Professur Għawdxi u oħtu mressqa l-Qorti fuq ħasil tal-flus ta’ €3.5 miljun

Read in English.

Professur Għawdxi u oħtu, persuni magħrufin sew fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, Għawdex, tressqu l-Qorti ftit tal-ġimgħat ilu b’akkużi ta’ ħasil tal-flus u serq ta’ flejjes li jlaħħqu t-€3.5 miljun.

Dawn l-arresti u l-akkużi quddiem il-qorti b’rabta ma’ dan il-każ bi profil għoli ma ssemmew xejn fl-aħbarijiet u jidher li kollox sar bil-moħbi, anki mill-pulizija li ma ħabbru xejn dwar l-arresti taż-żewġ persuni bħalma jiġri s-soltu.

Sorsi qrib il-Qorti Għawdxija qalu lil The Shift li l-Prof Joseph Bonnici ta’ 63 sena, li qatta’ ħafna mill-karriera tiegħu fl-Istati Uniti, u oħtu Maria Angela Bonnici ta’ 55 sena, li hi involuta wkoll fl-amministrazzjoni tal-Bażilika, tressqu l-qorti akkużati bil-ħasil tal-flus, b’serq ta’ flejjes, u li għamlu dikjarazzjonijiet foloz.

L-akkużi li t-tnejn qed jiċħdu għandhom x’jaqsmu ma’ tranżazzjoni massiva ta’ €3.5 miljun xi snin ilu.

Filwaqt li d-dettalji dwar dan il-każ huma ftit li xejn, The Shift hu infurmat li skont il-pulizija, il-Prof. Bonnici kellu xi €3.5 miljun ġo kont bankarju f’Hong Kong u li dawn il-flejjes ġew trasferiti lejn bank fl-Istati Uniti tramite bank lokali.

Skont il-pulizija, Bonnici kien obbligat jiddikjara l-fondi u jħallas it-taxxi ladarba dawn ġew depożitati ġo bank Malti fi triqithom lejn l-Amerka.

Ir-rwol ta’ oħtu f’din it-tranżazzjoni għadu mhuwiex ċar iżda s-sorsi qalulna li Maria Angela Bonnici kienet taħdem l-HSBC dak iż-żmien.

The Shift hu infurmat li filwaqt li ż-żewġ akkużati ngħataw il-libertà proviżorja, il-qorti ordnat l-iffriżar ta’ €3.5 miljun fil-konfront tagħhom, u fil-frattemp l-akkużati qed jippruvaw jikkontestaw din l-ordni tal-iffriżar.

Meta mistoqsijin għalfejn il-pulizija ma ħarġu l-ebda stqarrija għall-istampa li tħabbar dan il-każ bi profil għoli, kelliem għall-pulizija qal lil The Shift li dan kien żball ġenwin u apoloġizza.

L-avukati Stefano Filletti u Kathleen Grima qed jidhru għall-akkużati u Andre Zerafa qed imexxi l-prosekuzzjoni. Il-każ qed jinstema’ mill-Maġistrat Jean Paul Grech.

Il-Prof. Bonnici hu magħruf f’Għawdex għal esperiment li kien għamel fl-1994 u li għaġġeb lill-elettorat kollu.

Malta dik is-sena organizzat l-ewwel elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u ċertu Patrick Grima, magħruf bħala l-Ħanfusa u rocker appassjonat, kien ġie elett fil-kunsill lokali tal-Belt Victoria mal-ewwel għadd, f’isem partit ta’ persuna waħda msejjaħ il-Partit tal-Hard Rock.

Patrick Grima, li fl-1994 għaġġeb lill-gżira bir-riżultat li kiseb fl-elezzjoni.

Il-Prof. Bonnici, li jispeċjalizza fil-marketing, dak iż-żmien kien il-moħħ wara l-kampanja tal-Ħanfusa u s-suċċess tiegħu. Kien esperiment tal-Prof. Bonnici fuq kif b’kampanja tal-marketing professjonali tista’ teleġġi lil xi ħadd li ħadd ma jistenna li jitla’.

Patrick Grima ħalliena fl-2019.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo