Grupp Bonnici għandu sehem ta’ 40% fih, għeleb lil żewġ offerenti oħra minkejja ‘l-iżbalji’ tal-gvern li kkompromettew is-sejħa għall-offerti, u b’hekk issa assigura postu biex jiġi rakkomandat bħala l-offerent il-magħżul biex jibni dan l-impjant u jħaddmu għal 20 sena.

Is-CEO ta’ Paprec, Jean-Luc Petithuguenin, kien qed jiġi investigat formalment mill-Qorti Franċiża s-sena l-oħra fuq “xamma ta’ korruzzjoni” u “favuri”. Ibnu, Sébastien Petithuguenin, ħa f’idejh ir-riedni tal-kumpanija għal ftit żmien sakemm Jean-Luc reġa’ sab postu mill-ġdid fit-tmexxija tat-taqsima internazzjoni ta’ Paprec.

Is-sejħa għall-offerti li ħareġ il-gvern, u li għall-ewwel kienet għal proġett ta’ €400 miljun, sfat kompromessa f’Ġunju li għadda meta l-gvern ippubblika ‘bi żball’ offerti finanzjarji sensittivi tal-offerenti fi żmien meta d-djalogu kompetittiv kien fl-aqwa tiegħu.

Wara l-pubblikazzjoni tad-dejta, il-konsorzju Paprec-Bonnici ppreżenta l-aktar offerta kompetittiva għall-kuntratt minn fost it-tliet offerenti finalisti.

Fis-sottomissjoni finali, li ġiet evalwata u negozjata minn kumitat tal-evalwazzjoni maħtur mill-gvern, il-prezz aħħari tal-konsorzju Paprec-Bonnici kien ftit miljuni tal-ewro inqas mill-prezz indikat fil-bidu ta’ €617-il miljun.

Iż-żewġ offerenti l-oħra, Magħtab Ġdid Enerġija Nadifa u Sacyr Industrial Operacion, f’Lulju li għadda għamlu għażla tal-aħħar minuta li jieqfu mill-proċess u dan minkejja li fil-bidu kienu għamlu offerti orħos. Sorsi mill-industrija qalu lil The Shift li dik il-mossa jaf kienet minħabba fużjonijiet ta’ kumpaniji internazzjonali jew inkella għax “xammewha tinten l-affari”.

Il-Grupp Bonnici m’għandu l-ebda esperjenza fin-negozju kumpless tal-inċinerazzjoni u għandu rabtiet mill-qrib mal-Prim Ministru Robert Abela, peress li d-direttur maniġerjali Gilbert Bonnici kien sieħeb Abela f’biċċa negozju tal-kostruzzjoni fl-Iklin.

Il-Grupp kien ukoll klijent tad-ditta legali privata ta’ Abela u kiseb miljuni tal-ewro f’direct orders.

Fil-frattemp Paprec, il-kumpanija Franċiża li tispeċjalizza fit-trattament, fl-irkupru u fir-riċiklaġġ tal-iskart, ħadet daqqa ta’ ħarta meta s-CEO tagħha Jean-Luc Petithuguenin kien tressaq il-Qorti f’Mejju 2022 fuq suspetti ta’ “korruzzjoni” u “favuri”. Il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi poġġietu taħt superviżjoni ġudizzjarja bħala parti minn investigazzjoni li tmur lura għall-2020.

Permezz ta’ stqarrija għall-istampa f’Ġunju 2022, il-Bord ta’ Paprec kien ħabbar li s-subien ta’ Jean-Luc Petithuguenin, Sébastien u Mathieu, kienu qed jinħatru CEO u deputat CEO rispettivament. Imbagħad f’intervista dak ix-xahar stess, missierhom Jean-Luc kien qal li l-investigazzjoni kiellha x’taqsam mal-għoti ta’ żewġ kuntratti pubbliċi fi Franza u ċaħad li kien involut f’xi allegati korruzzjoni jew favuri li wassluh għall-għoti tal-kuntratti. Sa Awwissu 2022 reġa’ sab postu fit-tmexxija bħala s-CEO tat-taqsima internazzjonali ta’ Paprec.

Minkejja l-wegħdi tal-gvern Malti li kien se jagħmel limiti fuq kemm tittieħed art tar-raba’ saqwi fil-Magħtab, il-proġett approvat tal-inċineratur kien ifisser li l-bdiewa li tant kien ilhom jaħdmu dik l-art għammiela kellhom bilfors jitilqu.

L-impjant il-ġdid hu parti mill-proġett imsejjaħ ECOHIVE u mistenni jipproċessa 192,000 tunellata ta’ skart mhux riċiklabbli fis-sena biex isir enerġija ‘nadifa’. Il-Wasteserv kienet ħabbret ukoll li fiż-żmien ta’ wara kienet se toħroġ żewġ sejħiet għall-offerti “kbar” oħra, waħda għal impjant ġdid tal-ipproċessar organiku ffinanzjat mill-UE, u l-oħra għal Faċilità SMF għall-Immaniġġjar tal-Iskart Goff.

Il-pjanijiet tal-inċineratur diġà ddewmu bosta snin, filwaqt li l-Wasteserv ġarrbet ħemel ta’ riżenji minn fost l-aktar professjonisti veterani fi ħdanha minn kemm ilha titmexxa mis-CEO Richard Bilocca, u dan kollu jerġa’ joħroġ aktar fil-beraħ l-immaniġġjar ħażin kontinwu tas-settur tal-iskart u tal-enerġija f’Malta.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo