Read in English.
Sejbiet Ewlenin
-
Fis-Sentenza tagħha tat-12 ta’ Frar 2025, il-Qorti tal-Appell qablet mad-deċiżjoni tat-Tribunal li Camilleri tkeċċa inġustament mill-Allied Newspapers. Is-Sentenza turi nuqqasijiet fil-proċess dixxiplinari u investigazzjoni preġudikata.
-
It-Tribunal kien sab nuqqas ta’ evidenza biżżejjed fuq l-allegazzjoni kontra Camilleri u saħaq fuq l-oneru tal-prova li għandu min iħaddem biex jippreżenta “raġuni valida u biżżejjed” għat-tkeċċija.
-
Camilleri ngħata kumpens ta’ €171,569 għal danni morali u finanzjarji, u l-Qorti tal-Appell affermat l-importanza ta’ proċeduri dixxiplinari ġusti filwaqt li rrifjutat l-argumenti tal-Allied Newspapers.
Il-każ joħroġ fid-dieher kwistjonijiet kritiċi relatati mal-proċessi dixxiplinari ġusti u mad-drittijiet tal-impjegati.
Qabelxejn, it-Tribunal kien sab li l-proċess dixxiplinari kien dgħajjef. It-Times of Malta kienu kisru l-ftehim kollettiv, u Camilleri ma ngħatax smigħ xieraq qabel tkeċċa.
Meta l-evidenza dwar allegata mġiba ħażina ma tkunx ċara u tonda, min iħaddem irid iniedi proċeduri ġusti biex l-impjegat ikun jista’ jiġi mgħarraf fuq xiex qed jiġi akkużat, biex jifhem l-evidenza li fuqha qed jistrieħu, u biex ikun jista’ jagħmel id-difiża tiegħu.
F’dan il-każ, l-Allied kellha timxi mal-ftehim kollettiv, li jistabbilixxi r-regoli proċedurali. Madanakollu, dawn il-proċeduri ma rrispettathomx fl-intier tagħhom: in-notifika tas-smigħ kienet insuffiċjenti u Camilleri ma ngħatax iċ-ċans għal assistenza legali.
It-tieni, it-Tribunal kien sab ukoll li l-proċess tal-investigazzjoni kien preġudikat, b’persuni bi kpiepel differenti li influwenzaw l-eżitu tal-investigazzjoni. Il-persuna (l-editur) li kienet talbet il-ftuħ ta’ investigazzjoni kienet l-istess persuna li ressqet l-akkużi (għamlet il-prosekuzzjoni tal-każ), u kienet waħda mill-persuni li ddeċidew id-destin ta’ Camilleri.
Finalment, it-Tribunal iddeċieda li, abbażi tal-merti, ma kienx hemm evidenza biżżejjed li ssostni l-allegazzjoni kontra Camilleri b’rabta ma’ ġrajjiet mhux pruvati barra mill-ħin tax-xogħol.
It-Tribunal tenna r-regola li l-oneru tal-prova għal raġuni valida u biżżejjed għat-tkeċċija ta’ impjegat jinsab f’ħoġor min iħaddem. Dan tal-aħħar ma jistax jixħet dan l-oneru fuq spallejn l-impjegat biex jipprova l-innoċenza tiegħu, bħalma l-Allied ippretendiet minn Camilleri fi ftit minuti minn meta ġie akkużat.
Matul il-każ quddiem it-Tribunal, l-editur tat-Times, li kien beda l-proċedimenti kontra Camilleri, argumenta li hu bħala ġurnalist m’għandux jiġi sfurzat jiżvela s-sorsi tiegħu li skontu kien straħ fuqhom biex beda l-azzjoni dixxiplinari kontra Camilleri.
Madanakollu, it-Tribunal qatagħha li fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari, l-editur ma kienx qed jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta’ ġurnalist iżda bħala wieħed mill-impjegati li kien qed jagħmel allegazzjoni kontra kollega tiegħu u allura – f’ġieħ il-ġustizzja – kellu jwettaq investigazzjoni bir-reqqa biex jikkorrobora jew le dak li kien qed jiġi allegat.
It-Tribunal kien sab ukoll li d-diriġenti tal-Allied Newspapers kien messhom talbu lill-editur jikkorrobora l-allegazzjonijiet tiegħu, u messhomx straħu fuq sors tal-editur li ma kinux jafu min hu.
Bl-istess mod, it-Tribunal ma setax jistrieħ fuq xniegħa u dikjarazzjonijiet mhux verifikati, b’mod partikolari meta hemm evidenza oħra li tissuġġerixxi li Ivan Camilleri ma kienx għamel dak li kien qed jiġi allegat kontrih.
Camilleri ngħata kumpens sostanzjali: €171,569. Dan l-ammont ġie kkalkulat abbażi tas-salarju medju tiegħu fuq medda ta’ tliet snin, aġġustat għall-ħlas li daħħal minn xogħol għal rasu li għamel fil-frattemp, bonuses u danni morali. It-Tribunal irrikonoxxa l-impatt morali u finanzjarju ġmielu li ġarrab Camilleri, inkluż dannu għar-reputazzjoni u l-prospetti tal-karriera tiegħu.
Is-Sentenza tal-Appell: Il-Qorti kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal, qablet li t-terminazzjoni tal-impjieg kienet inġusta, u kkonfermat il-kumpens deċiż mit-Tribunal, inkluż il-kunsiderazzjoni ta’ telf u danni morali fil-futur.
Ikkonfermat ukoll, f’sentenza separata, li t-Tribunal għandu s-setgħa wkoll inaqqas il-kumpens mogħti jekk li jkun hemm xi negliġenza kontributorja min-naħa ta’ impjegat li jkollha sehem fit-terminazzjoni tal-impjegat.
It-tkeċċija ma ssirx ġo vakum iżda fil-kuntest tal-impjieg ta’ impjegat. U jekk ikun hemm ċirkostanzi li jinġiebu bħala prova għall-attenzjoni tat-Tribunal, it-Tribunal ikun jista’ jqishom meta jkun qed jiddetermina l-ammont tal-kumpens li għandu jingħata.
Il-Qorti tenniet li hu t-Tribunal li għandu d-diskrezzjoni li jikkwantifika l-kumpens. Madanakollu, qieset ukoll il-kunsiderazzjonijiet li għamel it-Tribunal u sussegwentement ikkonfermat li f’dan il-każ, Camilleri kien affettwat bit-tkeċċija u l-impatt tagħha, u bil-pubbliċità għat-tkeċċija tiegħu li saret matul iż-żmien mill-kumpanija li kienet timpjegah. Qieset ukoll li d-deċiżjoni tat-Tribunal kienet tirrifletti dan il-fatt.
Il-Qorti rrifjutat l-argument tal-Allied Newspapers li t-Tribunal iffoka wisq fuq kwistjonijiet proċedurali u mhux biżżejjed fuq is-sustanza tal-allegazzjonijiet infushom. Minflok, it-Tribunal kien iddikjara b’mod ċar li l-ewwel kien se jħares lejn il-kwistjonijiet proċedurali u mbagħad lejn il-mertu tal-każ, kif effettivament għamel.
Il-Qorti saħqet l-importanza li jiġu osservati l-proċeduri dixxiplinari xierqa u li jkun żgurat li l-impjegati jkollhom opportunità ġusta biex jiddefendu lilhom infushom. Sostniet li t-Tribunal kellu raġun li l-Allied aġixxiet bl-għaġla u kienet ostinata li tkeċċi lil Camilleri qabel tatu smigħ xieraq.
Il-każ ta’ Camilleri jenfasizza l-importanza kritika ta’ proċessi dixxiplinari ġusti u l-ħtieġa ta’ evidenza konkreta meta jsiru allegazzjonijiet serji kontra xi impjegat.
It-Tribunal Industrijali u l-Qorti tal-Appell bagħtu messaġġ ċar dwar l-istandards mistennija matul il-proċess li jwassal għat-tkeċċija ta’ xi impjegat: biex jitħarsu l-prinċipji tal-ġustizzja u tal-ekwità fuq il-postijiet tax-xogħol.
Dan l-artiklu kienet ippubblikatu oriġinarjament id-ditta legali Fenech & Fenech Advocates u qed jiġi tradott għall-Malti hawnhekk bil-permess tagħha.