Ilmenti legali fuq il-ftehim Montenegrin li fih l-Enemalta tilfet il-miljuni

"Sparixxew" €7.4 miljun allegatament biex jixxaħħmu uffiċjali Maltin, Ażeri u Montenegrini involuti

 

Read in English.

Kumpanija Spanjola ntlaqtet b’diversi lmenti legali b’rabta ma’ allegat frodi multimiljunarju relatat mal-irdieden tar-riħ fil-Montenegro, proġett li fih l-Enemalta tilfet il-miljuni.

Il-ftehim tal-irdieden kien sar tul l-amministrazzjoni Laburista tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat u kien mexxieh il-ministru ‘stilla’ tiegħu Konrad Mizzi.

It-tnejn li huma eventwalment ġew imġiegħla jirreżenjaw fl-2019, flimkien maċ-chief of staff ta’ Muscat, Keith Schembri, fuq akkużi ta’ korruzzjoni.

L-ilmenti tressqu kontra l-kumpanija Spanjola Audax Renovables SA quddiem il-Prosekutur ta’ Kontra l-Korruzzjoni u l-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq tat-Titoli (Comisión Nacional del Mercado de Valores) u jirreferu għall-frodi u għall-għejbien ta’ €7.4 miljun.

L-ilmenti ppreżentahom intermedjarju mill-Montenegro, li kien involut fil-ftehim bħala konsulent.

The Shift kien żvela l-korruzzjoni f’dan il-ftehim fl-2020, wara investigazzjoni mingħajr fruntieri li ħarġet fid-dieher kif kienu sparixxew bosta flejjes għax spiċċaw kickbacks fil-kontijiet privati ta’ bosta uffiċjali mill-Montenegro, mill-Ażerbajġan u Maltin.

Għebu l-miljuni

Minn dik l-investigazzjoni li għamel, The Shift kien skopra wkoll li l-proġett tal-irdieden tar-riħ f’Mozura kien imnawwar bl-allegazzjonijiet tal-korruzzjoni sa mill-bidu nett.

Xi intermedjarji involuti fil-proġett tal-Montenegro kienu qalu lil The Shift li “Persuni fil-gvern Montenegrin sabu persuni bħalhom fil-gvern Malti li magħhom setgħu jdawru lira u jaqsmu l-qligħ bejniethom.”

Milo Djukanovic in Malta with former Prime Minister Joseph Muscat in Valletta, Malta.

Milo Djukanovic waqt żjara f’Malta mal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat fil-Belt Valletta, Malta. Ritratt: DOI / Omar Camilleri.

 

L-investigazzjoni ta’ The Shift sabet ukoll li f’dan il-proġett kienu involuti wkoll xi azzjonisti tal-ftehim tal-Electrogas f’Malta u dawn użaw lill-Enemalta biex jiġġeneraw qligħ personali li jlaħħaq il-miljuni.

Fost dawn hemm Turab Musayev tas-SOCAR u Yorgen Fenech.

Musayev, li kien irrappreżenta l-interessi tal-Ażerbajġan fl-Electrogas, fl-2015 uża kumpanija offshore – Cifidex – biex jixtri 99% tal-ishma fil-proġett tal-irdieden tar-riħ f’Mozura, il-Montenegro, għal €2.9 miljun.

Ġimagħtejn wara, Musayev uża l-istess kumpanija offshore biex ibigħ l-ishma lill-Enemalta plc għal €10.3 miljun.

Wara li Cifidex bigħet l-ishma lill-Enemalta, dil-kumpanija offshore ħallset €3 miljun minnhom lil 17 Black flimkien ma’ €4.6 miljun oħra bħala “qsim tal-profitti”.

Minbarra Fenech u xi interessi Ażeri, kien ġie rrappurtat ukoll li bosta uffiċjali Montenegrini kienu ħadu xi biċċa mill-prezz eżorbitanti li l-Enemalta ħallset għall-ishma.

L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat (fin-nofs) u l-eks ministru tal-enerġija Joe Mizzi (ħdejh) qed jiċċelebraw il-ftehim fil-Montenegro mal-Prim Ministru Montenegrin Dusko Markovic (fuq ix-xellug).

Dak l-investiment spiċċa għand il-gvern Ċiniz, li mbagħad kien xtara l-ftehim mingħand l-Enemalta, li l-unika rwol tagħha jidher li kien li tiffaċilita x-xiri ħalli dawk involuti jkunu jistgħu jdawru lira tajba.

Jonathan Scerri, ic-chairman tal-Enemalta fl-2021 u fl-2022, kien ammetta quddiem kumitat parlamentari li l-ftehim ma kienx fl-interess tal-kumpanija. Madanakollu, hu ddikjara li ma ħa l-ebda azzjoni, u li dak iż-żmien kien iffukat fuq kwistjonijiet oħrajn.

Fl-2021 kien tlesta rapport tal-awditjar mid-ditta legali Mamo TCV, iżda l-Enemalta żammitu moħbi sal-2023.

Dak l-awditjar kien wera li l-Enemalta kienet taf eżattament li kienet qed tħallas prezz minfuħ ħafna għall-ftehim li sar mill-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat u l-eks ministru tal-enerġija diżonorat Konrad Mizzi.

Mill-investigazzjonijiet li għamlu l-ġurnalisti ħareġ fid-dieher ukoll kif Yorgen Fenech, mill-ġdid involut fi ftehim mill-aktar dubjuż mal-gvern, kien għamel il-miljuni mill-proġett permezz tal-kumpanija offshore tiegħu 17 Black. Ħareġ li l-poplu Malti tilef il-miljuni, filwaqt li dawk involuti minn wara l-kwinti kienu għamlu profitt li jlaħħaq il-miljuni.

Disgraced former Prime Minister Joseph Muscat with the Maltese contingent in Montengro including his chief of staff Keith Schembri, ambassador to Montenegro Karl Izzo, and former ministers Carmelo Abela and Konrad Mizzi.

L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat mal-kontinġent Malti fil-Montenegro, fosthom iċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri, l-ambaxxatur għall-Montenegro Karl Izzo, u l-eks ministri Carmelo Abela u Konrad Mizzi.

 

Irranġar, tixħim u kickbacks

L-ilmenti legali kontra l-kumpanija Audax Renovables SA ippreżentahom intermedjarju fil-ftehim, Ivan Popovich.

Hu ddikjara li l-kumpanija Spanjola kienet iffirmat il-ftehim dwar il-proġett ma’ “kumpanija li ma teżistix”.

Minkejja dan, kienu saru ħlasijiet lil bint uffiċjal ewlieni fil-Federazzjoni tat-Trade Unions tal-pajjiż, u li allegatament skontu dawk kienu kickbacks.

Hu insista wkoll li Audax Renovables SA ittrasferiet il-ftehim b’mod illegali għax il-kumpanija li kienet rebħet is-sejħa għall-offeri tal-gvern ma kellha l-ebda jedd li tittrasferixxi s-sjieda tal-proġett.

Hu allega wkoll li kienu twettqu 10 reati, fosthom ħasil tal-flus u tixħim.

Dawk involuti fil-ftehim f’Malta, fosthom l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, il-ministru diżonorat tiegħu Konrad Mizzi, u ċ-chief of staff diżonorat tiegħu Keith Schembri, qed jaffaċċjaw għadd ta’ akkużi kriminali fil-qrati f’Malta b’rabta ma’ ftehim frawdulenti ieħor li jinvolvi tliet sparijiet pubbliċi tal-Maltin u l-Għawdxin.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo