Jieħdu r-ruħ fil-PBS hekk kif tneħħa s-CEO

Read in English.

L-aħbar li ċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS Mark Sammut tneħħa ntlaqgħet biċ-ċelebrazzjoni minn bosta ħaddiema tax-xandir nazzjonali, hekk kif ġew infurmati li ma kienx se jerġa’ lura fl-uffiċċju tiegħu wara l-vaganza sajfija twila tiegħu fi Florida.

Diversi impjegati tal-PBS qalu lil The Shift li minnufih malli bdew ħerġin l-ewwel rapporti fuq il-midja soċjali dwar dan, bosta ħadu pawsa qasira mix-xogħol biex ikunu jistgħu jiċċelebraw l-“aħbar tajba”.

Filwaqt li ddeskrivew lil Sammut bħala “dittatur”, agħar minn dawk li kienu jmexxu l-PBS fi żmien Xandir Malta tat-tmeninijiet, qalulna li Sammut kien imexxi bl-insulti u bl-intimidazzjoni, tant li fl-aħħar sentejn kien hemm xi 30 ħaddiem veteran u tal-esperjenza li ħallew l-istazzjon.

“Qatt ma rajt persuna arroganti daqsu,” qal tekniku veteran lil The Shift, filwaqt li rrakkonta esperjenza personali meta Sammut għajru “ħ*ra tal-klieb” quddiem il-kollegi tiegħu.

Oħrajn irrakkontaw kif iċ-chairman, magħżul direttament mill-Prim Ministru Robert Abela, kien jordna lill-ħaddiema tiegħu biex isejħulu Sur Chairman.

Lin-nisa kien jittrattahom bid-diżrispett u lil bosta ħaddiema kien jibgħathom id-dar u ma jħallilhom xejn x’jagħmlu, filwaqt li jibqgħu jitħallsu paga sħiħa mill-kaxxa tal-PBS.

“Uħud mill-impjegati lanqas biss rajniehom fuq ix-xogħol fl-aħħar sentejn għax iċ-chairman qabad u qalilhom biex ma jirrapportawx iżjed għax-xogħol. Madanakollu, xorta waħda baqgħu jitħallsu,” qalilna meniġer ewlieni tal-kumpanija.

Eks konsulent tal-eks Kummissarju tal-UE John Dalli, Mark Sammut qaleb mal-Labour minnufih malli l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat sar prim ministru.

Permezz ta’ bosta direct orders, il-kumpanija tal-IT privata tiegħu bdiet tikseb il-kuntratti tal-gvern, l-aktar mingħand il-ministeru tas-saħħa. Dak iż-żmien hu kien inħatar ukoll fuq bosta bordijiet, fosthom ta’ Transport Malta.

Minnufih malli Robert Abela sar prim ministru, imbagħad, Kastilja għażlet lil Sammut biex imexxi l-PBS, allavolja qatt ma kien daħal fi studio tat-televixin u ma kellu l-ebda esperjenza fix-xandir.

Fil-frattemp, il-gvern żied ġmielhom is-sussidji lill-PBS, tant li kull sena laħqu ċifra qrib is-€6 miljun. Iżda din xorta waħda ma kinitx biżżejjed għax skont l-aħħar kotba finanzjarji ppubblikati fl-2023, il-PBS iddikjara telf ta’ xi €40,000. Is-sena ta’ qabel, il-PBS irreġistra telf ta’ iżjed minn €1.5 miljun.

Kontrollur finanzjarju li impjega Sammut biex jipprova jġib il-finanzi fuq saqajhom, spiċċa telaq wara sitt xhur, u minfloku Sammut ta promozzjoni lil DJ partikolari biex ikun hu l-kontrollur finanzjarju.

Skont xi ħaddiema tal-PBS, it-trikki trakki bejn Sammut u bosta membri superjuri tal-kumpanija kienu l-ħobżna ta’ kuljum.

Ġlieda minnhom saħansitra spiċċat fil-pubbliku, meta Sammut kellu xi jgħid ma’ Norma Saliba, il-kap tal-kamra tal-aħbarijiet ta’ dak iż-żmien, u ordna r-rilokazzjoni tagħha ‘l barra mill-kumpanija. Saliba eventwalment ingħatat kariga oħra b’pakkett finanzjarju ta’ iżjed minn €73,000 fis-sena ġo Ċentru tal-Ilsien Malti, li nħoloq essenzjalment għaliha.

Dak iż-żmien, Robert Abela kien ħa n-naħa ta’ Sammut, u neħħa lil Saliba.

Skont sorsi fil-PBS, it-tmiem ta’ Sammut beda waqt il-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet Ewropej meta bosta Laburisti tal-qalba impjegati mal-PBS bdew jibagħtu messaġġi lill-prim ministru li ma kinux se jivvutaw u r-raġuni li taw kienet Sammut.

Uħud saħansitra xeħtu d-dokument tal-vot tagħhom fuq il-midja soċjali biex jiżguraw li l-messaġġ jasal fejn għandu jasal. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru mbagħad minnufih fehem is-sitwazzjoni malli ħareġ ir-riżultat mhux mistenni minn Abela fl-elezzjonijiet.

The Shift ġie infurmat li Abela talab lill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici biex isib CEO ġdid għall-PBS. Iżda Bonnici ma mexiex f’dik id-direzzjoni.

Il-ġimgħa l-oħra, uffiċjal mill-OPM ikkuntattja lil Sammut u qallu biex ma jerġax lura fl-uffiċċju tiegħu, u li l-kuntratt tiegħu kien se jiġi tterminat għal għarrieda fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Mhux ‘il bogħod wisq, f’Marzu li għadda Sammut kien kiseb l-approvazzjoni tal-OPM biex il-kuntratt tiegħu jkun jista’ jiġġedded għal tliet snin oħra. Sal-lum, iżda, għadu mhuwiex magħruf jekk Sammut hux se jkun qed jikseb xi golden handshake biex ikun jista’ jitlaq minn postu mingħajr tisbit tas-saqajn.

Il-Ministru Owen Bonnici kkonferma li Sammut mhux se jibqa’ iżjed mal-PBS u li bħalissa għaddejja tiftixa biex jinstab CEO ieħor jew oħra.

Fl-aħħar snin, il-PBS ġie relegat għal stazzjon tal-propaganda tal-gvern, u tħallsu bosta kuntratti ħoxnin lil produtturi u ġurnalisti ta’ ġewwa.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo