Il-Ministru tal-Artijiet għandu uffiċċju ieħor għall-kostitwenti marbut ma’ żviluppatur ewlieni

La l-Ministru Silvio Schembri u lanqas l-iżviluppatur involut fil-proġett ta’ Villa Rosa m’huma qegħdin jgħidu ta’ min hu l-uffiċċju għall-kostitwenti fis-Siggiewi, jew jekk hux qed jinkera jew jingħata b’xejn.

 

This article is available in English.

Il-Ministru tal-Artijiet Silvio Schembri qed juża uffiċċju għall-kostitwenti fis-Siggiewi li bnieh xi snin ilu l-kuntrattur Anton Camilleri, ir-ras kbira wara l-proġett enormi u kontroversjali ta’ Villa Rosa, propost għall-Bajja ta’ San Ġorġ.

Skont id-dikjarazzjoni tal-assi li għamel Schembri, l-uffiċċju mhux tiegħu, u ma jridx jgħid jekk kienx qed jikrih minn għand Camilleri, magħruf aħjar bħala Tal-Franċiż, jew jekk dan kienx qed iħallih jużah b’xejn, preċiż f’nofs is-Siggiewi.

Bħalissa l-ministru responsabbli għall-Awtorità tal-Artijiet huwa involut f’għadd ta’ każijiet kontroversjali li għandhom x’jaqsmu mal-bejgħ ta’ art pubblika lil żviluppaturi privati.

U dan huwa t-tieni uffiċċju li qed juża l-ministru responsabbli għall-Artijiet u li jinvolvi direttament żviluppatur ewlieni.

Schembri baqa’ sieket dwar l-uffiċċju tas-Siggiewi għall-kostitwenti, l-istess bħalma qed jirrifjuta li jagħti spjegazzjoni dwar dak li rrappurtat The Shift, għax qed juża uffiċċju ieħor għall-kostitwenti fi blokka f’Ħal Luqa, mibnija minn Paul Attard. Attard huwa shareholder f’GAP Developments u qed jipprova jixtri biċċa art pubblika kbira l-Mellieħa għal prezz verament baxx.

Il-blokka ta’ appartamenti f’Ħal Luqa li bena Paul Attard fejn il-Ministru għall-Artijiet Silvio Schembri qed juża uffiċċju fl-ewwel sular

Il-ministru ma riedx jgħid kemm ilu juża dan l-uffiċċju fil-blokka is-Siggiewi li bena Tal-Franċiż, u lanqas ma ried jagħti dettalji dwar ta’ min hi l-propjetà jew juri kopja tal-kuntratt ta’ kiri.

Lill-ministru, The Shift staqsietu wkoll dwar il-konnessjoni, jekk hemm waħda, bejnu u bejn Camilleri, u l-ħafna kumpanniji tiegħu.

L-iżviluppatur Paul Attard u l-kollega tiegħu fil-Kunsill Esekuttiv tal-Malta Developers Association, Anton Camilleri, it-tnejn li huma rrifjutaw li jwieġbu l-mistoqsijiet li għamlitilhom The Shift.

Lil Camilleri, l-iżviluppatur involut fil-proġett massiċċ ta’ Villa Rosa fil-Bajja ta’ San Ġorġ, saqsejnih jekk lil Schembri kienx qed iħallih juża l-uffiċċju b’xejn, jew inkella kellux kuntratt formali ta’ kiri.

Il-permess oriġinali ta’ Anton Camilleri għall-blokka fis-Siggiewi fejn il-Ministru tal-Artijiet għandu wieħed mill-uffiċċji tiegħu għall-kostitwenti.

Schembri, Tal-Franċiż u d-daqsxejn ta’ sqaq maġenb Villa Rosa

Camilleri ma tantx jidher, imma huwa wieħed mill-iżviluppaturi li jġorr l-iktar piż. Dan l-aħħar żvela l-pjan tiegħu biex Villa Rosa fil-Bajja ta’ San Ġorġ, jibdilha fi proġett stil ta’ Dubai, li jinkludi elementi turistiċi u residenzjali.

Imma biex jirnexxilu jgħaqqad dan il-proġett ta’ tliet mitt miljun Ewro, id-daqsxejn ta’ sqaq pubbliku maġenb il-proġett, kellu bżonn jakkwistah.

U f’daqqa waħda, fl-aħħar kampanja elettorali, dan il-pjan irnexxa ħelu ħelu, għax l-Awtorità tal-Artijiet, responsabbiltà ta’ Schembri, dan l-isqaq ħarġitu għall-bejgħ.

Fit-tender li ħarġet l-Awtorità hemm speċifikat illi l-arja tal-isqaq għandha titħalla libera u mingħajr xkiel sa għoli ta’ ħames metri u nofs biss, limitazzjoni li lill-proġett, takkomodah preċiż.

Is-sejħa għall-offerti li ħarġet l-Awtorità tal-Artijiet għalqet jumejn qabel l-elezzjoni tal-2022, u kien hemm offerta waħda biss, dik ta’ Garnet Investments Ltd tal-familja Camilleri, l-iżviluppatur prospettiv ta’ Villa Rosa.

Fir-rapport li għamel l-awditur intern tal-Awtorità, qajjem diversi punti dwar il-bejgħ ta’ dan l-isqaq. Fosthom kien hemm il-kondizzjonijiet speċjali marbutin miegħu u l-prezz baxx li kienet qed titlob l-Awtorità għalih.

L-isqaq, Camilleri rnexxielu jixtrih għal mitejn Ewro iżjed biss mill-prezz ta’ 133,846 Ewro li kienet qed titlob għalih l-Awtorità tal-Artijiet.

L-uffiċċju fis-Siggiewi li qed juża Schembri huwa t-tieni wieħed f’temp ta’ ġimgħatejn li rrappurtat dwaru The Shift. U jidher li f’din il-biċċa hemm relazzjoni dubjuża bejn il-ministru u l-iżviluppaturi ewlenin.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
N Scerri
N Scerri
1 year ago

Tini l art jew irranagali l permess u ntik appartament jew garaxx?Ta min tibdew tfittxu f isem min irregistrati l appartamenti f dawn l izviluppi li fuqom hargu permessi skandaluzi.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo