Minkejja li ħames snin ilu, il-poplu Malti kien imwiegħed faċilità ġdida għall-kura tas-saħħa u xogħol estensiv ta’ modernizzazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli, minn dan ftit li xejn sar u għalhekk qed jiżdied it-tħassib dwar l-impenn tal-gvern Malti għas-servizzi tas-saħħa mentali.
Fid-diskors tal-baġit ta’ sentejn ilu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal li “fis-snin li ġejjin” kien se jinbena sptar għall-kura psikjatrika akuta li kellu jintrabat mal-Isptar Mater Dei b’mina taħt il-bypass ta’ Birkirkara.
Il-faċilità, li ħafna minnha kien mistenni jiġi ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, kienet issemmiet l-ewwel darba mill-eks ministru għas-saħħa Godfrey Farrugia fl-2013 u mbagħad kienet ġiet imwiegħda darba darbtejn fil-manifesti elettorali tal-Partit Laburista tal-2017 u tal-2022.
Iżda sal-lum fl-2023, l-ebda pjan għadu ma tressaq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għall-permess meħtieġ.
Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo l-ġimgħa l-oħra, Fearne ippubblika mappa li turi li l-faċilità, mifruxa fuq 8,400 metru kwadru, se tinbena fi Triq Dun Karm u Triq is-Swatar, faċċata eżatt tal-Isptar Mater Dei.
The Shift fittex fis-server tal-Awtorità tal-Ippjanar u ma sab l-ebda rekord ta’ xi proġett ta’ dan it-tip, u dan jixhed li l-proġett għadu fl-infanzja tiegħu.
Il-proġett tat-titjib qed jieħu fit-tul u jħalli ħafna barra
Il-faċilità l-ġdida hija maħsuba biex tikkumplimenta l-Isptar Monte Carmeli li l-faċilitajiet tiegħu għadhom mhumiex adegwati minkejja l-pjan “mill-aqwa” ta’ ħames snin għal modernazzjoni, li kellu jitlesta sas-sena l-oħra.
Ritratti li kiseb The Shift tal-kmamar u l-kurituri tal-Isptar Monte Carmeli juru li l-infrastruttura tal-isptar għandha mhix adegwata, bi xbieki tal-ħadid fis-soqfa mikxufin, żebgħa mqaxxra, art maqlugħa, wajers esposti u għamara qed taqa’ biċċiet.
Fil-frattemp, l-Isptar Monte Carmeli jibqa’ l-unika faċilità f’Malta speċjalizzata fil-kura tas-saħħa mentali sakemm tinbeda u titlesta l-faċilità l-ġdida. Fearne u s-CEO tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi Carmen Ciantar kienu qalu fil-passat li din il-faċilità kellha ssirilha l-modernizzazzjoni.
Fi Frar 2018, f’kummenti lit-Times, Ciantar kienet qalet li l-infrastruttura fl-Isptar [Monte Carmeli] hija antikwata u mhix adegwata, u li l-mira issa hi li jsir titjib fil-binja bl-aqwa standards. Kienet semmiet ukoll dan il-pjan ta’ ħames snin li kellu jittrasformaha f’faċilità “mill-aqwa”.
Fi tmiem Mejju, meta feġġew allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-midja Pakistana, Ciantar kienet ħabbret li kienet qed ‘tissospendi lilha nnifisha’ filwaqt li ċaħdet bil-qawwa kull dikjarazzjoni. Ix-xahar li għadda reġgħet poġġiet lilha nnifisha fil-kariga bħala CEO, bi ksur tar-regoli tal-FMS.
Pjan ta’ ħames snin
Wara talba għal-libertà tal-informazzjoni, The Shift kiseb il-pjan ta’ ħames tal-FMS, u dan juri li r-rinovazzjonijiet fis-swali tal-faċilità suppost kellhom jitlestew is-sena l-oħra.
Il-plan, li analizza l-adegwatezza ta’ Monte Carmeli, jirrapporta li ċerti żoni fl-isptar huma “perikolużi strutturalment”. Enfasizza wkoll li “ma kienx hemm sistema strutturali ta’ modernizzazzjoni” u li l-età tal-binja, mibnija fl-1861, u l-kundizzjoni tagħha “jagħmluha impossibbli li tingħata l-kura mitluba skont standards moderni tal-kura psikjatrika.”
It-talba FOI ta’ The Shift talbet għal rendikont dettaljat u sħiħ ta’ xi ntefaq fuq il-modernizzazzjoni ta’ Monte Carmeli u liema xogħol għadu pendenti. Il-ministru għas-saħħa qal li ma setax iwieġeb dawk il-partijiet tat-talba għax dan ixekkel l-amministrazzjoni effiċjenti tal-ordni pubbliku.
Skont rapport tal-Awditur Ġenerali ppubblikat lejn l-aħħar tal-2022 sab li kien sar xi progress fejn tidħol ir-rinovazzjoni, u li xi xogħlijiet strutturali kienu qed isiru f’aktar minn nofs is-swali tal-isptar. Madankollu, l-Awditur innota bi tħassib l-istat tal-bqija tas-swali li mill-2018 sal-lum, skonthom, għadhom ħafna minnhom f’kundizzjoni ħażina.
Ċekknu l-proġett baxx baxx
Filwaqt li x-xogħlijiet kienu għaddejjin, f’Ġunju 2023 il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li Malta kienet ċekknet ir-rinovazzjoni ta’ Monte Carmeli, ħaġa li l-gvern Malti qatt ma qal pubblikament.
F’dikjarazzjoni dwar il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRF) modifikat ta’ Malta, apparti t-tnaqqis fil-fondi allokati għan-rinovazzjonijiet, qed jiġi ppjanat ukoll li jitnaqqsu l-fondi marbuta mad-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-saħħa.
Il-bidliet saru flimkien mar-reviżjoni li tnaqqas l-allokazzjoni tal-għotjiet tal-RRF tal-UE minn €316 miljun għal €258 miljun minħabba “l-eżitu ekonomiku komparattivament aħjar ta’ Malta fl-2020 u fl-2021 milli kien imbassar.”
Il-piżijiet fuq is-servizzi tal-kura mentali u tal-kura tas-saħħa pubblika f’Malta ilhom bosta snin jiżdiedu u jittaqqlu.
Fl-għodwa tat-Tnejn, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza dwar il-ftehim multibiljunarju dubjuż tal-2015 li għadda tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare u lil Steward Health Care għad-detriment tal-poplu Malti.
Il-Qorti qalet li l-evidenza “tikkonferma s-suspett li l-intenzjoni wara din il-konċessjoni ma kinitx it-titjib tal-kura tas-saħħa iżda strument li bih il-flus ingħaddew mill-but tal-pajjiż għal ġol-but ta’ VGH u Steward.”
Fil-frattemp, The Shift irrapporta kif il-prattikanti ġew sfurzati jaħdmu minn sit tal-kostruzzjoni u minn sptar ġenerali ffullat, u qed ikollhom jaħdmu bi skarsezzi kontinwi fil-mediċini f’sistema tas-saħħa “burokratika” u “miżgħuda kunflitti”.