IM: uffiċjali għoljin irrabjati għad-deċiżjoni ta’ Steve Ellul dwar il-kariga tad-deputata tiegħu

Taqlib u konfużjoni sħiħa qed jiddominaw it-tmexxija tal-aġenzija governattiva tat-toroq Infrastructure Malta, hekk kif bosta uffiċjali għoljin minn fost id-diriġenti opponew bil-qawwa l-promozzjoni kontroversjali u irregolari li għamel il-kandidat Laburista Steve Ellul, li ma rnexxilux jikseb postu fil-Parlament Ewropew, eżattament malli ħa f’idejh il-kariga ta’ CEO tal-aġenzija.

Ix-xahar l-ieħor, matul l-ewwel ġranet tiegħu fl-aġenzija, Ellul għażel lil Janice Borg, il-meniġer tal-unità tal-infrastruttura marittima, biex tkun id-deputata tiegħu. Id-deċiżjoni tiegħu minnufih ħolqot rabja fost membri oħrajn mit-tim tat-tmexxija tal-aġenzija.

The Shift hu infurmat li żewġ diretturi eżekuttivi tal-aġenzija, Raphael Abdilla u Henry Attard, li t-tnejn għandhom kariga ogħla minn Borg, qed jagħmlu “rewwixta siekta” kontra Ellul u qed jinsistu li dan ireġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu.

Il-kap tal-Unità Marittima ta’ Infrastructure Malta laħqet Deputata CEO.

Flimkien ma’ bosta membri oħra mit-tim tat-tmexxija, dawn qed jagħmlu pressjoni fuq Ellul, l-aktar permezz tal-ministeru, biex ireġġa’ lura l-promozzjoni ta’ Borg u joħroġ sejħa xierqa ħalli jkun jista’ jaħtar id-deputat CEO. Sa dakinhar, din il-pożizzjoni qatt ma kienet teżisti fl-aġenzija.

Din it-taqliba qed taffettwa wkoll l-operat bla skossi tal-aġenzija u qed tkompli ddewwem id-deċiżjonijiet dwar għadd ta’ proġetti nazzjonali kruċjali, fosthom dak tax-Xatt tal-Imsida. Ellul issa ppospona l-iffirmar tal-kuntratt il-ġdid u Borg qed tipprova ssolvi l-problema li ħoloq.

Meta mistoqsi għal kopja tal-kuntratt il-ġdid ta’ Borg bħala Deputata CEO, Ellul qal lil The Shift li ma jeżisti l-ebda kuntratt.

Minuti interni approvati minn Steve Ellul, li jsemmu lil Janice Borg bħala Deputata CEO minkejja li ma sarx kuntratt.

Filwaqt li Ellul introduċa lil Borg bħala d-deputata tiegħu u dik li qed tirrappreżentah f’bosta laqgħat, il-bqija tal-meniġers qed iqisu d-deċiżjonijiet tagħha bħala ineffettivi u illegali għax hi m’għandix kuntratt għal dik il-kariga. U din is-sitwazzjoni qed tkompli twaqqaf il-ħidma tal-aġenzija.

Il-frustrazzjoni tal-bqija tal-membri tat-tmexxija ta’ Infrastructure Malta kompliet tiżdied billi Borg kienet involuta f’mossa mill-aktar inetika ftit xhur ilu meta nqabdet taħdem għal aġenzija governattiva oħra, Projects Malta. Dik il-mossa kisret il-kodiċi tal-etika tal-aġenzija iżda xorta waħda baqgħet għaddejja mingħajr kastig.

Il-miġja ta’ Steve Ellul fl-aġenzija diġà ntlaqgħet bix-xettiċiżmu u bid-disprezz minn bosta minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza u n-nuqqas ta’ kwalifiki tiegħu biex imexxi l-organizzazzjoni.

Bosta interpretaw il-ħatra tiegħu fis-siġġu tas-CEO bħala “rigal” li jpatti għall-fatt li ma nrexxilux jikseb siġġu fil-Parlament Ewropew fi Brussell fl-aħħar elezzjoni tal-MEPs, minkejja l-palati kbar li tawh, kemm il-Prim Ministru Robert Abela u anki l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli.

Ellul issa għandu salarju ta’ €128,000 fis-sena permezz ta’ kuntratt għal tliet snin.

Minbarra din id-deċiżjoni kontroversjali li ħa biex ħatar lil Borg bħala d-deputata tiegħu, hu ingaġġa wkoll lit-tifla ta’ 24 sena tal-eks kap diżonorat tal-MFSA, Joseph Cuschieri, bħala l-business development manager tal-aġenzija.

Ellul ma riedx jispjega jekk għall-ingaġġ ta’ Katrina Cuschieri ntużax proċess xieraq tar-reklutaġġ.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo