Jitreġġgħu lura għat-tortura: Il-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja tirrakkonta l-ġrajja tal-immigranti li ħaduhom lura

Il-missjoni tgħid li d-detenuti jittrattawhom ħażin, jissottomettuhom għall-vjolenza sesswali, għat-tortura jew għal prattiċi sesswali sfurzati bi tpartit mal-ilma, mal-ikel jew ma’ ħwejjeġ oħra essenzjali.

 

This article is available in English

Skont dak li ppubblikat il-Missjoni tal-Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja, fl-ewwel xahrejn ta’ dis-sena biss, kien hemm iżjed minn 3,000 immigrant irregolari, fosthom mijiet ta’ nisa u tfal, li kienu qed jippruvaw jaħarbu mil-Libja lejn l-Ewropa, u minflok, interċettawhom u ħaduhom lura l-Libja.

U Malta hija implikata f’din il-prattika verament kontroversjali, kemm għax saru l-akkużi kontra l-gvern u l-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll għax fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jinżammu d-drones sofistikati tal-Frontex kif ukoll l-ajruplani.

B’dawn l-operazzjonijiet, qed jippattuljaw il-Mediterran ċentrali biex jilmħu d-dgħajjes telqin mil-Libja, imbagħad lill-awtoritajiet Libjani jagħtuhom il-koordinati tagħhom. Id-dgħajjes  dawn jaqbduhom, u lil dawk li kienu qed ifittxu l-ażil, jieħduhom lura għad-detenzjoni fil-Libja.

Skont ir-rapport tal-UNSMIL, dawn l-immigranti u rifuġjati li żbarkaw fil-portijiet Libjani li l-aġenziji umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom aċċess għalihom, jirċievu ħwejjeġ bażiċi għal sostenn ta’ emerġenza, kif ukoll xi servizzi tal-kura tas-saħħa u l-protezzjoni.

Imma mbagħad iżżid tgħid: “Il-parti l-kbira tal-immigranti jittrasferuhom f’ċentri tad-detenzjoni li dawn l-aġenziji m’għandhomx aċċess regolari għalihom.”

U hawn fejn l-affarijiet jibdew sejrin għall-agħar għal dawn l-immigranti irregolari li mingħalihom kienu biss pass ‘il bogħod mill-Ewropa.

Il-UNSMIL qalet li qed tkompli tirċievi r-rapporti dwar persuni li jisparixxu, u dwar detenzjoni arbitrarja għal tul ta’ żmien, kemm ta’ Libjani kif ukoll ta’ dawk li mhumiex Libjani, fil-ħabsijiet u fiċ-ċentri ta’ detenzjoni madwar il-pajjiż.

“Il-Missjoni kompliet tirċievi rapporti konsistenti dwar irġiel u nisa miżmuma fl-inħawi kollha tal-Libja, sottomessi għal trattament ħażin, għall-vjolenza sesswali, għat-tortura jew għal prattiċi sesswali sfurzati bi tpartit mal-ilma, mal-ikel jew ma’ ħwejjeġ oħra essenzjali.”

Il-UNSMIL osservat ukoll dak li ddeskriviet bħala “żieda inkwetanti” fid-detenzjoni ta’ immigranti tfal, bi ksur tal-obbligi li għandu l-pajjiż skont il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.

U tkompli tgħid li ħafna minn dawn it-tfal detenuti huma vittmi wkoll tat-traffikar u tal-abbuż.

Il-Missjoni irrappurtat li vverifikat 24 każ ta’ tfal li nsterqu mis-Sudan: hemmhekk kienu rreġistrati bħala individwi qed ifittxu l-ażil, imma mbagħad sfaw ittraffikati lejn il-Libja.

Il-moniteraġġ tal-UNSMIL wera li dawn it-tfal “issottomettewhom għal iktar vjolazzjonijiet tad-drittijiet umani tagħhom fil-Libja, inkluż ix-xogħol sfurzat u mingħajr ħlas f’kampijiet militari”.

Kien hemm 60 minn dawn it-tfal immigranti u refuġjati li qed jinżammu b’mod arbitrarju fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Shari’ al-Zawiya “bl-ebda tama li jinħelsu”.

Il-Missjoni irreferiet speċifikament ukoll għall-każ meta reċentement f’Kufrah, id-Dipartiment għall-Ġlieda kontra l-Immigrazzjoni Illegali, keċċa iktar minn 400 immigrant u individwi li kienu qed ifittxu l-ażil, fosthom nisa u tfal, il-parti l-kbira minnhom ġejjin miċ-Chad u mis-Sudan.

Il-UNSMIL innotat li l-organizzazzjonijiet internazzjonali ma ngħatawx aċċess għal din il-faċilità, u rrappurtat li “Qabel ma tkeċċew, dawk detenuti, skont ma ġie rrappurtat, issottomettewhom għat-traffikar, għat-tortura, għall-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru kif ukoll għall-estorsjoni, u kienu qed ibatu minn mard serju għax ma kellhomx aċċess għall-kura bażika tas-saħħa.”

Fil-bidu ta’ Marzu, l-għadd ta’ immigranti miżmuma fiċ-ċentri ta’ detenzjoni mħaddma mill-gvern, kien ta’ 3,817. Minn dawn, 913, li jiġu 24 % minnhom, il-UNHCR ikklassifikathom bħala persuni li potenzjalment tinkwieta dwarhom.

Il-parti l-kbira ta’ dawn id-detenuti kienu qed jinżammu Tripli f’Ayn Zarah (1,875 individwu), waqt li kien hemm oħrajn li kienu qed jinżammu fil-Lvant tal-pajjiż (1,119-il individwu), fin-Nofsinhar (100 individwu) u fil-Punent (79 individwu).

In-Nazzjonijiet Uniti baqgħet tirċievi r-rapporti dwar mijiet ta’ immigranti u refuġjati detenuti u sottomessi għall-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem f’faċilitajiet li jmexxuhom il-gruppi armati.

Fil-fatt, il-Missjoni tikkwota sorsi varji li juru “li hemm mat-tnax-il elf individwu ieħor, fosthom immigranti u dawk li qed ifittxu l-ażil, u dawn qed jinżammu f’postijiet ta’ detenzjoni mhux uffiċjali kkontrollati mill-milizja u mill-gruppi armati”.

Muscat u Abela akkużati quddiem l-ICC li reġġgħu lura l-immigranti

F’Novembru li għadda, iċ-Ċentru Ewropew għad-Drittijiet Kostituzzjonali u Umani, ibbażat il-Ġermanja, lill-Prim Ministru attwali Robert Abela u lill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, akkużahom b’ delitti kontra l-umanità f’akkuża kriminali sottoposta lill-Qorti Internazzjonali Kriminali.

L-ECCHR qed titlob li jiġu investigati dwar “ir-responsabbiltà individwali kriminali” tagħhom, kemm minħabba li l-immigranti irregolari reġġgħuhom lura l-Libja, kif ukoll minħabba l-konsegwenzi ta’ dawk l-azzjonijiet.

Quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali akkużawhom individwalment li bejn l-2018 u l-2021, wettqu għadd ta’ “delitti kontra l-umanità għax ċaħdu l-libertà fiżika b’mod serju” billi b’mod sistematiku interċettaw id-dgħajjes fil-Mediterran ċentrali, u lil dawk li kienu qed ifittxu l-ażil bagħtuhom lura l-Libja.

L-OLAF tallega li Malta wettqet cover-up ta’ dan it-treġġigħ lura

Hemm għadd ta’ NGOs umanitarji li joperaw fil-Mediterran ċentrali, u lil Malta dawn implikawha kemm-il darba f’akkużi li reġġgħet lura l-immigranti.

Imma dan l-aħħar, l-aġenzija tal-UE kontra l-frodi, l-OLAF, wettqet eżerċizzju ta’ awditjar intern tal-Frontex, u waslet biex allegat li sar cover-up tad-drabi meta dawk li kienu qed ifittxu l-ażil fiż-żona ta’ Malta tas-search and rescue, treġġgħu lura illegalment.

F’Serious Incident Report, tagħti d-dettalji dwar erba’ dgħajjes tal-immigranti li bejniethom kienu qed iġorru xi 250 passiġġier. Dawn intlemħu fis-search and rescue zone ta’ Malta bejn l-10 u t-12 ta’ April tal-2020.

Dan l-inċident ġara meta Malta, il-portijiet tagħha kienet għalqithom għall-immigranti irregolari, u meta l-gvern Malti qabbad dgħajjes tas-sajd privati biex ireġġagħhom lura. Din il-biċċa kkoordinaha l-uffiċċjal infami tal-gvern Neville Gafa, skont l-istruzzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u reġġgħu l-immigranti lura l-Libja meta l-pandemija Covid-19 kienet fl-aqwa tagħha.

Dan ir-rapport ta’ iżjed minn 120 paġna jikkonkludi li aktarx kien hemm dgħajsa waħda li l-awtoritajiet Maltin irmunkawha l-Italja, imma dgħajsa oħra tal-immigranti reġġgħetha lura l-Libja dgħajsa tas-sajd irreġistrata il-Libja imma bbażata Malta.

Meta waslet Tripli, id-dgħajsa fuqha kellha ħames immigranti irregolari mejta.

It-titjiriet ta’ sorveljanza Frontex ta’ Malta biex ireġġgħu lura l-immigranti

Hemm drone rreġistrata Malta, u din toperaha minn hawn kumpannija privata għan-nom tal-aġenzija għall-kontroll tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, il-Frontex. F’Diċembru li għadda din kienet implikata f’każijiet ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem wara li Human Rights Watch ippubblikat analiżi fil-fond multimedia.

Din id-drone, flimkien ma’ ħames ajruplani oħra li qed itiru minn Malta, kif ukoll, imma inqas, minn Sqallija, instab li lill-awtoritajiet Libjani qed jibagħtulhom it-tagħrif dwar dawn id-dgħajjes tal-immigranti li jkunu qed jitilqu mil-Libja.

Issa mbagħad il-Libja (għan-nom ta’ xi pajjiżi Ewropej) treġġa’ lura l-immigranti sejrin lejn l-Ewropa u teħodhom fil-kampijiet Libjani tad-detenzjoni: hemmhekk jittorturawhom regolarment.

Mill-analiżi ta’ din l-organizzazzjoni umanitarja jidher li “l-aġenzija (Frontex) tuża s-sorveljanza mill-ajru biex lill-immigranti tinterċettahom, mhux issalvahom.”

“Mingħajr l-informazzjoni li jgħaddulhom il-mezzi tal-ajru Ewropej, il-Gwardja tal-Kosta Libjana m’għandhomx il-mezzi tekniċi u operazzjonali biex lil dawn id-dgħajjes tinterċettahom fuq skala kbira bħal din.”

Bħalma ġara fl-operazzjonijiet bid-drone fl-2021, il-parti l-kbira tat-titjiriet ta’ sorveljanza telqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. B’kollox hemm ħames ajruplani u drone waħda li jintużaw f’din l-operazzjoni verament dubjuża.

Id-drone jiggwidawha minn stazzjon għall-kontroll mill-art li twaqqaqf l-ajruport ta’ Ħal Luqa fis-sezzjoni militari tiegħu ftit qabel ma beda jopera f’Mejju tal-2021. Id-drone toperah kumpannija sussidjarja tal-Airbus ADAS.

Imbagħad, lill-kwartier ġenerali tal-Frontex f’Varsavja, id-drone tittrażmettilu video kważi live, flimkien ma’ tagħrif ieħor li ssir taf bih bis-saħħa ta’ firxa wiesgħa ta’ sensors ottiċi u oħrajn jaħdmu bis-sħana. F’dan il-kwartier ġenerali janalizzaw l-informazzjoni u jieħdu deċiżjonijiet operazzjonali dwar id-direzzjoni tat-titjira tiegħu. Dawn d-deċiżjonijiet jintbagħtu lura Malta l-ħin kollu.

Hemm ajruplan wieħed reġistrat Malta, Diamond DA62, kif ukoll id-drone, Heron IAI.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo